Illum previous editions

ILLUM 9 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1441470

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 27

07 analiżi illum • IL-ĦADD 9 TA' JANNAR 2022 YENDRICK CIOFFI Wara waqfa għall-gazzetta tal- Milied u dik tal-Ewwel tas-Sena, il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta' artikli li matulhom, hekk kif issa ninsabu fis-sena tal-elezzjoni ġenerali, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017. Illum imiss id-disa' distrett elettorali, li jinkludi l-lokalitajiet ta' Ħal Għargħur, l-Imsida u ż-żona tas-Swatar, San Ġwann u ż-żona tal-Kappara, is-Swieqi u ż-żona tal- Madliena u anke l-lokalità ta' Ta' Xbiex. F'dan id-distrett, forsi bil-kuntrarju ta' dak li rajna fil-bqija tad-distretti sa issa, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jżomm appoġġ pjuttost b'saħħtu anke jekk dan ġieli żdied u ġieli naqas xi it. Madanakollu, anke meta naqas, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda żamm maġġoranza komda fih. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kompla jnaqqas l-appoġġ tiegħu fuq bażi nazzjonali, iżda fuq id-disa' distrett, għal darb'oħra, sab appoġġ qawwi u saħansitra reġa' ssaħħaħ. Fl-2017, il-Partit Nazzjonalista kiseb 13,007 voti jew 56.27% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 9,712-il vot jew 42.01% tal-voti fid-disa' distrett. Interessanti li l-elezzjoni ġenerali tal- 2013, ħejjiet it-triq biex fl-2017, jiġu eletti kandidati ġodda u żgħar. Fil-fatt, Kristy Debono, li fl-2013 telgħet biss b'elezzjoni każwali biex tieħu s-siġġu ta' Simon Busuttil, mhux talli kienet l-aktar kandidata li ġabet voti, talli qabżet il-kwota u ġiet eletta immedjatament fl-ewwel għadd. Debono kisbet xejn inqas minn 4,022 vot. Immedjatament warajha, kien elett Robert Arrigo b'4,001 vot fis-26 għadd u warajh kienet eletta Marthese Portelli, fid- 29 għadd, b'4,937 vot. Min-naħa tal-Partit Laburista, din id-darba, Clion Grima kien elett immedjatament mingħajr il-bżonn ta' elezzjoni każwali u anke jekk il-voti kienu mifruxa ħafna, qabeż kandidati oħra Laburisti bħal Michael Falzon, Manuel Mallia u Edward Zammit Lewis, li kollha kemm huma kellhom rwol fil-kabinett bħala Ministri jew Segretarji Parlamentari. Grima kien elett fit-30 għadd bi 3,437 vot. Michael Falzon, minkejja li kien għadu kemm kien fiċ-ċentru ta' dak li tlaqqam bħala l-iskandlu ta' Gaffarena, ġie elett ukoll f 'dan id-distrett, fit-30 għadd, bi 3,384 vot. Manuel Mallia, li fl-2014 kien intalab jirriżenja minn Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, wara l-famuża sparatura mix-xufier tiegħu, ġie elett biss f 'elezzjoni każwali wara li ċeda s-siġġu tiegħu Michael Falzon. Intant, id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli kienet irriżenjat mill- Parlament fl-2020 u minflokha kien elett Ivan Bartolo, li eventwalment kien ċeda s-siġġu tiegħu fl-istess sena biex minfloku seta jiġi co-opted Bernard Grech li kien għadu kemm ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista. F'din l-elezzjoni, il-Partit Laburista kellu seba' kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu rekord ta' 20 kandidat. Il-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa enormi fl-2013 u li tagħtu daqqa li għadu sal-lum il-ġurnata ma jistax jieħu ruħ warajha. Madanakollu, anke jekk tilef l-elezzjoni ġenerali b'distakk rekord, fid-disa' distrett, minkejja li naqqas l-appoġġ, żamm distakk konsiderevoli favurih. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 53.95% tal-voti fid-disa' distrett jew inkella 12,409 voti, filwaqt li l-Partit Laburista, issa b'mexxej u b'dehra ġdida, kiseb 42.84% tal-voti jew 9,854 vot. L-aktar kandidat li kiseb voti kien Simon Busuttil li kien għadu kemm ħalla l-Parlament Ewropew hekk kif ġie elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista it xhur biss qabel l-elezzjoni ġenerali. Din id-darba, ikkontesta Manuel Mallia li qabeż lil Leo Brincat u kien l-aktar kandidat Laburista li kiseb voti. Fil-fatt, huwa kien elett fl-20 għadd b'4,183 vot. Leo Brincat xorta waħda kien elett, iżda fis- 27 għadd u għall-ewwel darba lanqas irnexxielu jaqbeż il-kwota ta' 3,834 vot. Fil-fatt, huwa kien elett bi 3,324 vot. Eventwalment, fl-2016, Brincat irriżenja mill- Parlament hekk kif kien innominat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Eventwalment, wara li saret elezzjoni każwali, il-Partit Laburista rnexxielu jeleġġi wieħed mill-uċuh il-ġodda, jiġifieri lil Clion Grima, illum Ministru għall- Edukazzjoni u l-Isports. Meta tqis li kien qed jikkompeti ma' uċuh familjari, fosthom Leo Brincat, Michael Falzon u Manuel Mallia, Grima ma marx ħażin. Fl- ewwel għadd, kien diġà kiseb 1,464 vot. Lura għall-Partit Nazzjonalista. Din id-darba Dolores Cristina ma kinitx ikkontestat fuq dan id-distrett u marru tajjeb George Pullicino (dak iż-żmien Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali) u Robert Arrigo, iżda mar minn taħt Francis Zammit Dimech li reġa' ma ġiex elett minn dan id-distrett. George Pullicino, li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ma rnexxilux jitla' minn dan id-distrett, kien l-aktar kandidat wara Simon Busuttil li ġab voti u eventwalment kien elett fl-20 għadd b'4,308 voti. Robert Arrigo, kien elett warajh, fit-22 għadd, b'4,182 vot. Fil-leġiżlatura li kienet għadha kemm intemmet, Arrigo kien Assistent Parlamentari għall-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. Simon Busuttil u anke Robert Arrigo kienu ċedew is-siġġijiet tagħhom f 'dan id-distrett, hekk kif kienu eletti minn distretti oħra. Fl- elezzjonijiet każwali li kienu saru, kienu eletti Marthese Portelli u Kristy Debono. Il-Partit Laburista kellu għaxar kandidati u l-Partit Nazzjonalista kellu tnax. 2013: Il-PN jibqa' b'saħħtu; L-elezzjonijiet każwali jiftħu l-bieb għal uċuh ġodda 2017: Il-PN jerġa' jżid l-appoġġ; Id-Deputati jinbidlu... L-aktar kandidati b'saħħithom tad-disa' fl-aħħar erba' elezzjonijiet ġenerali PL PN 42.01% 56.27% PL PN 42.84% 53.95%

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 January 2022