Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469132
04 aħbarijiet IL-ĦADD 29 TA' MEJJU 2022 • illum 1,124 Kunsillier jivvotaw għal Bernard Grech u 266 jivvotaw kontrih ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ingħata vot ta' fiduċja ċar mill- Kunsilliera tal-PN, sabiex huwa jibqa' jmexxi lill-istess partit sal-elezzjoni li jmiss - anke jekk Grech qal illi hu jitlob vot ta' fiduċja mill-ġdid jekk ma jirnexxilux jrebbaħ it-tielet siġġu lill-PN, siġġu li fil-fatt tilef fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl- 2019. Grech kiseb 1,124 vot jew inkella 81% wara li vvotaw aktar minn 90% tal-Kunsilliera tal-PN. B'kollox fil-fatt ivvutaw 1,402 Kunsilliera minn 1,564 bi 12-il vot invalidu. Minn 1,390 vot, 266 Kunsillier ivvutaw kontra Grech u l'bqija vvutaw favur. Grech kien elett Kap tal-PN fl-2020, meta kkontesta elezzjoni ma' Adrian Delia li kien elett Kap fl-2017 iżda li safa' sfidat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Dakinhar Grech kien rebaħ b'mod konvinċenti ħafna u kiseb 69.3% tal- voti tal-membri tesserati tal-Partit Nazzjonalista. 'Il-bżonn tar-rijorganizzazzjoni u dixxiplina huwa importanti' - Grech F'diskors wara l-vot Grech wiegħed elenku ta' riformi u bidliet għall-Partit Nazzjonalista li jvarjaw mill-bżonn li l-kumpaniji tal-partit jagħmlu profitt sal- bżonn li l-kuntatt man-nies jkun aktar organizzat, filwaqt li tinbidel id-dehra ġenerali tal-PN, jew dak li hu sejjaħ 'Brand PN'. Huwa irringrazzja lill-Kunsilliera li wrew fiduċja fih u qal illi b'dan l-appoġġ - żieda minn l-aħħar elezzjoni interna - "qed turu li tridu aktar għaqda, tridu partit li jkompli jissaħħaħ, li tridu li l-individwaliżmu jieqaf." "Illum rebħet il-verità fuq il-gideb, l-imħabba fuq il-mibgħeda," qal Grech għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. Huwa sostna illi l-Kunsilliera għażlu t-triq tad-deċiżjonijiet. Kompla billi wiegħed li minn għada stess se tibda l-ħidma għall-elezzjonijiet tal-2024 u l-ħidma għall-elezzjoni ġenerali tal-2027. "Id-deċiżjonijiet li se nieħdu se jwelldu partit aktar organizzat, effiċjenti u b'saħħtu," sostna l-Kap tal-PN. Huwa wiegħed ristrutturar tal-assi tal- PN u li se jittieħdu deċiżjonijiet li l-istess partit għandu bżonn fuq l-assi tiegħu. Għalhekk huwa talab li jsir inventarju aġġornat tal-assi tal-PN, biex ikun stabbilit dak li għandu u li ma għandux. Huwa qal ukoll li l-kumpaniji kummerċjali għandhom jibdew joperaw bi profitt. Dan qalu fid-dawl tal-fatt li l-MediaLink - il-kumpanija li tiġbor il-midja kollha tal- PN - għandha djun ta' madwar €21 miljun, li jinkludu madwar €14-il miljun fi flus li l-PN stess għadda lil din il-kumpanija. Id- dejn totali tal-PN ilaħħaq it-€32 miljun. "Il-bżonn tar-rijorganizzazzjoni u dixxiplina huwa importanti... inkluż ta' kull membru tal-partit," qal Grech li sostna illi kulħadd għandu jkollu sehem attiv fil-partit. Huwa qal li l-Kumitati Sezzjonali għandhom ikunu komposti minn nies li jkollhom aktar l-irwol ta' koordinazzjoni, tixrid tal-messaġġ u ġbir ta' data mit- toroq, filwaqt li qal ukoll illi l-kandidati għandhom ikollhom aktar l-irwol f 'dak li jinfluwenza lin-nies fil-bliet u l-irħula Maltin. Huwa qal ukoll li hemm bżonn ikun hemm irwoli ġodda bħal Regional Managers - biex ikunu sostenn għall- istruttura tal-partit. Huwa semma' l-AŻAD u wiegħed li din tkun irriformata wkoll u tgħin għat-taħriġ tal-kandidati u biex issir spazju ta' ħsieb politiku. "Irridu naraw fejn hemm bżonn aġġornament fil-Brand PN, naraw kif l-identità - mingħajr ma tintilef - tiġi aġġornata," qal Grech, mingħajr ma indika liema huma dawn il-bidliet fid- dehra tal-partit. Huwa qal li Kandidati mhux eletti għandhom jibqgħu jkunu kkonsultati u jibqgħu qrib il-partit. Grech wiegħed li se jwaqqaf tim ta' Tfassil ta' Politika u ta' Riċerka li jikkoordina l-ħidma tal-clusters u li jiffinalizza l-programmi elettorali tal- elezzjonijiet li ġejjin. Qal ukoll li hu se jżur il-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex fiż- żmien li ġej, biex jikkonsulta aktar man- nies, "u jekk ma tiġux intom għandna, niġi għandkom jiena. Se nagħtu każ dak li għandkom xi tgħidulna," qal Grech li sostna illi l-home visits se jkunu prijoritizzati u ser isiru b'mod aktar organizzat. Hu wiegħed ukoll sistema ta' Customer Care aktar effiċjenti u temm billi indika l-bżonn ta' aktar investiment fil-midja soċjali u l-midja b'mod ġenerali, inkluż tip ta' midja aktar kurrenti. 14-il sena jitlef b'aktar minn 33,000 vot u 20 sena mill-aħħar maġġoranza assoluta Il-Partit Nazzjonalista għadu kif ħareġ mit-tielet telfa elettorali f'elezzjoni ġenerali u l-ħames telfa elettorali jekk tgħodd l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ukoll, liema telfiet kollha kienu akbar minn 33,000 vot distakk. L-akbar telfa minnhom kollha tibqa' dik tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019 meta - immexxi minn Adrian Delia - il-PN tilef bi kważi 43,000 vot, għalkemm l-aħħar elezzjoni ġenerali nhar is-26 ta' Marzu mmarkat l-akbar telfa f'elezzjoni ġenerali b'distakk ta' 39,500 vot favur il-Partit Laburista. Il-PN din is-sena jkun fil-fatt għalaq 14-il sena jġarrab telfiet ta' aktar minn 33,000 vot bl-ewwel telfa ta' dan id-daqs iġarrabha fl-2009, sena biss wara li Joseph Muscat kien elett Mexxej Laburista. Minkejja li s-sondaġġi kienu qed juru rebħa għal Robert Abela fl-aħħar elezzjoni kien hemm diskussjoni u anke dubji dwar kemm dan se jirnexxielu jaqbeż lil Muscat f'termini ta' rebħa u l-kobor tagħha minħabba diversi raġunijiet, mhux l-inqas: diżillużjoni u astensjoni fost l-għeruq tal-PL, ir-riżenja ta' Muscat innifsu, assassinju ta' ġurnalista u l-effett u konsegwenzi kollha li dan kellu fuq il-pajjiż u fuq personaġġi li kienu fil-PL, fosthom Muscat innifsu, Chris Cardona, Keith Schembri, Konrad Mizzi u aktar. F'dawn l-aħħar 14-il sena wkoll il-PN tilef kull elezzjoni ta' Kunsilli Lokali li saret, hekk kif tilef il-kontroll ta' lokalitajiet tradizzjonalment nazzjonalisti bħall-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Tal-Pietà, il-Mellieħa u s-Siġġiewi. Analiżi li għamlet din il-gazzetta fl-aħħar ġimgħat turi li l-PN tilef eluf kbar ta' voti fin-naħa ta' isfel speċjalment fl-Ewwel Distrett li jinkorpora l-Ħamrun, il-Belt Valletta, il-Furjana u l-Marsa. L-aħħar darba li l-PN kiseb maġġoranza f'elezzjoni nazzjonali kien fl-2008, meta kien fil-fatt kiseb maġġoranza relattiva ta' 49.3%. L-aħħar li kiseb maġġoranza assoluta (50%+1) tal-votanti kien fl-2003 - meta dakinhar taħt it-tmexxija ta' Eddie Fenech Adami, il-PN kien qed imexxi 'il quddiem is-sħubija ta' Malta fl-UE. Minn wara l-Indipendenza u apparti l-2008 u l-2003, il-PN kiseb il-maġġoranza tal-poplu wkoll fl-1966 - taħt it-tmexxija ta' George Borg Olivier u fl-1981, 1987 u l-1992 - dejjem taħt it-tmexxija ta' Eddie Fenech Adami.