Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471698
10 aħbarijiet IL-ĦADD 26 TA' LULJU 2022 • illum 'Jekk qegħdin fil-Kunsill biex jiddefendu lill-partit minflok lir-residenti, jaqbdu u jmorru l-kwartieri' Il-gazzetta ILLUM titlaqa' ma' żewġ membri mill-Valletta Residents Revival li jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar kif fi kliemhom fl- aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni u pożizzjoni favur ir-residenti Beltin YENDRICK CIOFFI "Qatt ma kien il-każ li kellna xi ħaġa kontra n-negozju u l-kummerċ fil-Belt. Din hija impressjoni li nixtiequ niċċarawha. Madanakollu, kif diġà stqarrejna, li għad ma hemmx huwa l-bilanċ bejn l-element residenzjali u l-element kummerċjali fil- Belt." Hekk saħqu mal-gazzetta ILLUM James Vella Clark u Jake Scerri Seychell f 'isem il- Valletta Residents Revival. L-ILLUM iltaqgħet ma' dan il-grupp li jirrappreżenta xejn inqas minn 600 resident u tkellmet miegħu dwar l-Avviż Legali kontroversjali li estenda l-mużika fil-Belt Valletta sas- siegħa ta' filgħodu u anke dwar kwistjonijiet oħra li dwarhom qed isemmgħu leħinhom. Bdejna nitkellmu dwar l-Avviż Legali u staqsejna ċar u tond x'qed ifissru meta jgħidu "bilanċ." Sa x'ħin iridu l-mużika? "Meta ngħidu li jinħoloq bilanċ qed infissru li jkunu mħarsa d-drittijiet tar-residenti u anke l-interessi tal-istabbilimenti u l-komunità kummerċjali tal- Belt. Mhux faċli jintlaħaq dan il-bilanċ, imma aħna r-residenti mill-ewwel fhimna li din hija l-Belt Kapitali. Il-ħajja fil-Belt hija sabiħa u rriduha. Jiena żagħżugħ u fil-barijiet u fi Strada Stretta nkun. Aħna mhux kontra l-kummerċ, il-bars u l-mużika," għamilha ċara wieħed mir- residenti li tkellem magħna. Madanakollu insista li bħalma kulħadd għandu dritt igawdi d-divertiment li toffri l-Belt Valletta, fl-istess ħin ir-residenti ma jistgħux jintesew. Qal li s-sitwazzjoni kif kienet, bil- mużika sal-11pm fuq barra u b'mużika baxxa fuq ġewwa wara, kienet raġonevoli. "Xorta kien hemm min qed jabbuża u forsi kienet qed taffettwa r-residenti wkoll, imma naħseb li hekk ir-residenti kienu aċċettawha għax jifhmu li jgħixu f 'Belt Kapitali," kompla jisħaq l-istess żagħżugħ. 'Mis-saba', ċerti ristoranti jieħdu l-id ukoll!' Insistew li l-problemi u l-bilanċ ma jiqfux biss mal- mużika. Qalu li biżżejjed wieħed iżur il-Belt is-Sibt jew il-Ħadd filgħodu u jara l-ħmieġ li jitħalla fit-toroq min-negozji u l-klijenti tagħhom. "Is-sidien tan-negozji jridu jirrikonoxxu illi l-limitu ma jistax jinqabeż u għalhekk, ċertu mwejjed u siġġijiet li joħorgu 'l barra iktar minn kemm suppost, qed jostakolaw u joħonqu l-ispazji għan-nies fejn jimxu. Lanqas ambulanza ma tista' tgħaddi minn ċertu toroq," komplew. "Għandu jkun hemm pjan li jikkjarifika l-ispazju li kull restraurant jew bar jista jkollu għall-imwejjed u s-siġġijiet. Hemm min għandu 4/6 imwejjed u hemm min għandu 30/40 mejda! Mis- saba', ċerti ristoranti jieħdu l-id ukoll!" Qalu li l-Belt għandha stil uniku u l-kummerċjalizzazzjoni żejda hija kerha u ħażina daqskemm kienet kerha l-Belt meta kienet tkun baħħ mas- 7pm. Fakkru li ħafna żgħażagħ illum qed ifittxu l-Belt Valletta għax ma għadhomx iħossuhom komdi jmorru Paceville. Appellaw biex ikun żgurat li l-Belt ma tispiċċax Paceville ieħor u tispiċċa toffri divertiment li ma jixraqx lill- istil tagħha. 'Il-Kunsill jaf kif jaħsbuha r-residenti ... x'se jagħmel?' Wara l-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta' nhar l-Erbgħa li għadda, li spiċċat ikkaraterizzata minn għajjat, ġlied u tisbit fuq il-medja, il-Valletta Residents Revival wera d-diżappunt tiegħu li l-laqgħa spiċċat mingħajr ma ttieħdet pożizzjoni komuni kontra dan l-Avviż Legali "Jekk il-Kunsill mhux se jkun fuq in-naħa tar-residenti, mela ma nafux fejn se nispiċċaw. Jekk qegħdin hemm biex jiddefendu l-partit, mela jmorru l-kwartieri," komplew ir-residenti waqt li fakkru li fuq din il-kwistjoni ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni mar-residenti. Fi kliemhom, l-inqas ħaġa li jista' jagħmel il-Kunsill f 'dan il- każ hija li almenu jieħu pożizzjoni favur ir-residenti, xi ħaġa li skont ir-residenti baqgħet ma tteħditx. "Il-Kunsill issa jaf kif jaħsbuha r-residenti dwar din il-kwistjoni u jekk mhux se jwassal il-vuċi tar-residenti Beltin, mela l-iskop u r-relevanza tiegħu ma nafux iżjed x'inhi. Nemmnu li bħalissa, l-iżjed ħaġa importanti li jista' jagħmel il-Kunsill Lokali hija li jitlob li jitfassal pjan serju u fit- tul li jsolvi ħafna mill-problemi li hemm bħalissa," komplew jisħqu. Appellaw biex ikun hemm aktar laqgħat u b'mod konsistenti bejn il-Kunsill Lokali u r-residenti. Insistew li filwaqt li din il- kwistjoni tal-mużika għandha tkun solvuta b'mod immedjat, għandu jkun hemm pjan iżjed fit-tul biex kwistjonijiet bħal dawn ma jeskalawx iżjed b'dan il-mod. 'Parkeġġi għall-ministeru żdiedu b'mod eċċessiv' Tkellimna fuq uħud minn dawn il-problemi li r-residenti tkellmu dwarhom, fosthom il-problema tal- parkeġġ li issa ilha snin tippersisti fil-Belt Valletta. Iżda dan l-aħħar it-tgergir tar- residenti kompla jiżdied, anke fuq Facebook minħabba l-ammont ta' parkeġġi riservati għall-Ministeri li qed jiżdiedu. "Nimu li jkun hemm parkeġġ riservat għall-Ministru imma fl- aħħar snin, minn spazju wieħed għall-karozza ministerjali, kull ministeru qed jaħtaf il-parkeġġi b'mod eċċessiv," komplew ir- residenti. Mistoqsija x'jista' jsir biex tkun solvuta din il-kwistjoni, qalu li għandhom l-ideat tagħhom u li lesti jitkellmu dwarhom madwar mejda u mal-awtoritajiet. Proprjetà, kirjiet u l-familji Beltin... 'problema serja' Semmew magħna wkoll il- prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt Valletta. Illum koppja żagħżugħa kważi impossibbli għaliha li tixtri post u tibqa' jew tmur tgħix il-Belt filwaqt li familji oħra qed ikollhom jitilqu minħabba l-prezzijiet eżorbitanti tal-kera li ma jlaħħqux magħhom. Ir-residenti saħqu li din hija problema serja li qed tinkwieta lil bosta għax il- komunità residenzjali Beltija qiegħda dejjem tonqos. Filwaqt li rrikonoxxew li huwa diffiċli li tikkontrolla l-prezz tal- proprjetà, ġaladarba hemm id-domanda, qalu li hemm affarijiet oħra x'jista' jsir. "Anke barra l-Belt sar diffiċli għal koppja żagħżugħa biex tixtri post diċenti, aħseb u ara fil-Belt," komplew. Semmew fost oħrajn inizjattivi li jistgħu jsiru mill-Kunsill biex aktar żgħażagħ Beltin ikomplu jistudjaw anke wara l-iskola sekondarja billi jorganizza kampanji edukattivi, joħloq ċentri apposta għaż-żgħażagħ u jkabbar it-tagħrif dwar l-importanza tal-edukazzjoni. Fi kliem ir-residenti, dan joħloq aktar opportunitajiet biex żgħażagħ Beltin isibu xogħol ta' kwalità, b'pagi aħjar biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-prezzijiet tal-proprjetà. "Il-Kunsill Lokali għandu wkoll jaħdem bis-sħiħ, biex jagħti għajnuna lill-festi Beltin, u jara li t-tradizzjonijiet tagħna bħall-karnival u affarijiet oħra jinżammu, u saħansitra jintirtu. Nemmnu li l-Kunsill għandu mhux biss jieħu ħsieb l-affarijiet li huma tanġibbli, imma jaħdem biex isolvi wkoll ċerti problemi soċjali," temmew jgħidu r-residenti. Residenti Beltin jipprotestaw qabel il-laqgħa tal-Kunsill Lokali li ddiskutiet l-Avviż Legali dwar il-mużika fil-Belt Valletta