Illum previous editions

ILLUM 23 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1445229

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 27

25 illum • IL-ĦADD 23 TA' JANNAR 2022 storja difna fil-grotti tal-Vatikan. Il-qabar ta' Benedittu XV huwa monument funerarju oriġinali u raffinat li kien offrut mill- Arċidjoċesi ta' Bolonja, l-eks djoċesi tal-Papa mejjet, u magħmul minn Giulio Barbieri. Is-sarkofagu kbir magħmul mill-irħam taċ-cipollino ta' kulur ċar jidher massiv bil-qafas robust tiegħu u l-kantunieri li jisporġu 'l barra. Il-figura tal-bronż tal-Papa hija mqieghda fuq drapp imżejjen, rasu tistrieħ fuq imħadded, u jdejh fuq sidru. Il-karatteristiċi tal- wiċċ, kif ukoll l-ilbiesi pontifikali b'rakkmu għani huma verament realistiċi. Fuq il-pilastri tal-kantunieri fil-ġnub tal-faċċata hemm żewġ rilievi tal-bronż: fuq ix-xellug hemm l-arma tal-Papa bi knisja b'ajkla fuqha; fuq il-lemin hemm is-simbolu ta' Bologna bis-salib imżejjen bil-friegħi taż-żebbuġ bil-monogrammi ta' Kristu fuq il- ġnub. Taħt, fuq skroll tal-bronż, hemm l-iskrizzjoni bl-isem tal- Papa: BENEDICTVS XV P.M. Fil-Bażilika ta' San Pietru, minbarra l-qabar ta' Benedittu XV, hemm monument li sar fl- 1928 mill-iskultur Pietro Canonica (1869-1959). Ix-xogħol, imwettaq b'użu estensiv ta' irħam b'ħafna kuluri, huwa direttament ispirat mill-ġrajjiet traġiċi ta' żmien il- gwerra li Benedittu XV iġġieled kontrihom għalxejn u li mbagħad uża l-awtorità u d-diplomazija kollha tiegħu biex itaffu t-tbatija tal-umanità. Il-Papa, b'fergħa taż-żebbuġ f 'idu, huwa assorbit fit-talb għall- umanità li tbati, quddiem riliev kbir tal-bronż li juri lill-Verġni Marija tippreżenta lit-tfajjel Ġesù, Prinċep tal-Paċi, lil dinja maħkuma mill-ammi. Jidher għarkobbtejh fuq qabar, li jfakkar l-Ewwel Gwerra Dinjija, miksi bi friegħi taż-żebbuġ, simboli tal- paċi. L-għan tal-iskultur kien li jesprimi l-isforzi żelanti tal-Papa biex iregga' lura l-paċi u jipprovdi għajnuna umanitarja matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Tul is-snin tal-gwerra u anke wara, l-karità ta' Benedittu XV sabbret bosta refuġjati u tant nies li kienu bil-ġuħ u fil-bżonn fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Fil-11 ta' Dicembru 1929, fil- bitħa tal-Katidral ta' San Esprit, f 'Kostantinopli (Istanbul tal- lum), fit-Turkija, ġie nawgurat monument f 'ġieħu magħmul mill- iskultur Taljan, Enrico Quattrini. Il-kitba fuq dan il-monument hija: "Lil Benedittu XV, Papa kbir tat-traġedja dinjija, benefattur tal-popli, irrispettivament minn nazzjonalità jew twemmin, b'sens ta' gratitudni". Dan il-monument ġie mwaqqfa fit-Turkija, pajjiż Musulman samm, biex jikkommemora l-attenzjoni ta' Benedittu XV lejn dan il-poplu matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Id-dokument f 'idu x-xellugija huwa lista ta' ismijiet ta' dawk li, fis-sofferenza tagħhom, irrikorrew għandu biex jidħol għalihom. Il- Papa stabbilixxa l-uffiċċju għall- priġunieri tal-gwerra, appostolat ta' karità biex il-priġunieri jitpoġġew f 'komunikazzjoni mal-maħbubin tagħhom fi żmien meta ma kien hemm l-ebda organizzazzjoni internazzjonali oħra li setgħet tinfed il-barrieri tal-ostilità. In-niket tal-Isla Dan kien il-Papa li laqa' s-supplika għall-inkurunazzjoni tal-istatwa ta' Marija Bambina li għamel Mons. Mawru Caruana OSB, Arċisqof-Isqof ta' Malta, f 'isem il-Kapitlu u l-poplu Nisrani tal-Isla. Dan sar permezz ta' reskritt li ħareġ mill-Vatikan fil-25 ta' April 1920. Kien wkoll dan il-Papa li, fit-3 ta' Jannar 1921, għolla lill-Knisja Parrokkjali u Kolleġġjata tal-Isla għad-dinjità ta' Bażilika Minuri. L-inkurunazzjoni tal-Bambina saret mill-istess Arċisqof Caruana fl-4 ta' Settembru 1921. Għaldaqstant, il-mewt tal-Papa Benedittu XV kienet ġrajja ta' niket kbir għall-Isla. Il-każini u d-djar kollha għamlu s-sinjal tal-luttu. Fit-22 ta' Frar, għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu, ġie organizzat fl-Isla funeral solenni għal dan il- Papa li l-Isla tant ħabbet. Il-knisja ġiet armata kollha bl-iswed u kuruni taċ-ċipress bl-istemma tal-Papa tqiegħdu mal-pilastri kollha. Fil-kursija intramat Cappella Ardente għall-okkażjoni. Saret quddiesa mill-Kan. Dun Ġużepp Adami, Arċipriet tal-Isla, li kien assistit mill-Kapitlu. Il-mużika kienet ta' Mro. Paolino Vassallo, Maestro di Cappella. Wara l-quddiesa, is- Senglean Professur Dun Ġużepp Darmanin niseġ l-orazzjoni funebri. Kien fil-25 ta' Settembru 1949, li l-Kapitlu Senglean iddeċieda li, fir-rikostruzzjoni li kienet qed issir wara t-tiġrif tal-gwerra, jipproponi li l-pjazza ġdida li nħolqot quddiem il-Bażilika ta' Marija Bambina tiġi msemmija għall-Papa Benedittu XV. L-istemma ta' dan il-Papa hija ferm prominenti fil- faċċata ta' quddiem tat-tribuna bażilikali. Barra minn hekk, mill-1957, bit-tħabrik ta' Mons. Carmelo Muscat, dak iż-żmien Kanonku Teologu tal-Kapitlu, u bi gratitudni mill-Markiż Giuseppe della Chiesa, neputi tal-Papa Benedittu XV, il-Bażilka Sengleana bdiet tgħożż żewġ tifkiriet għeżież ta' dan il-Papa benefattur. Dawn huma l-faxxa l-bajda bl-istemma tal-Papa li hu stess kien juża fuq is-suttana fi żmien il-pontifikat tiegħu u ktieb fuq il-ħajja ta' Benedittu XV b'dedika fl-ewwel paġna għall-Kapitlu tal-Kolleġġjata tal- Isla miktuba mill-Markiż stess. Benedittu XV huwa aktarx il- Papa l-inqas imfakkar tas-seklu għoxrin. Fl-2005, Benedittu XVI irrikonoxxa s-sinifikat tal-impenn favur il-paci ta' dan il-predeċessur tiegħu billi ħa ismu. Il-faxxa bajda bl- istemma tal-Papa Benedittu XV irregalata lill-Bażilika tal-Isla mill- Markiż Giuseppe della Chiesa Il-Cappella Ardente armata f 'nofs il-kursija tal-Bażilika tal-Isla għall-okkażjoni tal- funeral sollenni tal-Papa Benedittu XV

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 January 2022