Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577
IL-ĦADD 7 TA' AWWISSU 2022 • illum aħbarijiet 'Il-Gvern qed iħaddem politika li falliet fis- 60ijiet fit-trasport u infrastruttura' - ADPD L-ADPD - e Green Party sostna li l-Gvern u l-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia qed imexxu politika tat-trasport li falliet diġà fl- Ewropa lura fis-60ijiet u s-70ijiet u dan wara li - skont l-istess partit - Farrugia "irredikola" proposta tal-NGO Rota.mt għal trasport aktar sostenibbli. Din l-għaqda tipproponi miżuri favur iktar spazji siguri fit-toroq għall-użu ta' roti, bil-Ministru jgħid illi l-ewwel il-Gvern jaċċerta li t-toroq huma siguri għall-użu tal-karozzi u wara - jekk ikun hemm spazju - jsiru bicycle lanes. "Dawn il-kummenti jixhdu nuqqas kbir ta' viżjoni, ta' rieda politika u ta' għarfien mill-Gvern fejn tidħol politika moderna dwar it-trasport u l-mobilità f 'pajjiżna," sostna Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta' ADPD. "Assolutament mhux veru li bini ta' flyovers, inkluż il-konfużjoni preżenti ħdejn l-ajruport kif ukoll dak propost f 'nofs l-Imsida, u twessiegħ ta' toroq bl-addoċċ hija s-soluzzjoni għal 'effiċjenza' fil-mobilità. Minn fejn qed iġib dawn l-ideat żbaljati l-Ministru?" kompla jistaqsi. Huwa sostna li effiċjenza fil- mobilità fis-sena 2022 tfisser toroq urbani aktar sikuri, b'inqas traffiku fihom, aktar toroq urbani pedestrijanizzati u riservati għat-trasport pubbliku u mezzi alternattivi bħar-roti u roti elettriċi, bicycle super-highways li jgħaqqdu l-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji mal- irħula u l-ibliet tal-madwar, toroq sikuri madwar l-iskejjel kollha, u aktar spazju għar-roti, roti elettriċi, u għal sistema Bus Rapid Transit tul l-arterji prinċipali kollha. "Il-mira tagħna għandha tkun għal żoni kbar fl-irħula u l-ibliet mingħajr karozzi – bħal ma naraw f 'diversi bliet Ewropej. L-ispazju kbir li jieħdu l-karozzi, parti kbira minnu għandu jgħaddi lura lejn in-nies, ir-roti u t-trasport pubbliku, u jintuża biex it-toroq isiru isbaħ permezz ta' programm ta' tħawwil professjonali ta' siġar fit-toroq urbani," kompla jgħid is- Segretarju Ġenerali tal-ADPD. Huwa qal li jekk dan ma jsirx pajjiżna se jibqa' magħruf bħala l-pajjiż, "tal-kruha u t-traskuraġni." Kompla jfakkar li huwa fatt dokumentat li t-trasport huwa sors ewlieni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u tniġġis ieħor perikoluż f 'Malta. "Il-politika ta' Gvern wara ieħor kienet u għadha ċċentrata fuq il-karozzi minkejja li d-distanzi f 'Malta huma żgħar. Bħal f 'ħafna każi l-Gvern jitkellem fuq l-emerġenza tal-klima imma fil-qasam tat-trasport jaġixxi kontra l-klima, kontra l-ambjent u kontra l-interessi vera tan-nies." 'Iż-żmien tar-rapporti spiċċa...' Iċ-Chairperson ta' ADPD – e Green Party Carmel Cacopardo qal li l-fatt li skont in-National Transport Master Plan 2025 iffinanzjat mill-UE u kkummisjonat mill-Gvern nofs il- vjaġġi f 'Malta huma ta' inqas minn kwarta (Transport Masterplan) suppost jagħmilha aktar faċli biex il-Gvern iħajjar bidla fil-mod ta' trasport u jiffaċilità lil min jitħajjar juża mezzi alternattivi tat-trasport. "It-toroq huma ta' kulħadd u għandhom jiġu disinjati biex jagħtu l-ispazju mistħoqq lil min sa issa huwa mkeċċi mit-toroq perikolużi li għandna," saħaq Cacopardo. Huwa qal li l-Gvern qed jinjora proposti bħal 'bus corridors' u aktar spazju fit-toroq għat- trasport pubbliku. "Iż-żmien tar-rapporti spiċċa għax id-data li għandna bżonn diġà teżisti. L-azzjoni iżda hija nieqsa minħabba l-ostakolu kbir ta' politiċi li tul is-snin għażlu li ma jmexxux 'il quddiem politika li tbiddel, tirriforma l-qasam tat-trasport u tat-toroq. Politiċi li għażlu li jippromwovu l-ivjaġġar bil-karozzi u jżidu t-toroq iddisinjati ħażin, minflok li jippromwovu meżżi differenti u irħas ta' trasport," qal Cacopardo. Huwa temm jisħaq li din it-tip ta' politika hija frott ta' sistema ta' parlament iddominat minn żewġ partiti u qal li hija l-pluralità ta' ilħna politiċi fil- Parlament li twassal għad-daqqa mortali għal din it-tip ta' politika skaduta li tipprova tingħoġob billi tippreserva l-istatus quo. "Mhux ta' b'xejn il-partiti fil-parlament jikkupjaw il-policies ta' xulxin u jirreżistu riformi fis-sistema elettorali", ikkonkluda. ADPD - The Green Party jisħaq illi l-Gvern għandu jippjana politika li tagħti spazju lil mezzi oħrajn ta' trasport, fosthom trasport pubbliku u roti, minflok jibqa' jipprijoritizza l-użu tal-karozza... Malta ser terġa' tkun id-destinazzjoni uffiċjali tal-klabb ta' fama internazzjonali Manchester United hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Manchester United ħabbru li ser ikunu qed iġeddu l-ehim tagħhom li permezz tiegħu l-klabb ser ikun qed jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika mas- segwaċi u mal-ammiraturi li l-istess klabb għandu madwar id-dinja, u li jammontaw għal 1.1 biljun persuna, ħabbar il-Gvern fi stqarrija. Manchester United u Malta għandhom rabta dejjiema, li hija karatterizzata minn storja twila, b'Malta s-sede tal-eqdem klabb tas-supporters tal-Manchester United. Permezz ta' dan il-ehim, il-brand VisitMalta ser tibbenifika minn viżibilità b'saħħitha waqt il-logħbiet li jintlagħbu f 'Old Trafford, u anke fuq il-mezzi diġitali, midja soċjali u midja stampata madwar id-dinja kollha. Id-dettalji ta' dan it-tiġdid tħabbru waqt attività organizzata f 'Old Trafford, Manchester, fil-preżenza tal- Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il- Ministeru għat-Turiżmu Anthony Gatt u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat- Turiżmu Carlo Micallef. "Il-fatt li VisitMalta ser terġa' tkun Official Destination Partner ta' Manchester United ser twassal għal żieda bla preċedent fil-viżibilità u fil-koordinament tal-isforzi ta' marketing għall-gżejjer Maltin, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fi swieq long-haul bħall-Amerika, l-Ażja, u l-Lvant Nofsani. Ninsab ottimist li dan il-partnership agreement ser ikompli jwassal biex Malta tiġi stabbilita bħala ċentru ta' eċċellenza għat-turiżmu sportiv", irrimarka l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. "Waqt ix-xhur tal-pandemija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kellha tkun innovattiva biex timmassimizza l-potenzjal ta' din il-partnership, u dan fi żmien meta kull forma ta' attività sportiva kienet wieqfa. Dan sar permezz ta' għadd ta' inizjattivi ta' natura diġitali, intiżi sabiex iżidu l-viżibilità u l-engagement, fejn stajna anke nesponu s-sbuħija tal-gżejjer Maltin mal-ammiraturi tal-Manchester United," saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef. Huwa fakkar li dan il-klabb għandu ammiraturi madwar id-dinja kollha, speċjalment fir-reġjun Ażjatiku, "fejn Manchester United huma rikonoxxuti bħala wieħed mill-aktar klabbs sportivi b'saħħithom fid-dinja." Id-Direttur tal-Alleanzi u s-Sħubijiet ta' Manchester United, Ali Edge, qalet li Manchester United u Malta għandhom relazzjoni u storja rikka u jinsabu kuntenti li ser jissokta dan il-ehim ma' VisitMalta. "Aħna tassew kburin b'dak li rnexxielna niksbu fl-ewwel snin tal-partnership, speċjalment f 'perjodu fejn l-ivvjaġġar internazzjonali kien ristrett, u nħarsu 'l quddiem biex inkomplu dan il-ehim ta' suċċess għas-snin li ġejjin". Il-Partnership Performance Director, Liam McManus, qal li sa minn meta nedejna dan il-partnership ma' VisitMalta, "flimkien irnexxielna nipprovdu, b'mod kontinwu, għarfien dwar Malta bħala destinazzjoni turistika mill-aqwa." Huwa qal li dan għen sabiex jinbnew pedamenti b'saħħithom biex bl-aktar mod ideali, Malta tkun f 'pożizzjoni vantaġġuża f 'dak li għandu x'jaqsam l-irkupru tas-settur turistiku wara l-eqqel tal-pandemija tal- COVID-19." VisitMalta ser tkun qed torganizza wkoll u tieħu ħsieb li tniedi għadd ta' offerti fuq is-sit elettroniku tagħha, liema offerti ser ikunu mmirati speċifikament lejn l-ammiraturi ta' Manchester United, u dan bil-għan li l-istess ammiraturi jkunu jistgħu jesploraw l-isbuħija tal-gżejjer Maltin. Malta ser terġa' tkun id-destinazzjoni uffiċjali tal-klabb Manchester United