Illum previous editions

ILLUM 27 February 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1455663

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 27

08 elezzjoni2022 IL-ĦADD 27 TA' FRAR 2022 • illum M'għandhiex x'taqsam mal-2017! Bidu kwiet għall-kampanja... Imma għaliex? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Din kienet l-ewwel ġimgħa tal- kampanja elettorali. Ma kinitx eżattament ġimgħa b'xi ħeġġa ta' barra minn hawn u allura wieħed jista' jgħid illi l-bidu ta' din il-kampanja kienet waħda pjuttost kwieta u kalma, nieqsa minn fervur eseġerat, akkużi, għajjat u tensjoni - kif kienet il- kampanja elettorali tal-2017. Hemm raġuni għal dan: Fl-2017 kellek żewġ mexxejja politiċi li bejniethom kien hemm tensjoni ċara u din irriflettiet ukoll fost l-għeruq u l-attivsti tal-partiti. Pero' dik tal-2017 kienet elezzjoni wkoll li saret taħt id-dell tal- akkużi u stejjer dwar kontijiet fil-Panama li kienu fetħu Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi kif ukoll fid-dawl tal-allegazzjoni splussiva ta' Egrant. Fil-fatt wara li Daphne Caruana Galizia kienet allegat li Egrant Inc. kienet ta' Michelle Muscat il-PN skatta b'numru ta' protesti u dimostrazzjonijiet bil-Kap tal-Oppożizzjoni - dak iż-żmien Simon Busuttil - kważi jsejjaħ għal kolp ta' stat meta beda jappella biex il-forzi tal-ordni u anke l-President jaqdu dmirhom fil-konfront tal-Gvern ta' Muscat. Fi kliem ieħor, l-elezzjoni tħabbret meta Muscat, Schembri u Mizzi kienu taħt attakk qalil mill-Oppożizzjoni u taħt stennija ta' stejjer dannużi kontra l-Labour li se joħorġu minn ħin għall-ieħor (tant li ħafna kienu qed jistennew lil Caruana Galizia toħroġ xi fatti ġodda dwar Egrant fl-aħħar sigħat tal-kampanja). PN inqas militanti u inqas kumpatt Minn naħa l-oħra din l-elezzjoni, sa issa, qed issir f 'ambitu ta' Partit Laburista li qed ikun ikkonfrontat minn Partit Nazzjonalista dgħajjef u ħafna inqas kumpatt u militanti milli kien fl-2017. Il-militanza - minkejja li hija kelma "kerha" - jew aħjar il- militanza ta' Simon Busuttil fuq il- korruzzjoni, tat skop biex l-għeruq Nazzjonalisti jingħaqdu kontra avversarju partikolari. Dak l-iskop hemm għadu, imma l-militanza li tgħaqqad lin-nies għal dak l-iskop ma għadhiex hemm. Apparti minn hekk il-militanza ta' Busuttil kontra Muscat qajmet entużjażmu fil-PN li beda jittrażmetti f 'tama li dan il-partit kellu ċans jirbaħ din l-elezzjoni. In-narrattiva kien waħda ċara: La l-kumpaniji l-oħrajn kienu ta' Keith u Konrad, Egrant bilfors ta' Muscat, imbagħad rajna lil Ali Sadr Hasheminejad, jitlaq bil-famużi bagalji mill-Bank Pilatus u Maria Efimova u ħafna iktar, li kkontribwew sabiex il- bażi tal-votanti Laburisti u anke Nazzjonalisti jingħaqdu u jkunu aktar kumpatti. Minkejja li xorta tilef b'36,000 vot (40,000 vot jekk tneħħi l-kandidati tal-Partit Demokratiku) il-ħeġġa u t-twemmin li l-partit għandu ċans jirbaħ tat impetu qawwi lill-PN fl- 2017. Il-Labour ukoll qed ibati minn apatija fost sezzjoni ta' votanti tiegħu Dan apparti li hemm livell ta' diżillużjoni fuq iż-żewġ naħat: Minn naħa tal-votanti Laburisti, inqas akkaniti, hemm id-diżillużjoni li nibtet wara l-każi tal-Panama Papers, il-kriżi politika li rat lil Joseph Muscat jirriżenja u anke l-elenku ta' kwistjonijiet li ħarġu minnha: Mill-implikazzjoni ta' Keith Schembri li kellu xi sehem jew għarfien dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, għall- kuntratt tal-VGH u s-sehem ta' Konrad Mizzi f 'diversi ehim. L-assassinju minnu nnifsu ta' Caruana Galizia għamel dannu kbir - mhux biss fuq livell uman, lill-familja tagħha - imma għamel ħsara lill-immaġini ta' pajjiżna u tal-Partit Laburista. Minn dak il-punt is-sħaba sewda li kien hemm fuq Muscat kienet permanenti u kull min janalizza l-politika kien jaf li mal-assassinju tal-ġurnalista, anke jekk Joseph Muscat kien se jibqa' popolari ħafna, xorta kellu l-karriera tiegħu mtappna permanentement. Hemm ukoll Laburisti diżillużi għax ma ingħatawx xi ħaġa li - ġustament jew le - talbu jew inkella li ġew imwegħda xi ħaġa fl-2017 li ma twettqitx. Pero' wkoll, it-tluq ta' Muscat fisser illi dik il-kolla li kienet tgħaqqad lil ħafna Laburisti flimkien, ma' eks nazzjonalisti, ħaddiema, nies ta' poter ekonomiku u aktar ma baqax hemm. Dan ukoll huwa raġuni ewlenija għaliex hemm l-apatija fost il- votanti Laburisti. Iħossu li dak l-avversarju qalil u militanti ma għadux hemm u allura jħossu wkoll li Robert Abela kważi, kważi qiegħed prattikament jilgħab waħdu! L-apatija fil-PN mhix inqas! Minn naħa l-oħra d-diżillużjoni fost in-Nazzjonalisti ġejja minn affarijiet differenti. L-ewwelnett 12-il sena ta' disfatti elettorali kontinwi - li sa issa s-sondaġġi juru illi se jkomplu! Il-Partit Nazzjonalista, l-aħħar maġġoranza komda li kiseb kienet fl-2003, kważi 20 sena ilu meta kien qed jikkampanja għal sħubija fl-UE. Dakinhar kien rebaħ b'maġġoranza ta' madwar 13,000 vot. Fl-2008 rebaħ elezzjoni ġenerali bl-iżgħar distakk - 1,500 vot - biex imbagħad mill-2009 sal-2019 tilef kull elezzjoni fuq bażi nazzjonali, dejjem b'aktar minn 33,000 vot distakk. L-apatija u l-firda fil-PN iggravat l-aktar iżda wara t-tneħħija ta' Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista, wara kampanja fl-2017 illi fiha hu kien kontinwament attakkat minn diversi fil-PN u anke minn Daphne Caruana Galizia. It-tneħħija ta' Delia minn Kap kienet ikkaraterizzata minn folol ta' nies barra d-Dar Ċentrali jipprotestaw, jgħajjru lil Deputati Nazzjonalisti "tradituri" u jarmu t-tesseri. Il-kampanja għal Kap ġdid Nazzjonalista fl-2020 - minkejja li tat riżultat ċar ħafna favur Bernard Grech, xorta ħalliet togħma morra ħafna fost ħafna Nazzjonalisti u tesserati. Il-bidu tal-kampanja Nazzjonalista ma kinitx ħażina b'sinjali ċari ta' titjib fuq id- dehra u anke proposti u manifest tajjeb (ara paġni 14 u 15). Imma lanqas kien xi bidu brillanti hekk kif erba' Deputati rtiraw il- kandidatura tagħhom, li wieħed minnhom akkuża lit-tmexxija illi nies madwarha għamlulu ħajtu "infern." Imbagħad kellna l-gaffe taċ- ċitazzjonijiet li ma tantx għenet wisq lil Grech. Pero' il-Ħadd li ġej din il- gazzetta se tanalizza aktar fil- qrib il-kampanji tal-partiti kollha ewlenin għal din l-elezzjoni. Il-Covid: Daqqa wara oħra... elezzjoni kien jonqos! U finalment hemm il-Covid-19. Wara xhur jisma' fuq mard u mewt, aħbarijiet ħżiena u restrizzjonijiet li anke jekk kien hemm bżonnhom servew ta' daqqa wara l-oħra għall-ekonomija u l-ħajja soċjali tal-poplu, it hemm xi entużjażmu kbir biex il-poplu jidħol f 'kampanja elettorali taħraq. Dan fil-fatt huwa ċar mill- wegħda kontinwa tal-Prim Ministru li "ġejja Rebbiegħa tajba", "ġej Sajf sabiħ", "ġejjin xhur ta' normalità." Minkejja li dan id-diskors il-poplu semgħu diġà, it-tama ta' ħafna bħalissa hija li jasal ma jdumx dak iż- żmien fejn verament il-poplu jgħix ħajja trankwilla mingħajr restrizzjonijiet, fejn in-negozju jirpilja u jagħmel il-flus, il-festi jiġu ċċelebrati u aktar. U allura wara Jannar batut mil-lat ta' negozju minħabba restrizzjonijiet li komplew jgħafsu fuq il-moral tal-poplu, l-aptit li l-Maltin jidħlu f 'kampanja hija ħafna inqas milli normalment tkun. Imma għadna fl-ewwel ġimgħa! Jista' jkun li aktar nies jingaranw politikament hekk kif tibda riesqa d-data tal-elezzjoni. (Komplu segwu aktar analiżi tal-kampanja fuq din il-gazzetta fit-tlett Ħdud li ġejjin) Bidu kwiet u kajman għal kampanja elettorali qasira. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il- fatturi ewlenin għal dan u għaliex ma hawnx il-fervur li kien hawn fl-2017

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 February 2022