Illum previous editions

ILLUM 16 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1443444

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 27

14 kotba IL-ĦADD 16 TA' JANNAR 2022 • illum Provi ġenerali ta' niħiliżmu Il-boton, anzi ħemel, ġdid ta' kittieba li ħarġu mill-aħħar tad-disgħinijiet 'l hawn spiss jisfida l-kategorizzazzjoni, kontra l-garżelli puliti li intużaw għall-kitba ta' qabilhom. Kien hemm żmien qasir ħafna fejn Mario Cassar ittanta juża t-terminu tal-kittieba 'menefregisti', dawk li ma jimpurtahom bħallikieku minn xejn, f 'att ta' ribelljoni kontra l-qalb perżuta tal-moderni. Illum, nisimgħu anki bit-tentattiv li niġbru għadd akbar minn dawn il-kittieba bħala 'kożmopoliti', għaliex fl-aħħar meddew riġilhom lil hinn mill-pjazza tar-raħal, jew inkella, anki meta jitkellmu dwar Malta, jarawha letterarjament bħala parti minn xi ħaġa wisq akbar u, għal dan, parti integrali li tipparteċipa f 'umanità dinjija lil hinn mill-fruntieri. Alfred Sant kien ukoll ippostula li nkunu nistgħu nitkellmu dwar razza ġdida ta' kittieba meta jkun hemm ġenerazzjoni li tkun esperjenzat dik li sejħilha 'soċjetà miftuħa', fis-sens li, kontra l-kittieba bħalu u tal-ġenerazzjoni tiegħu, ma kellhomx ifarfru xkilijiet oġġettivi tal-imgħoddi magħluq li għexu u li kienu għadhom jew qed jirribellaw kontrih jew inkella jfarfru l-għabra tiegħu minn fuqhom. Iżda l-kategorizzazzjoni ordnata hija l-għadu tal-varjetà u tal-infinità tal-possibiltajiet, u xogħol bħal Il-Parabboli tal-Imġienen ta' Keith Borg (Merlin Publishers, 2021) mhuwiex biss waħda minn dawn l-ingroppi li jħarbtu l-vina tal-injama, imma wkoll indikazzjoni tal- kurrenti alternattivi, jew inkella potenzjali u possibbli, tal-letteratura ta' żmienna. Lil hinn milli nipprova noħroġ jien b'tikketta oħra, qaddisi jgħidli li jaf hemm moviment ieħor, sotteranju għall-aħħar, li qed nara jixref ximindaqqiet fin- narrativa kontemporanja. Niftakar f 'xogħol partikolarissimu ieħor, ir-rumanz Nyctophilia awtopubblikat fl-2021 minn Daniel Schembri, li jmur lil hinn mid-definizzjonijiet stabbli li mdorrijin bihom, speċjalment tal-protagonista u tal-garżella pulita l-oħra tal-eroj / antieroj, l-ambjenti, imma fuq kollox il-motivazzjonijet awturjali. In- novelli ta' Keith Borg jolqtu minnufih bl-ispazji vojta li fihom, mhux biss iddettati mill-istil xott u tendenzjalment ekonomiku tal-kitba, imma anki għall- fatt li din hi narrativa fil-biċċa l-kbira kunċettwali. L-awtur stess, f 'intervisti u kitbiet oħrajn, imma anki kif jidher mill-ġabra nnifisha, isellem influwenzi preċiżi, fosthom Nietzche u Borges, u d-dellijiet tagħhom jinħassu b'mod qawwi. Il-personaġġi u l-ilħna li jirrakkuntaw bilkemm għandhom fiżiċità jew preżenza soċjali, filwaqt li l-ambjenti huma jew splużjoni ta' xbihat, bejn il-fantastiku, l-improbabbli, u l-purament mistħajjel u immaġinat, jew inkella sempliċement spazju li jkollu jċedi għal ħsieb u diskors immirat mingħajr ebda tiżjina żejda. Donnhom jiġu eżawriti l-possibiltajiet tal-effetti tar-reali, għodod li għadhom validi għal kittieba oħra, iżda li għall- intenzjonijiet ta' Borg huma żejda għaliex itellfu mill- burraxki mentali u interjuri li jrid jittratta. Bħal fil-każ ta' Borges, l-esperimentazzjoni ta' Borg hija waħda li tikkategorizza mod ieħor, anki b'mod ta' logħba kurjuża, u jista' wkoll ikollok żewġ karattri, bħal fil-każ ta' Il-Villaġġ li huma umani sempliċement għax raġel u mara, imma magħmulin biss minn forom ġeometriċi f 'raħal immaġinarju li huwa oppressiv fil- mod essenzjali kif inhu mibni. Id-dinjiet ta' Borg jaf mhumiex għal kulħadd, Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 January 2022