Illum previous editions

ILLUM 16 October 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1481867

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 ĦAMES SNIN DAPHNE CARUANA GALIZIA 'Kieku ridt naħbi kont nimxi mod ieħor' - L-eks PM Muscat dwar l-assassinju ta' Daphne ALBERT GAUCI CUNNINGHAM L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma weġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar jekk iħossx li seta' naqas jew ħa passi oħrajn li ma ħax ħames snin ilu wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia - meta hu kien fil-kariga - iżda saħaq illi kieku hu ried jaħbi ma kienx jieħu l-passi li qal illi ħa fl- ewwel jiem minn wara l-assassinju. Filwaqt li rriuta li jidentifika xi forma ta' nuqqas, huwa sostna illi kieku ma ħax id-deċiżjonijiet li ħa fil-jiem wara li nqatlet il-ġurnalista, "ma konna qatt naslu sa hawn." "Kieku ridt naħbi, kont nimxi mod ieħor," qal Muscat għall-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta hekk kif illum jaħbat il-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Għall- mistoqsija tal-gazzetta dwar jekk iħossx li naqas jew kien hemm passi li seta' jieħu imma li ma ħax wara dan l-assassinju - speċjalment fid-dawl tal-kritika lejh li kienet "l-impunità li ħoloq il-Gvern tiegħu" li ppermettiet illi Caruana Galizia tinqatel - huwa ma weġibx. Iżda sostna illi wara l-iżviluppi tal-aħħar sigħat huma n-nies li se jiġġudikaw għemilu bħala Prim Ministru. "In-nies issa tista' tiġġudika aħjar għemili f 'dawk il-jiem kruċjali u jekk ħadtx l-aħjar deċiżjonijiet li mingħajrhom qatt ma konna naslu hawn," sostna l-eks Prim Ministru. Mistoqsi jekk jemminx li ser issir ġustizzja sħiħa fiż-żmien li ġej, kompla jgħid mal-ILLUM illi min qatel lil Daphne Caruana Galizia ta "daqqa enormi lill-Gvern u lil pajjiżna" u qal ukoll illi dakinhar huwa kien ixxukkjat "iżda riżolut li ma nagħmilx bħal ta' qabli, inparla biss u ma nwettaqx." Muscat temm jgħid illi huwa kien kommess li ssir ġustizzja "u tfajt ir- riżorsi kollha tal-pajjiż u tlabt l-aktar għajnuna avvanzata internazzjonali biex dan isir. Kieku ridt naħbi, kont nimxi mod ieħor." Huwa temm itenni illi hu ħallas il- prezz politiku "u l-ġudizzju fuq hekk tagħmlu l-istorja." X'qalet l-inkjesta pubblika dwar ir-responsabilità ta' Muscat? Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta' "qarnita ta' impunità" li jgħid illi kellha ċ-ċentru tagħha fi qrubija u ħbiberija żejda bejn il-poter u n-negozju, liema qawwiet ġew flimkien biex jinnewtralizzaw lil Daphne Caruana Galizia, jgħid mill-ġdid ir-rapport. Ir-rapport jikkonkludi li l-Istat għandu ħtija għaliex ħalla kultura ta' impunità u kollass tas-saltna tad-dritt li għamluha aktar faċli biex tinqatel il-ġurnalista u biex - skont ir-rapport - min iwettaq ir-reat iħossu sikur. L-Imħallfin kienu skjaċċanti fil-kritika tagħhom dwar il-politika 'pro business' għax qalu li din tajba sakemm ma ssirx għas-skapitù ta' governanza tajba. Il-Bord jispjega li kellu "provi abbundanti" dwar dawk li jsejjaħ "intriċċi u kunfidenza żejda" bejn uffiċjali pubbliċi u negozjanti kbar u sostna li din il-qrubija kienet fattur determinanti biex il-parti l-kbira tal-proġetti l-kbar realizzati fil-perjodu rilevanti "jispiċċaw taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali u Inkjesti Magisterjali, fost oħrajn. Investigazzjonijiet li jikkonfermaw li kien hemm irregolaritajiet kbar sal-punt li ġiet prospettata l-possibilita' li f'uħud minnhom il-proċess kollu seta' kien vizzjat." Il-Bord ta' Inkjesta magħmul mill-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro - sostna li bosta drabi l-proċeduri ta' proġetti kienu għal fuq il-karta biss u sabiex min ikun involut jasal għall-iskopjijiet tiegħu. "Ir-realta' hi illi parti minn negozju l-kbir, mhux sorprendentement, ħataf l-okkażżjoni biex ikun jista' jopera u jwettaq il-proġetti tiegħu bl-inqas xkiel amministrattiv u b'manipulazzjoni ta' uffiċjali pubbliċi fl- ogħla gradi li magħhom ħolqu rabtiet ta' interess komuni," sostna il-Bord fil-konkużjonijiet tiegħu. Jisħaq illi l-poter u n-negozju ħolqu żewġ forzi li riedu kemm setgħu jinnewtralizzaw lil ġurnalista li kienet qed tikxef din l-istess relazzjoni. Keith, Konrad u Muscat u 'l-Kultura ta' Impunità' Dawn il-konklużjonijiet jisħqu li l-fatt li Muscat żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u ddefendihom, anke meta bdew ħerġin fatti u stejjer dwar 17 Black wassal biex il-kultura tal-impunità li jgħid illi wasslet biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kompliet tiżdied. "Dawn id-deċizjonijiet tal-eks Prim Ministru flimkien mal-fiduċja espressa mill-Parlament, fil-fehma tal-Bord, saħħew il-kultura ta' impunita' li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta' intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia. Impunita' li straħu fuqha l-elementi ta' kriminalita' organiżżata, kienu min kienu, u li ċertament iffaċilitat l-assassinju." Ic-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo sostna li wara l-iżviluppi drammatiċi tal- bieraħ "issa nistennew li jkunu identifikati l-politiċi li setgħu kienu involuti kemm fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia kif ukoll fl-attentat ta' hold-up fuq l-HSBC f 'Ħal-Qormi." Cacopardo sostna li wara dak li seħħ ilbieraħ l-ADPD qed tistenna li, "l-Pulizija teżamina l-possibbli involviment tal-eks Ministri Chris Cardona u Carmelo Abela mill- ġdid biex forsi jingħalaq kapitlu ikrah fl-istorja ta' Malta." L-aħwa Degiorgio kien qalu - meta kienu talbu li jingħataw il-Maħfra Presidenzjali - illi kien hemm żewġ politiċi involuti f 'attentat hold up tal-HSBC f 'Ħal Qormi, eks Ministru u Ministru li (għallinqas sa qabel l-aħħar elezzjoni) kien Membru tal- Kabinett. Minkejja li Cardona kien indikat, bl-eks Deputat Jason Azzopardi jgħid li dan kien arrestat fil-lejl tas-serqa, Cardona ċaħad u fakkar li l-pulizija mmexxija mill- eks Kummissarju John Rizzo dak iż-żmien, qatt ma ħadu azzjoni kontrih. Minkejja li l-eks Ministru Abela kien jaħdem il-bank dak iż-żmien huwa ċaħad b'qawwa kull akkuża jew implikazzjoni li kien hu t-tieni Ministru involut u kien saħansitra fetaħ libell kontra kitba ta' Jason Azzopardi, li fiha dan implika - imma qatt ma qal direttament - li Abela huwa fil-fatt it-tieni politiku. Sandra Gauci, Deputat Chairperson ta' ADPD qalet li fil- ħames anniversarju tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, "ninsabu kważi fl-istess punt li konna fil-bidu, b'ġustizzja miexja b'pass ta' nemla." Gauci qalet li l-fama mad-dinja kollha hi li f 'Malta mhux biss ġiet assassinata ġurnalista b'mod brutali u li allegatament hemm l-involviment ta' nies qrib il-politika iżda wkoll - skont hi - li wara ħames snin għadha ma seħħitx ġustizzja. "Il- ġuri ta' uħud minn dawk involuti beda lbieraħ, wara kważi ħames snin," fakkret f 'referenza għall- ġuri, li fil-fatt beda u spiċċa lbieraħ bl-aħwa Alfred u George Degiorgio jammettu l-ħtija u jingħataw piena ta' 40 sena priġunerija. Intant waqt il-konferenza - li saret il-Belt Valletta quddiem il- Monument tal-Assedju l-Kbir li f 'ħoġru hemm maar għal Daphne Caruana Galizia - Cacopardo saħaq illi f 'dan il- ħames anniversarju tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia huwa xieraq li l-poplu jirrealizza dejjem aktar illi l-ġurnaliżmu b'saħħtu u li ma jibżax hu essenzjali għal demokrazija b'saħħitha. "Fir- rapport tal-inkjesta pubblika dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan l-assassinju, rapport li l-awtoritajiet kontinwament jippruvaw inessu, hemm kapitlu sħiħ intitolat 'il- valur tal-ġurnaliżmu investigattiv f 'soċjetà demokratika', li jemfasizza propju dan il-punt." 'Issa nistennew li jkunu identifikati l-politiċi li setgħu kienu involuti fil-qtil ta' Daphne u l-hold up tal-HSBC'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 October 2022