Illum previous editions

ILLUM 16 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1443444

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 27

05 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 16 TA' JANNAR 2022 George Hyzler Riżenji, elezzjonijiet każwali u co-options; Id-Deputati preferuti ta' 84,000 votant ma għadhomx fil-Parlament YENDRICK CIOFFI Qatt daqs din il-leġiżlatura ma kien hemm daqshekk riżenji minn Membri Parlamentari tant li jekk wieħed iħares lejn il-Parlament ta' ħames snin ilu, jinduna li hemm differenza sostanzjali minn dak li għandna llum. Dan ma fissirx biss ħafna elezzjonijiet każwali, iżda diversi co-options, jiġifieri dak il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun il-partit tad-Deputat li rriżenja li jiddeċiedi min se jkun qed jeħodlu postu. Fil-fatt, xejn inqas minn tmien Deputati ġew eletti b'dan il- mekkaniżmu u fil-jiem li ġejjin, l-istess mekkaniżmu se jerġa' jintuża mill-Partit Nazzjonalista biex jagħżel Membru Parlamentari biex jieħu post David ake li rriżenja din il-ġimgħa. F'dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-istorja tar- riżenji fl-aħħar ħames snin u kif inbidel il-Parlament. L-ILLUM rat il-voti li ġabu dawk id-Deputati li rreżenjaw fl- aħħar ħames snin. Bejniethom, kienu ġabu 83,992 vot. Dan ifisser li l-għażla ta' 83,992 votant sfat fix-xejn. Biss biss, f 'ħames snin, il-Parlament ra Prim Ministru ġdid u tliet kapijiet tal-Oppożizzjoni. Jean Pierre Debono rriżenja mill-Parlament fl-24 ta' Settembru 2017 biex iċedi postu lil Adrian Delia li kien għadu kemm sar Kap Nazzjonalista. Iżda fl-elezzjoni ġenerali, Debono kien elett minnufih u għalhekk qabel kien hemm bżonn elezzjoni każwali fuq is-seba' distrett. Minfloku kien elett Peter Micallef li rriżenja ftit minuti wara l-ġurament biex setgħet issir co-option. Il-PN għażel lil Adrian Delia li ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni David Stellini rriżenja mill-Parlament fit-28 ta' Mejju 2019 biex jerġa' jieħu l-irwol li kellu fil-Partit Popolari Ewropew waqt li kien saħaq li l-partiġġjaniżmu f'Malta ma jogħġbu xejn. Ir-riżenja tiegħu fetħet il-bieb għal co-option, għax hu kien elett b'elezzjoni każwali fuq it-tlettax-il distrett. Il-Partit Nazzjonalista għażel lil Kevin Cutajar li xorta kien kandidat fuq Għawdex. Helena Dalli rriżenjat mill-Parlament Malti fl-24 ta' Lulju 2019 wara li l-Gvern innominaha għall- Kummissarju Ewropew. Għas-siġġu tagħha fuq it-tielet distrett saret elezzjoni każwali u kien elett Jean Claude Micallef Marthese Portelli rriżenjat mill-Parlament fis-27 ta' Frar 2020 anke jekk ma kinitx tat raġunijiet għal din id-deċiżjoni tagħha. Ivan Bartolo kien elett fl-elezzjoni każwali li saret fid-disa' distrett. F'Ottubru tal-istess sena, Ivan Bartolo rriżenja biex fetaħ il-bieb għal co-option. Hekk il-PN seta' jagħżel lil Bernard Grech li kien għadu kemm ġie elett Kap Nazzjonalista u għalhekk seta' jsir Deputat u jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irriżenja mill-Parlament fid-29 ta' Frar 2020 wara li nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew. Għas-siġġu tiegħu kienet saret elezzjoni każwali fuq it-tnax-il distrett u kien elett David Thake. Thake irriżenja nhar il-Ħamis li għadda wara rapporti li għandu eluf kbar x'jagħti lid-Dipartiment tal-VAT. Għalhekk, issa l-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel co-option bl-għażla jidher li se taqa' fuq Graziella Galea, Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u kandidata. Chris Cardona rriżenja mill-Parlament fid-29 ta' April 2020, ftit xhur biss wara li tħalla barra mill-kabinett ta' Robert Abela meta sar Prim Ministru. Cardona rriżenja fi żmien meta kien implikat, għal aktar minn darba f'diversi allegazzjonijiet inkluż fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet li dejjem ċaħad. Ian Castaldi Paris kien elett minfloku wara l-elezzjoni każwali fit- tmien distrett L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irriżenja mill-Parlament fil-5 ta' Ottubru 2020 ftit xhur wara li rriżenja minn Prim Ministru. Iż-żewġ kandidati li setgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni każwali, jiġifieri Stefan Buontempo u Mark Causon ma kinux tefgħu n-nomina tagħhom. Dan fetaħ il-bieb għall- co-option, bl-għażla tal-Partit Laburista taqa' fuq Miriam Dalli, dak iż-żmien Ewroparlamentari Id-Deputat Laburista Etienne Grech irriżenja mill-Parlament fl-14 ta' Ottubru 2020 minħabba "raġunijiet personali." Grech kien elett b'elezzjoni każwali u għalhekk kellha ssir co-option, bl- għażla tal-Partit Laburista taqa' fuq Clyde Caruana, dak iż-żmien Chief of Staff f'Kastilja Il-każ ta' Frederick Azzopardi huwa differenti. Id-Deputat Nazzjonalista miet fis-17 ta' Ottubru 2020. Fl-elezzjoni każwali għas-siġġu tiegħu kien elett Joe Ellis. Edward Scicluna, eks Ministru għall-Finanzi, irriżenja mill-Parlament fit-30 ta' Diċembru 2020 wara li nħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Gavin Gulia kien elett fl-elezzjoni każwali iżda malli ħa l-ġurament irriżenja minnufih biex jibqa' Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Mossa li fetħet it-triq għal co-option oħra u li ħafna kkritikaw. Il-Partit Laburista kien għażel lil Oliver Scicluna, li kien il-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità Manuel Mallia rriżenja mill-Parlament fit-13 ta' Lulju 2021 wara li nħatar Kummissarju Għoli Malti fir-Renju Unit. Mallia kien elett f'elezzjoni każwali u għalhekk il-Partit Laburista kellu ċ-ċans jagħżel Deputat b'co-option. L-għażla waqgħet fuq Jonathan Attard It-tabib Silvio Grixti rriżenja mill-Parlament fl-20 ta' Diċembru 2021 wara investigazzjoni mill- Pulizija fuq iffalsifikar ta' dokumenti u ċertifikati. Il-Partit Laburista kellu ċans għal co-option oħra u għalhekk għażel lil Andy Ellul. Jekk tħares lejn il-Parlament kif kien wara l-elezzjoni tal-2017 u tħares lejh illum taħseb li bdejna leġiżlatura ġdida. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn kif inbidel il-Parlament fl-aħħar ħames snin minħabba rekord ta' riżenji

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 January 2022