Illum previous editions

ILLUM 5 June 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469872

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 23

14 illum • IL-ĦADD 5 TA' ĠUNJU 2022 festi Enċiklopedija tal-Festa Maltija: Il-gazzetta ILLUM tkompli b'sensiela ta' artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal- festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta' barra u n-nar L-Umbrellun u t-Tintinabblu Fost l-aktar armar interessanti li nsibu f 'uħud mill-knejjes hemm l-umbrellun u t-tintinabblu. Dawn mhux se ssibhom fil-knejjes kollha iżda f 'dawk il-knejjes li ngħataw id- dinjità ta' Bażilika Minuri. Apparti li jintramaw fil-knisja, biswit l-artal maġġur, l-umbrellun u t-tintinabblu jinġarru fil- purċissjonijiet u jqajmu wkoll il- kurżità ta' diversi nies li jżuru l-festi. Għaliex tinħareġ din il-qanpiena u din l-umbrella kbira bil-kuluri sofor u ħomor? L-umbrellun u anke t-tintinabblu huma żewġ insinji, jiġifieri żewġ simboli li juru li knisja jkollha d-dinjità ta' Bażilika. Jekk inħarsu lejn l-etimoloġija tal-kelma Bażilika, naraw li din oriġinarjament ġejja mill-kelma Griega basileus li tfisser, re. Bil- Latin, bażilika tfisser 'dar irjali' riservata għall-amministrazzjoni ta' atti pubbliċi, ta' struttura stabbilita imponenti. Maż-żmien, il-bażilika bdiet tirreferi għal tempju pagan imponenti. L-Insara wkoll kellhom bżonn dawn 'is-swali' kbar fejn jiltaqgħu. Għalhekk il-Bażilika, fil-kuntest Kristjan, kienet il-post fejn ir-Re tar- rejiet, jiġifieri Alla, jilqa' lill-poplu tiegħu, jiġifieri lill-kongregazzjoni biex tiċċelebra l-Liturġija. Dawk il- knejjes li kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri, wkoll bdew jissejħu Bażiliċi. Dawk il-knejjes importanti marbuta mal-Papa, bdew jissejħu Bażiliċi Maġġuri. Dawn sal-lum issibhom f 'Ruma u huma erba', inkluż il-Bażilika Maġġuri ta' San Pietru fil-Vatikan. Knejjes oħra, anke barra minn Ruma li ngħataw dan it-titlu, bdew jissejħu Bażilika Minuri. Hawn niġu għall-insinji. It- tintinabblu hija dik il-qanpiena li storikament kienet takkumpanja l-purċissjoni pontifiċja, jiġifieri l-purċissjoni tal-Papa biex tindika l-wasla tal-purċissjoni. L-Umbrellun, min-naħa l-oħra jaf il-bidu tiegħu lil din l-umbrella li kienet tintuża biex tgħatti lill- Papa fil-purċissjonijiet. Il-kuluri sofor u ħomor huma l-kuluri ta' Ruma li huma wkoll il-kuluri Pontifiċi. Illum il-Bażiliċi jfakkru fir- rabta tal-knisja mxerrda madwar id-dinja mal-Kattedra ta' Pietru. Għalhekk, dawn l-insinji, mhumiex sempliċiment privileġġ, imma simboli li jfakkru f 'din ir-rabta tal- knisja mal-Papa, is-suċċessur ta' San Pietru. Apparti minn hekk, nistgħu ngħidu li t-tintinabblu u l-umbrellun, illum ħadu dimensjoni ġdida. Bħalma t-tintinabblu u l-umbrellun kienu jinġarru fil-purċissjoni u juru li ġej il-Papa, meta jinġarru fil-purċissjonijiet illum, ifakkru lill-Insara għaliex huma miġbura fil-knisja jew f 'purċissjoni. Il-qanpiena tat-tintinabblu, b'mod partikolari, issejjaħ lill- Insara għat-talb. Jekk qabel kienet tinġarr quddiem il-purċissjoni tal- Papa, illum tiaħ il-purċissjoni tal- bidu tal-quddiesa u anke tindaqq fil-ħin tal-Konsagrazzjoni, biex timmarka l-preżenza reali ta' Ġesù fl-Ekwaristija. YENDRICK CIOFFI L-Umbrellun u t-tintinabblu tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta jinġarru waqt it-Tranżlazzjoni Solenni ta' Lejlet il-Festa L-Istandard u l-kruċċetta L-istandardi huma dawk il- bnadar kbar, miżmuma minn lasta kbira, li jinġarru quddiem il-fratellanzi fil-purċissjonijiet u li jkunu armati wkoll fil-knejjes tagħna fi żmien il-festi u li jagħtu lill-korsija jew lill-kappelluni (skont fejn jintramaw) dehra mill-isbaħ anke minħabba l-kuluri differenti tagħhom. Jekk illum l-importanza tal-fratellanzi ma għadhiex tinħass daqshekk, dahri kienu importanti ħafna. Dawk membri fi fratellanza jissejħu fratelli (jekk irġiel) u konsorelli (jekk nisa). Il-fratellanzi huma ddedikati lil xi qaddis jew qaddisa partikolari. Apparti li jieħdu ħsieb l-artal iddedikat lill-qaddis jew il-qaddisa u anke l-festa tiegħu, fl-imgħoddi l-fratellanzi kellhom il-missjoni tagħhom. Pereżempju fratellanza tal-Madonna tal-Karità kienet tgħin ħafna lin-nies foqra u l-fratelli membri fi fratellanza tas- Sagrament kienu jaraw li l-morda u l-anzjani jitqarbnu, tant li kienu responsabbli mill-vjatku, jiġifieri t-tqarbin tal-moribondi. Ma nistgħux ma nsemmux il-Fratellanza tal-Madonna tar- Rużarju mwaqqfa fil-parroċċa Dumnikana tal-Belt Valletta. Apparti t-tixrid tad-devozzjoni lejn ir-Rużarju, ir-Rużarjanti kienu jakkumpanjaw lil dawk il-ħabsin ikkundannati għall-forka u kienu jiġbru wkoll il-flus għad-dfin tagħhom u biex isir quddies għal ruħhom. Apparti minn hekk, il- fratellanzi kienu jagħmlu, fi kliem sempliċi, ix-xogħol tal-unjins tal- lum. Pereżempju l-mastrudaxxi x'aktarx li kienu jingħaqdu u jissieħdu f 'xi fratellanza ddedikata lil San Ġużepp. L-ilbies tal-fratelli jiddistingwi fratellanza minn oħra u daqstant ieħor l-istandard. Fil-fatt, l-istandard huwa, biex ngħidu hekk, is-simbolu ewlieni li juri l-preżenza ta' fratellanza fi knisja partikolari. L-istorja tiegħu tmur lura mijiet ta' snin. Quddiem xi armata jew inkella xi re, x'aktarx li kien jimxi wkoll l-istandard. L-istandardi jkollhom kuluri differenti li jkunu assoċjati mal- qaddis jew il-qaddisa. Il-fratellanza ta' San Ġużepp, x'aktarx li se jkollha l-istandard ċilest. Il-fratellanza ta' San Mikiel se jkollha l-istandard aħdar. Dawk iddedikati lill- Madonna se jkollhom standard abjad jew blu. Dik iddedikata lil Sant'Agata se jkollha l-istandard aħmar kif ikun dejjem ukoll l-istandard ta' Sagrament. Jekk fi knisja jkun hemm aktar minn standard wieħed ta' kulur parikolari, xorta ma hemmx problema biex wieħed jiddistingwi fratellanza minn oħra. Dan għax fin-nofs tal-istandard, ġeneralment, ikun hemm irrakmata l-arma jew xi simboli marbut mal-qaddis jew il-qaddisa partikolari. Fuq nett tal-istandard ikun hemm salib tal-fidda jew inkella xi arma oħra b'simbolu tal-qaddis jew tal-fratellanza. Din tissejjaħ kruċetta. L-istandard tal-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina waqt it-Tranżlazzjoni Solenni tal-festa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 June 2022