Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1480750
IL-ĦADD 02 TA' OTTUBRU 2022 • illum aħbarijiet 'Hija tal-mistħija kif qed jiżdiedu l-prezzijiet' ALBERT GAUCI CUNNINGHAM "Hija tal-mistħija kif qed jiżdiedu l-prezzijiet. Flixkun żejt kien jiswa' €1.90 u issa spiċċa jiswa' €4.25, xkora ċana kienet tiswa' €6.50 u issa €11, ikel tal-klieb żdied b'€5... u l-pagi jibqgħu l-istess. Kemm il-€5 aktar ħa jkolli biex ngħaddi? Kieku mhux għax għamilt flus qabel u qed ngħix fuqhom, kieku bid-dejn qed ngħix. U biex immorru nieklu? Fl-okkażjoni." Hekk kien wieħed mill-ħafna kummenti ta' parteċipanti - f 'dan il-każ ta' raġel miżżewweġ b'żewġt itfal b'inqas minn €20,000 fi dħul - li kienu parti minn rapport magħmul mill- General Workers' Union, il- Moviment Graffitti u l-Alleanza kontra l-Faqar u li kkalkula kemm għandha bżonn persuna biex tgħix diċenti, jiġifieri li jkollha l-ikel, servizzi bħall- internet u TV (li llum ma għadhomx lussu), tkun tiflaħ tħallas għal servizzi ta' saħħa u wkoll li tkun tista' tieħu ftit ġranet ta' serħan f 'Malta jew forsi barra. Pensjonant, armel, qal illi jonfoq bejn €20 u €25 kuljum f 'xiri ta' ikel. Huwa jilmenta illi ma hemmx kontrolli tal- prezzijiet u ta eżempju tal- prezz tal-maskri, minn €1 f 'post għal €3 f 'post ieħor. Persuna oħra, single, ilmentat illi l-ispejjeż tal-ikel ilhom jiżdiedu kontinwament għall- aħħar sentejn, "u xi kultant iż- żidiet ikunu saħansitra minn jum għall-ieħor, l-aktar tal- laħam imma anke tal-ħut." Dwar l-ikel barra din il-persuna single - li bħal parteċipanti oħrajn - isimhom mhux jissemma fid- dokument, tgħid illi jekk per eżempju tonfoq €70 fi tmiem il-ġimgħa, ta' wara ma tkunx tiflaħ terġa' toħroġ. Persuna oħra single imma bit-tfal tgħid illi l-ikel barra kull ġimgħa huwa impossibbli, u jekk toħroġ tiekol ikun darba kull ġimagħtejn. Il-persuna single li għandha wkoll żewġt itfal - li taħdem, hija sid ta' darha u finanzjarjament indipendenti - qalet lill-esperti ta' dan ir-rapport illi lilhinn mill-bżonnijiet bażiċi ta' ikel, saħħa, kontijiet u aktar, tibża' li ma tkunx tista' tlaħħaq ħlief jekk mhux tieħu self. "Ftit li xejn ikun għad fadalli mill- paga, wara li nħallas kollox. Forsi €50? Jiġifieri jekk ikolli bżonn inbiddel il-kamra tal- banju u din tiswa' €4,000, minn fejn se noħroġhom? Bilfors irrid nieħu kreditu mill-bank. U jekk ikolli problema ta' saħħa, bla mistenni?" Raġel ieħor li pparteċipa f 'dan l-istudju - u li jaqbad inqas minn €20,000 - u li jgħix ma' martu d-dar, flimkien ma' bintu u t-tifel tagħha (hija separata allura tgħix mal-ġenituri) qal illi miżerjament trid bejn wieħed u ieħor €60 kuljum "mhux biex iġġemma' imma biex tgħix kexxun." U finalment mara oħra - single b'wild wieħed - qalet illi filwaqt li kulħadd jixraqlu l-għajnuna, l-aktar li qed jaqilgħuha huma dawk f 'impjieg, li xtraw darhom u li ma jieħdu l-ebda benefiċċji jew inkella jieħdu inqas. "Għall-istat min jaqla bejn €20,000 u €23,000 huwa "okay" ... imma li qed ninsew huwa li din il-persuna ma tikkwalifikax għal housing soċjali u trid tixtri proprjetà hi. Allura wara li taqta' mat-€8,000 jew €9,000 f 'self, x'jifdallek? €13,000. Daqs kemm jaqla' min qed jieħu l-aktar benefiċċji u jikkwalifika għal housing... Jekk persuna tgħaddi b'€13,000 anke l-oħra tgħaddi, imma waħda tirċievi l-benefiċċji kollha u l-oħra le," sostniet din l-omm. Hija qalet li ċerti benefiċċji huma kkalkulati fuq id-dħul wara t-taxxa u mhux dħul wara li jinqata' self jew kirjiet. Hija kkonkludiet iżda billi qalet illi minn mindu l-Gvern għolla s-ceiling tal-In Work Benefit hija ibbenefikat minnu, għall-ewwel darba! Dawn il-persuni kollha pparteċipaw f 'diskussjoni li minnhom il-panel tal-esperti seta' jieħu l-informazzjoni biex jibni dan ir-rapport bl-isem 'A proposal towards the definition and estimates of the National Living Income in Malta 2022'. L-awturi tar-rapport huma l-Professur Dr Joseph Gravina, l-Ekonomista Daniel Gravino, l-Istatistiku Vince Marmara, l-Avukat u Lekċerer Dr Kurt Xerri u l-Konsulent Jake Adam Azzopardi. Jekk single parent jew anzjan, l-aktar li qed tlaqqatha! Huwa ċar minn dan ir-rapport li l-aktar li qed ilaqtuha huma persuni single, speċjalment dawk bit-tfal u l-anzjani. Fil-fatt ċifri juru illi xejn inqas minn 76% ta' ġenituri waħehom li qed irabbu wild jew aktar bħalissa qed jaqilgħu inqas mid-dħul minimu meħtieġ biex jgħixu b'mod diċenti. Fil-fatt skont dan ir-rapport l-ispiża biex persuna single, b'żewġt itfal, tgħix b'mod diċenti jeħtiġilha bejn €16,855 u €19,962. Għalhekk in-National Living Income għandu jkun bejn €21,078 u €26,018 fis-sena. Ġenitur single b'wild wieħed jeħtieġ spiża ta' bejn €13,695 u €16,219 u allura dħul ta' bejn €16,160 u €20,099 biex tgħix b'mod diċenti u tlaħħaq mal- bżonnijiet bażiċi kollha. Issa r-rapport jindika li 5,232 familja minn dawn qed jgħixu bi dħul li huwa inqas minn dak meqjus bħala National Living Income. Ħafna agħar minn hekk - u sinjal ċar ta' kemm l-anzjani l-aktar li jbatu l-faqar - huwa l-fatt li 19,650 individwu li huwa single u li għandu aktar minn 65 sena qed jgħixu b'inqas mit- €12,226 li huwa meqjus bħala Living Income għal din is- sezzjoni tal-poplu. Dan jagħmel lill-anzjani single ta' 'l fuq minn 65 sena, l-ifqar sezzjoni tal-poplu. Ir- rapport jgħid illi biex anzjan waħdu jgħix diċenti għandu spiża ta' bejn €10,535 u €12,476, u bżonn ta' dħul ta' bejn €12,226 u €14,864 fis-sena. L-aktar tipi ta' familji li jaqilgħu aktar mil-livell minimu meħtieġ biex tgħix diċenti huma l-koppji - kemm dawk bla tfal u anke dawk bit-tfal (imma mhux koppji pensjonanti). Huma 70% ta' dawk il-koppji mingħajr tfal li jaqilgħu iktar min-National Living Income kif ikkalkulat f 'dan ir-rapport u 9,641 (29.9%) li jaqilgħu inqas. B'hekk jidher illi koppji mingħajr tfal huma l-aktar familji li ġeneralment jifilħu għall-ispejjeż. Minn naħa l-oħra l-persentaġġ ta' koppji li ma humiex qed jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu b'mod diċenti jogħla għal kważi 39% fil-każ ta' koppji b'wild wieħed jew tnejn. Fil-fatt huma 16,373 familja bi tfal dipendenti fuq il-ġenituri li jaqilgħu inqas minn €21,084 (f 'każ ta' wild wieħed) jew €25,300 (żewġ ulied) li r-rapport jikkalkula li għandhom bżonn biex jgħixu diċenti. Koppji anzjani u pensjonanti - mill-ġdid jerġgħu jmorru minn taħt - hekk kif dan ir-rapport jindika li 68.6% jew 18,441 koppja anzjana, mhumiex qed jaqilgħu s-€17,704 fis-sena li huma kkalkulati bħala National Living Income f 'dan ir-rapport. Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ikkwotati wkoll mir-rapport, jikkonfermaw fil- fatt illi d-dħul medju, fost dawk li għandhom 65 sena u aktar u li huma single huwa biss ta' €10,515 fis-sena (medja), l-inqas dħul minn fost is-sezzjonijiet kollha tal-poplu. Il-paga medja, fost ġenituri single b'wild jew tnejn titla' għal €22,346 (qabel it-taxxa) bid-dħul medju f 'każ ta' familji fejn hemm żewġt itfal jitla' għal €51,389 (żewġ ġenituri - qligħ gross). Interessanti li dan ir-rapport juri wkoll li l-akbar dipendenza fuq il-benefiċċji fil-fatt huma l-anzjani u ġenituri single. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-esperjenzi u ċ-ċifri li jinsabu f'rapport ippreparat mill-GWU, Graffitti u l-Alleanza Kontra l-Faqar u li juri li ġenituri single u l-anzjani l-aktar li qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja u jgħixu diċenti...