Illum previous editions

ILLUM 9 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1441470

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 kotba illum • IL-ĦADD 9 TA' JANNAR 2022 Mark Vella se jieħu tikka pawża mill-qari u r-reċensjoni tal-kitba għaż-żgħażagħ. Mhux għax dejquh...xejn affattu. Anzi, ilu ġimgħat intrigat mill-offerti l-ġodda tas-suq Malti, imma Noti Blu ta' Jacqueline Mizzi u Mitt Elf Isem Ieħor ta' Lon Kirkop issa jistednuh biex jieħu nifs u jirrifletti bis-serjetà u l-imperattivi kontinwi tal- like send subscribe. F'Mizzi, din id-dinja għadha waħda maniġġabbli, fejn donnu l-bidla tal-komunikazzjoni ma tirkibx fuq storja b'saħħitha għax tipika: l-ewwel namur żagħżugħ, l-għira u t-tqabbil li jwasslu għall- ewwel klassifikazzjonijiet, u l-passjonijiet u l-pressjonijiet varji tal-iżvilupp adolexxenzjali. Imma wkoll il-fatati jduru madwarna, bħal Gordon li jinten seba' pesti, u jżiġġ u jfeġġ fl-istorja bħala figura inkwetanti, daqs il-persunaġġi reali li bħalissa qed nisimgħu dawrhom fl-aħħar aħbarijiet. Din il-preokkupazzjoni, issuġġerita minn Mizzi, tiġi żviluppat b'intensità ttarrax minn Lon Kirkop (Marlon Chircop) f 'Mitt Elf Isem ieħor (Merlin Publishers, 2021), rebbieħ tal-edizzjoni 2020 tal- Konkors ta' Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ. Ismu miegħu, dan il-ktieb huwa essenzjalment l-istorja ta' identitajiet virtwali li jistgħu jinbidlu u jiġu mmanipulati kif ġieb u laħaq. U dan ir- rumanz għandu natura online daqs kemm tal-karta li nqallbu aħna u naqrawh, u forsi l-proġett grafiku stupend ta' Kirkop u l-Merlin kien meħtieġ biex jikkonkretizza storja li essenzjalment isseħħ fuq livell ċibernetiku, bejn videos fuq YouTube, fastidju fuq Instagram, u l-messaġġi jżiġġu minn naħa għal oħra. F'din il-ġrajja tal- identitajiet, il-leħen ġdid ta' Kirkop jirnexxilu jsemma bil-qawwa d-dilemmi ta' min jgħix il-biċċa l-kbira ta' ħajtu f 'dimensjoni elettronika li xejn mhi innokwa. Naħseb huwa ovvju meta naraw x'jgħaddi fuq il-pjattaformi soċjali, jew inkella, biex insemmu dak li jidhirli eċċezzjoni tat-twerwir u li għadni ma nistax naqbad tarf tiegħu, il-fenomenu tal- ħammallaġni u l-imbeċillità grassa fuq it-TikTok. L-awtur jirnexxilu jbill subgħajh kemm hemm bżonn fil- fond oskur ta' din id-dinja ġdida u potenzjalment tat- tkexkix, bil-profili foloz, l-assassinju spreġudikat u ardit tal-karattru, u l-isplużjoni t a d - d i s m o r f i j a żagħżugħa. Fejn f 'Mizzi għaraft l-isfidi adolexxenzjali ta' żmieni, kemm kemm tradotti u aġġornati għall- ġurnata tal-lum, f 'Kirkop inkwetajt dwar il-mostri ġodda li qed ifeġġu f 'ħajjet iż-żgħażagħ. Mitt Elf Isem Ieħor rumanz ikkalibrat b'qattara preċiża, bi żvolti sottili iżda sorprendenti li jmexxu l-istorja 'l quddiem lejn epilogu e s s e n z j a l m e n t traġiku u li jibqa' bla riżoluzzjoni. Il- karattru ta' Manda jikseb il-konkretezza fiċ-ċirkostanzi li jinsab fih, mit- tbarrija soċjali miċ-ċrieki tal-eliti (jaf xi mkien ieħor isibuhom bħala perfs, jew inkella l-'perfetti' li tant jobogħdu l-incels) sa ċirkostanzi familjari tant identifikabbli. Is-sinċerità ta' Kirkop, kif ukoll il-polz fuq id-dinja li qed jiddeskrivi jidhru wkoll mill- mod skjett kif tiġi ppreżentata l-ħajja ta' Manda hija u tissielet ma' dinjiet li ma tistax issib tarfhom: il-familja, l-iskola bħala dik il- metafora letterarja tal-ħajja (kważi Għeden mhux utopiku qabel il- waqgħa fid-dinja ikreh tal-adultezza) u x-xewqa li tkun xi ħaġa oħra. U, fl-aħħar, l-identità. Il-mod kif inħarsu fil-mirja li issa saru kotrana, ikellmuna lura, u li anki nistgħu neħduhom f 'idejna biex ngħawġuhom skont il- ħtieġa. Mirja li mhumiex biss ir-rifless tagħna weħidna, bejnna u bejn ruħna, imma anki s-soċjetà li tilma minn riflessjoni waħda fl-oħra fl- oħra sal-infinit, f 'geġwiġija ta' ilħna u b'ħeffa miċidjali, fejn l-insult akkanit u l-istinti tal-merħla jinġabru u joktru b'effetti dejjem aktar qerrieda. Ikolli ngħid li ma ngħirx wisq għaż-żgħażagħ issa. Forsi anki għax dir-realtà tal-perikli elettroniċi ma hija xejn ħlief adultezza prekoċi, innoċenza ġa mitlufa, dik li għalina l-kbar saret bla ma rridu l-ħobż ta' kuljum, malli niftħu għajnejna kemm biex naraw l-aħbarijiet sa għal min il-mobile sar estensjoni ta' ġismu. Imma ngħir xi ftit, forsi, għall-kittieba l-ġodda, li bosta minnhom għarfu jaqbdu l-barri minn qrunu, u kapaċi jinterpretaw żminijiethom b'kuraġġ, effettività preċiża u, għala le, anki b'dik id- daqsxejn ta' eleganza.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 January 2022