Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1473501
05 illum • IL-ĦADD 17 TA' LULJU 2022 aħbarijiet Tella' ritratt, għamlulu like u daħal f'battibekk! Il-Malti l-aktar li juża il-Facebook u fost l-aktar li jaqra l-aħbar online ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-midja soċjali saret parti importanti mill-ħajja tagħna ta' kuljum, tmur fejn tmur tara nies għaddejjin jaraw il-filmati, jitkellmu jew itellgħu ritratti fuq il-midja soċjali sabiex jinteraġixxu ma' ħbieb, qraba u nies oħrajn permezz ta' kummenti, likes jew inkella xi battibekk. U mhux ta' b'xejn, hekk kif sondaġġ tal-Ewrobarometru juri illi l-Maltin huma l-aktar poplu fl-Unjoni Ewropea li mill-għażliet tad-diversi midja soċjali differenti jużaw l-aktar il-Facebook. Huma b'kollox 91% dawk li kienu użaw il-Facebook fil-ġimgħa ta' meta kien qed isir is-sondaġġ, li huwa ħafna ogħla mill-medja ewropea ta' 67%. L-eqreb għall- Maltin kienu l-Bulgari (85%), iċ- Ċiprijotti (84%), l-Ungeriżi (83%), ir-Rumeni (83%) u l-Pollakki u l-Portugiżi (81%). L-użu tal-Facebook - għalkemm inqas minn Malta - xorta huwa l-għażla dominanti tal-Ewropej b'67% - kif diġà indikajna - segwit minn Whatssapp (61%), il- Youtube (56%) u Instagram (42%). Minn dawn kollha l-Facebook jibqa' l-aktar wieħed interattiv, fis-sens illi permezz tiegħu toħloq diskussjoni ma' firxa ħafna aktar wiesgħa ta' nies, anke jekk Twitter kiber fil-popolarità wkoll fl-aħħar snin, speċjalment minħabba l-użu tiegħu minn politiċi lokali u internazzjonali. Fl-UE huma 18% dawk li qalu illi kienu wżaw Twitter sa ġimgħa qabel ma pparteċipaw fis-sondaġġ, filwaqt li 37% qalu illi wżaw Messenger - l-applikazzjoni marbuta ma' Facebook li permezz tagħha persuna tista' tikkomunika ma' persuna oħra jew grupp ta' persuni b'mod aktar privat. Imma l-midja soċjali għal liema raġuni tiġi wżata? Skont l-istess sondaġġ li kien ippubblikat propju din il-ġimgħa jirriżulta li kważi nofs l-Ewropej (49%) - jużaw il-midja soċjali biex jitkellmu direttament ma' ħbieb jew familja, 45% jużawh biex isegwu l-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti u 41% jużawh biex inemmsu - jew biex inpoġġuha bil-pulit, isegwu dak li qed jagħmlu sħabhom. Huma 7% biss dawk l-ewropej li jużaw il-midja soċjali biex isiru jafu nies ġodda u it aktar minn wieħed minn kull 10 ewropej jużawha għal raġunijiet professjonali. Jekk niffukaw fuq il-Maltin imbagħad naraw illi l-persentaġġi huma ħafna ogħla mill-medja fejn jirrigwarda komunikazzjoni: Fil- fatt huma b'kollox 64% il-Maltin li jużaw il-midja soċjali biex jikkomunikaw ma' qraba u ħbieb - li jispjega fil-fatt għaliex ħafna Maltin jużaw ukoll il-Messenger. Intant 65% jużawha biex isegwu l-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, 38% jużaw il-midja soċjali biex jaraw x'inhuma jagħmlu ħbieb u qraba filwaqt li 37% jużawha biex isegwu filmati u ritratti. Huma 5% biss li jużaw il-midja soċjali biex isiru jafu nies ġodda. Interessanti wkoll li l-Maltin huma fost l-aktar poplu ewropew, flimkien maċ-Ċiprijotti u l-Bulgari li jaqraw l-aħbarijiet tagħhom mill-midja soċjali. Fil-fatt l-istess sondaġġ juri kif 56% tal-poplu tagħna normalment jaqra artikli li jkunu fuq il-midja soċjali, ħafna iktar mill-medja ta' 31% tal-ewropej. Fost iċ-ċiprijotti u l-bulgari dan il-persentaġġ jinżel bi it, għal 55%. Fost l-inqas li jaqraw artikli mill-midja soċjali hemm l-Islovakki u l-Isvediżi (20%), il- Finlandiżi (22%), il-Ġermaniżi (21%) u anke l-Olandiżi b'22%. Dan jispjega għalhekk għaliex il-midja lokali hija ħafna iktar dipendenti fuq siti bħal Facebook u l-paġni tagħhom fuq dan is- sit, hekk kif ħafna mit-traffiku ġġenerat lejn stejjer u lejn il-portal innifsu fil-fatt ġejjin mill-midja soċjali. U min juża liema midja soċjali? Interessanti illi jekk inħarsu lejn l-użu tal-Facebook insibu li dan huwa ogħla fost persuni aktar anzjani b'65% u inqas fost dawk bejn il-15 u l-24 sena (54%). Din żgur illi turi x-xejra demografika li ċċalqet hekk kif oriġinarjament il-Facebook kien jintuża kważi minn żgħażagħ biss. Wieħed jista' jgħid ukoll illi l-ebda sit simili fil- passat qatt ma rnexxielu jippenetra biżżejjed l-etajiet iktar anzjani. Dawn ix-xejriet iżda huma kompletament differenti fejn jirrigwarda Youtube, Instagram, Twitter u Tik Tok. L-inqas li jintuża mill-anzjani fil-fatt huwa Tik Tok li huwa wżat minn 49% taż-żgħażagħ ewropej imma minn 6% biss ta' dawk 'l fuq minn 55 sena. 79% ta' dawk bejn 15 u 24 sena jużaw Instagram u 76% jużaw il-YouTube filwaqt li l-persentaġġ ta' nies 'l fuq minn 55 sena li jużaw dawn is-siti jinżlu għal 23% u 43% rispettivament. It-TV u l-portals/online l-aktar popolari biex il-Maltin jaqraw l-aħbarijiet! Skont dan is-sondaġġ it- televiżjoni u l-online portals - fosthom ukoll l-illum.com.mt - jibqgħu l-aktar sorsi popolari li minnhom il-poplu Malti u Għawdxi jaqra aħbarijiet. Fil-fatt mistoqsijin liema huma l-aktar sorsi li jużaw biex jaċċessaw aħbarijiet, 52% wieġbu TV, 65% wieġbu illi jaċċessaw l-aħbarijiet minn pjattaformi ta' aħbarijiet u 55% mill-midja soċjali u blogs. Il-Maltin huma t-tieni l-aktar li jużaw l-online biex jaqraw l-aħbarijiet, u jgħadduna biss huma l-Finlandiżi (67%) u it warajna jiġu l-Griegi (63%) u l-Bulgari (60%). Dawk imbagħad li jsegwu l-aħbarijiet mir-radju wkoll jinżlu għal 22%, filwaqt li 12% jaqraw l-aħbarijiet tagħhom minn YouTube jew pjattaformi li jipproduċu filmati. Dan il- persentaġġ jerġa' jinżel bi it - għal 11% - għal dawk li jaqraw l-aħbarijiet mill-gazzetti u l-istess persentaġġ li jaqraw l-aħbarijiet minn applikazzjonijiet ta' messaġġi. L-użu tal-podcasts biex persuna ssir taf x'inhu jiġri jinżel għal 3% biss. Lokalment l-idea tal-Podcast hija xi ħaġa pjuttost riċenti bl- aktar wieħed li jidher illi qed ikun segwit huwa dak immexxi minn Jon Mallia. L-Ewropej, b'mod ġenerali, jidher illi għadhom ħafna iktar tradizzjonali fejn jirrigwarda sorsi ta' informazzjoni u aħbarijiet hekk kif il-medja tal-UE fir-rigward ta' qari ta' gazzetti huwa 10% ogħla minn ta' Malta (21%), huwa 23% ogħla f 'dak li jirrigwarda televiżjoni (75%) u huwa ogħla wkoll fil-każ tar-radju hekk kif il-medja tal- UE hija 17% ogħla mis-segwaċi radjufoniċi lokali (39%). Minn naħa l-oħra l-medja fl-UE ta' dawk li jġibu l-aħbar minn pjattaformi online hija 22% inqas minn Malta (43%). Il-medja ewropea ta' dawk li jiksbu l-aħbar mill-midja soċjali u blogs hija inqas minn nofs dik ta' Malta (26%). L-aktar li jaqraw gazzetti fl- Ewropa kollha huma l-Awstrijaċi fejn iktar minn terz jgħidu li s-sors li jaqraw l-aktar għall-aħbarijiet huma l-gazzetti (34%). L-aktar ċittadini li fil-ġimgħa li matulha sar is-sondaġġ ma segwew ebda aħbarijiet kienu ċ-Ċeki, l-Ispanjoli, il-Franċiżi u l-Islovakki - fejn f 'kull każ 10% ma segwew ebda aħbarijiet. U finalment, x'jaqraw l-aktar il- Maltin imqabbla mal-Ewropej? L-ewwelnett il-medja ewropea turi illi l-ewropej l-aktar aħbarijiet li jaqraw huma dawk lokali u dawk li jitrattaw politika nazzjonali, b'47% u 50% rispettivament. Il- Maltin iżda huma t-tieni l-aktar poplu li jaqraw aħbarijiet lokali b'69%. Jgħadduna biss dawk li jgħixu l-Lussemburgu b'71% u jiġu qrib tagħna ċ-Ċiprijotti b'66%. Il-Maltin iżda - jirriżulta minn dan is-sondaġġ tal- Ewrobarometru - jaqraw ukoll ħafna aħbarijiet relatati ma' kwistjonijiet ewropej. Wieħed irid jieħu f 'kunsiderazzjoni l-fatt li dan is-sondaġġ sar waqt kwistjoni partikolari li ġibdet l-attenzjoni ta' ħafna lejn aħbarijiet ewropej u dawk li jirrigwardaw l-istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri l-gwerra fl-Ukrajna. Fil-fatt apparti li 50% tal-Maltin qalu illi fil-ġimgħa tas-sondaġġ aċċessaw aħbarijiet relatati ma' kwistjonijiet internazzjonali u ewropej, 89% jgħidu illi fl-aħħar sebat ijiem qraw jew semgħu xi ħaġa li tirrelata mal-UE. Dan ippoġġina fil-quċċata filimkien mar-Rumeni, il-poplu tal-Latvja u l-Bulgari. L-inqas li semgħu jew qraw xi ħaġa relatata mal-UE huma l-Franċiżi (57%), l-Olandiżi (59%) u l-Belġjani (62%) - ironikment tliet pajjiżi fil-qalba u fost l-aktar li ilhom membri tal- Unjoni Ewropea. L-istess xejra timmanifesta ruħha f 'dak li jirrigwarda aħbarijiet relatati mal-Parlament Ewropew, fejn Malta tinsab fil-quċċata, b'85% li semgħu jew qraw xi ħaġa relatata mal-Parlament Ewropew. Kont taf li l-Maltin huma fost l-aktar li jużaw il-Facebook, fost l-aktar li jaqraw l-aħbar online u fost l-aktar li jużaw il-midja soċjali biex jikkomunikaw fl-UE? Ħarsa lejn il-Maltin, l-aħbar u l-mezz ta' komunikazzjoni favorit...