Illum previous editions

ILLUM 8 May 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1467181

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 27

22 Inħares 'il quddiem għall-ħidma u responsabbiltà ġdida I lbieraħ kelli esperjenza ġdida f 'ħajti. Flimkien mal-kollegi ħadt il-ġurament tal-ħatra, bħala Membru Parlamentari tal-14-il leġiżlatura tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Bħala Membru Parlamentari se nagħmel ħilti kollha biex inkun leħen sod, partikolarment għal min hu bla leħen. Naturalment se nagħmel ħilti kollha biex nagħti vuċi lir-residenti tas-6 distrett, il-Qriema, is-Siġġiwin, il-Ħalluqin u lir-residenti ta' Ħal Mula f 'Ħaż- Żebbuġ li eleġġewni fil-Kamra tar- Rappreżentanti. Barra minn hekk, flimkien mal-kollegi se nkun qed naħdem u nagħti l-kontribut siewi fil-proċess leġislattiv favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fl-aħħar ġimgħat il-Kap tal- Oppożizzjoni, Bernard Grech, ħatarni bħala l-kelliem tal- Oppożizzjoni għall-Finanzi. Qasam kruċjali għall-pajjiżna, speċjalment vis-à-vis l-isfidi li diġà qed niffaċċjaw u li se nkomplu nħabbtu wiċċna magħhom fix-xhur u s-snin li ġejjin. Inħares 'il quddiem għall- ħidma ġdida b'lealtà sħiħa lejn il-poplu u r-Repubblika ta' Malta. Għaxar snin ta' ħidma fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi Nhar it-Tlieta 3 ta' Mejju ipparteċipajt fl-aħħar seduta tal- Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi, Città Pinto. Għaxar snin għaddew bħal ħolma. Ikkontestajt l-ewwel darba l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f 'Ħal Qormi lura f 'Marzu 2012. Kelli biss 22 sena. Kienet l-ewwel esperjenza personali tiegħi ta' kampanja elettorali bħala kandidat. Kont ġejt approvat it ġimgħat biss qabel. Għamilt li stajt u ħdimt kemm flaħt. Naturalment, il-ħidma u l-involviment tiegħi fil-lokalità kien ilu hemm. Sa minn ċkuniti dejjem involut f 'xi għaqda jew grupp f 'Ħal Qormi. Ġejt elett fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Kont l-iżgħar kunsillier lokali elett tal-Partit Nazzjonalista. Minn dakinhar qatt ma ħarist lura. Kuljum, kull ġurnata ħdimt qatigħ għall-Qriema kollha, mingħajr ma ħaristx lejn wiċċ ħadd. Eluf ta' home visits, telefonati u kuntatt kontinwu man-nies. Tisma' u titgħallem. Matul dawn is-snin ressaqt diversi ilmenti, suġġerimenti, ideat, mistoqsijiet u mozzjonijiet f 'isem ir- residenti Qriema. Waħda mill-punti li ħdimt u stinkajt kienet li jinbena hemm night shelter għall-anzjani f 'Ħal Qormi. Favur kwalità ta' ħajja aħjar lir- residenti Għandu jimpurtana mill-kwalità tal-ħajja tar-residenti Qriema, speċjalment, l-anzjani tagħna. Dejjem sħaqt li bħala Kunsill Lokali aħna fid-dover li naraw li nieħdu ħsieb il-benesseri tar- residenti Qriema, inkluż l-anzjani u l-pensjonanti. Ħafna anzjani li tkellimt magħhom saħqu dwar l-importanza li jkun hemm night shelter għall-anzjani f 'Ħal Qormi stess. Żmien ilu ressaqt mozzjoni li fiha pproponejt biex formalment il-Kunsill Lokali jibda l-ħidma biex flimkien mal-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali, tiġi identifikata art jew spazju fejn jinbena night shelter għall-anzjani. Bħala deputat elett f 'isem is-sitt distrett, se nara li tkompli ssir pressjoni fuq il-Gvern Ċentrali biex jaħdem qatigħ ħalli jinbeda l-proċess sabiex jinbena night shelter għall-anzjani. Flimkien ma' sħabi ħdimt favur il-ħtiġijiet tar-residenti Qriema u rajt kif dawn l-isfidi jibdew jiġu indirizzati mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-problema tan-nuqqas ta' spazji ta' parkeġġ tinstab f 'diversi lokalitajiet, ir-residenti tal-Belt Pinto jkollhom jiffaċċjaw din l-isfida ta' kuljum. Ħal Qormi jintlaqat bil-bosta minn influss ta' karozzi ta' ħaddiema u klijenti li jżuru l-Belt Pinto ta' kuljum. Bħala rappreżentant tal-Qriema fil-Kunsill Lokali sħaqt u ktibt bosta drabi li jeħtieġ pjan ħolistiku u fit-tul dwar l-immanniġġjar tat-traffiku u anke dwar l-isfida ta' nuqqas ta' spazji ta' parkeġġ f 'Ħal Qormi. Minħabba li l-fondi allokati għall-Kunsill Lokali huma limitati, nemmen li l-Gvern Ċentrali jista' jagħmel ħafna aktar favur ir-residenti f 'Ħal Qormi. Għaldaqstant, kemm 'il darba ktibt u tlabt biex jitnieda studju dwar kif se tittaffa l-problema ta' nuqqas ta' spazji ta' parkeġġ f 'Ħal Qormi. Barraminnhekk, dejjem għamilt enfasi li rridu nieħdu ħsieb l-ambjent naturali tagħna, partikolarment il-widien u l-it raba' saqwi li fadal f 'ċertu żoni. Matul l-aħħar snin kont spalla ma' spalla mal-bdiewa, il-voluntiera fil-kmamar tan-nar u r-residenti Qriema favur l-ambjent naturali tagħna u kontra l-iżvilupp fiż- żona tal-bypass tal-Imrieħel u Triq San Ġwakkin u kontra wkoll l-iżvilupp fil-Wied il-Kbir bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa. Fil-Kamra tar-Rappreżentanti se nibqa' nkun leħen sod biex flimkien nissalvagwardjaw l-ambjent naturali u t-tradizzjonijiet tagħna l-Qriema u r-residenti tas-6 distrett. Din il-ġimgħa, waqt l-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali, għaddejt messaġġ ta' għaqda. Kburi ngħid li, b'mod ġenerali, bħala Kunsill Lokali f 'Ħal Qormi ħdimna u poġġejna l-interess tal-Qriema l-ewwel u qabel kollox. Kien hemm fejn qbilna u fejn ma qbilniex, pero' dejjem insistejt li f 'kull deċiżjoni r-residenti Qriema għandhom ikunu prijorità. Nappella biex jibqa' jsir hekk u Kunsilli Lokali oħrajn jimxu f 'din id-direzzjoni. Minkejja d-differenzi ta' bejnietna, għandna dejjem naħdmu għall-ġid tal-lokalità. Inħares 'il quddiem għal aktar ħidma mas-Sindku u l-kunsilliera lokali. Victor Caruana: Pilastu f 'Ħal Luqa Din il-ġimgħa kellna aħbar ta' niket kbir. Ħalliena Victor Caruana. Pilastru f 'Ħal Luqa fejn kien ilu jservi lill-Ħalluqin fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa sa mit-twaqqif tal- Kunsilli Lokali. Victor kien ukoll President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f 'Ħal Luqa fejn kien jaħdem qatigħ għall- każin u r-residenti Ħalluqin. Meta kont nitkellem miegħu, kont nara fih l-imħabba lejn il-lokalità ta' Ħal Luqa. Grazzi mill-qalb tal- ħidma u tal-pariri siewja tiegħek. Kondoljanzi mill-qalb lill-qraba, speċjalment lil martu u uliedu. Ma ninsewk qatt. Strieħ fis-sliem Victor. opinjoni IL-ĦADD 8 TA' MEJJU 2022 • illum Jerome Caruana Cilia huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 May 2022