Illum previous editions

ILLUM 2 October 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1480750

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 27

11 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 02 TA' OTTUBRU 2022 Gwerra fl-Ukrajna: Il-but, kriżi ekonomika u gwerra nukleari... l-aktar xenarji li jbeżżgħu lill-Maltin Il-Maltin jagħtu approvazzjoni qawwija lill-Gvern għall-passi li ħa waqt il-gwerra fl-Ukrajna, filwaqt li jħossu illi din il-gwerra se tkun qed taffetwahom serjament mil-lat ta' finanzi... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-but, il-possibilità ta' kriżi ekonomika u anke tixrid ta' gwerra, li tista' tkun nukleari, huma l-akbar biżgħat li għandhom, kemm il-Maltin imma anke l-Ewropej, li jitrattaw il-gwerra fl- Ukrajna - skont sondaġġ tal-Ewrobarometru li kien ippubblikat f 'Settembru. Fil- fatt meta mistoqsijin liema mill-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna l-aktar li qed ibeżżawhom, 40% tal-Maltin semmew l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja. Din fil-fatt - skont l-istess sondaġġ hija meqjusa bħala l-akbar problema bħalissa f 'Malta, mill-Maltin u b'mod ġenerali fl-UE fost l-ewropej. Wara, b'34%, il-Maltin l-aktar li jibżgħu huwa illi din il-gwerra twassal biex tieħu żvolta kerha u ssir waħda nukleari, probabbilment biża' li għandhom ħafna hekk kif Putin stess wissa li jekk se jkun hemm min jattakka l-integrità tal-art Russa - u b'art Russa qed jinkludi dawk li ħataf mill-Ukrajna u dawk li għamel tiegħu permezz ta' referendum finta - il-Gvern tiegħu se jieħu kull pass meħtieġ. Din l-istqarrija kienet interpetata minn bosta, inkluż mill-Gvern tiegħu stess, li hija theddida ta' gwerra nukleari. Iktar kmieni f 'Settembru, Rose Gottemoeller, li kienet Id-Deputat Segretarju tan-Nato wissiet li Vladimir Putin jaf juża armi nukleari hekk kif ir-Russja tilfet ħafna art għall-Ukrajna fl-aħħar ġimgħat. Anke s-sit Bloomberg irrapporta lil eks uffiċjal tas-CIA Leon Panetta jgħid li Putin jaf juża armi nukleari hekk kif jibda jħossu dejjem aktar f 'kantuniera. Ir-Russja għandha madwar 6,257 arma nukleari, li allura ifisser illi huwa l-aktar pajjiż b'armi simili. L-Istati Uniti ammettiet li għandha madwar 5,550. Minkejja dan is-sit euronews irrapporta li madwar 2,000 arma nukleari Russa huma 'short-range' u allura armi li ma jwasslux għall-qerda kważi totali ta' żona kbira, imma li jintużaw fil-kamp tal-battalja. Bosta jaħsbu illi kieku Putin kellu juża dawn it-tip ta' armi, juża dawn tal-aħħar tip biex ibeżża' lill- Punent. Il-medja ewropea dwar biża' minn gwerra nukleari kienet inqas b'25% isemmu din bħala l-akbar biża' tagħhom. Minn naħa l-oħra 36% tal- ewropej isemmu kriżi kbira ekonomika bħala l-akbar biża', b'31% tal-maltin jesprimu din il-biża' filwaqt li 20% jesprimu biża' li din il-gwerra tinfirex għal ġo pajjiżhom. Il-persentaġġ f 'Malta mhux wisq 'il bogħod, minkejja distanzi konsiderevoli bejn Malta u l-Ukrajna, fil-fatt huma 19% li jibżgħu illi l-gwerra tinfirex f 'Malta wkoll. Il-Maltin japprovaw ir-rispons tal-Gvern ta' Abela fuq il-gwerra Minkejja diverġenzi fil-ħsieb, skont dan is-sondaġġ jidher ċar li maġġoranza qawwija tal- poplu Malti tappoġġja l-passi li ħa l-Gvern bħala tweġiba għall-invażjoni Russa, b'78% tal- poplu jagħtu ċertifikat pożittiv lill-Gvern ta' Robert Abela għal passi li ħa. Il-Gvern Malti ngħaqad ma' dawk ewropej fis-sanzjonijiet kontra l-Gvern Russu, filwaqt li wara pressjoni mill-Parlament Ewropew waqqaf il-bejgħ ta' passaporti lil ċittadini Russi u anke lil dawk mill-Belorussja. Kienu biss 20% li qalu illi ma humiex kuntenti bil-passi li ħa l-Gvern. L-approvazzjoni li qala' l-Gvern Malti, mill-Maltin huwa ferm akbar mill-medja ewropea fejn kienu 55% li approvaw il-passi li ħadu l-Gvernijiet nazzjonali fir-rigward ta' dan il-kunflitt. Dan filwaqt li 40% tal-ewropej qalu li ma huma kuntenti xejn bil-passi li ttieħdu. Minkejja dan hemm qbil, kważi unanimu, kemm f 'Malta u anke madwar l-Unjoni Ewropea li l-gwerra fl-Ukrajna għandha effetti ekonomiċi serji fuq kull pajjiż tal-UE. Fil-fatt 89% tal- Maltin jemmnu li dan huwa l-każ għal Malta, kif jemmnu medja ta' 88% tal-ewropej. Iżda meta mistoqsijin jekk jaħsbux li l-gwerra hux se jkollha konsegwenzi serji fuqhom personalment, mill-ġdid kien hemm differenza bil-Maltin ħafna iktar ċerti li dan huwa l-każ. Kważi tmienja minn kull 10 parteċipanti Maltin (78%) qalu illi jemmnu li din il-gwerra se jkollha effetti finanzjarji serji fuqhom personalment, persentaġġ li jinżel għal 62% madwar l-Unjoni Ewropea. Huma 21% biss tal-maltin li ma jarawx illi dan il-kunflitt se jħalli effett, persentaġġ li jiżdied għal 36% fil-każ tal-medja ewropea. Qbil ġenerali għal politika komuni fid-difiża, enerġija u politika barranija Fid-dawl tal-kwistjonijiet li ressqet 'il quddiem din il- gwerra l-parteċipanti tas- sondaġġ kienu mistoqsijin dwar is-sigurtà u difiża fl-UE, politika komuni dwar l-enerġija, politika barranija komuni u aktar tkabbir tal-UE. F'kull każ - kemm lokalment u anke madwar l-UE hemm il-qbil tal-maġġoranza tal-parteċipanti favur politika komuni, għalkemm hemm diverġenza notevoli fil-każ tat-tkabbir. Filwaqt li 80% tal-maltin jaqblu ma' aktar tkabbir tal-UE huma 57% tal-ewropej li jaħsbu l-istess u 33% li ma jaqblux. L-Unjoni Ewropea - ftit wara li bdiet l-invażjoni Russa - kienet wittiet it-triq sabiex l-Ukrajna issir membru sħiħ tal-UE, għalkemm id-diskors inbidel xi ftit - minn 'fast track membership' għall-importanza li l-Ukrajna jkun pajjiż kandidat u wara jgħaddi mill-proċess sħiħ u normali li minnu jgħaddi pajjiż biex isir membru tal-UE. Filwaqt li 83% tal-Maltin jaqblu ma' politika komuni ta' difiża u sigurtà, 77% tal-ewropej jaħsbu l-istess. Maġġoranza qawwija ta' 86% tal-maltin jemmnu li għandu jkun hemm politika komuni tal-enerġija, filwaqt li 75% tal-ewropej jaħsbu l-istess. Fuq il-politika barranija 78% tal-Maltin jemmnu li din għandha tkun komuni madwar l-UE, liema persentaġġ jinżel ftit għal 70% madwar l-Unjoni Ewropea.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 October 2022