Illum previous editions

ILLUM 16 October 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1481867

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 ĦAMES SNIN DAPHNE CARUANA GALIZIA 'Sar aktar minn dak li seħħ fil-każi ta' Karin Grech u Raymond Caruana ... imma xorta ma sarx biżżejjed' YENDRICK CIOFFI L-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo qal mal-gazzetta ILLUM li l-passi li ttieħdu biex tressqu diversi persuni l-Qorti b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huma importanti ħafna iżda insista li "mhumiex biżżejjed." Fi kliemu, irid ikun hemm iċ- ċertezza li jittieħdu l-passi kontra kull min kien imdaħħal, hu x'inhu l-livell ta' involviment, mill- ippjanar, għal min bagħat, ħallas jew wettaq l-assassinju. "Iridu jittieħdu l-passi kollha biex il-ferita tfieq, kif suppost ġara fil-qtil ta' Karin Grech u Raymond Caruana. In-nies iridu jkunu ċerti li l-passi ttieħdu u mhux qed jiġi protett xi ħadd." Fi kliem l-eks Ministru, f 'soċjetà żgħira bħal Malta dan kollu huwa aktar diffiċli għax kulħadd jaf lil kulħadd imma minkejja dan insista li hekk hemm bżonn isir jekk il- pajjiż irid jimxi 'l quddiem. 'Ħa ħadnix il-lezzjonijiet importanti li kellna nieħdu minn dan il-qtil' Evarist Bartolo insista wkoll li għad hemm ħafna affarijiet li l-pajjiż kellu jitgħallem mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u li għadu ma tgħallimx. Fi kliemu, hemm bżonn "eżami nazzjonali serju tal- kuxjenza" għax qal li n-nuqqasijiet huma mifruxa. Huwa qal li f 'dan l-istadju kulħadd jeħtieġ jerfa' r-responsabbilità għal dawn in-nuqqasijiet, mill-Gvern, għall-Oppożizzjoni, il-Ġudikatura, il-Pulizija, il-Professjonisti etċ. "Jekk irridu pajjiż aħjar, bla korruzzjoni, fejn l-infurzar tal-liġi jsir fuq kulħadd, aħna rridu nsiru pajjiż aħjar. Aħna għandna ħabta nitfgħu l-affarijiet taħt it-tapit. Inħoss li l-lezzjonijiet importanti li jmissna ħadna minn dan l-episodju tant gravi ma ħadnihomx. Irridu nieħdu l-passi bil-fatti." Qal li f 'Malta teżisti t-tendenza li kulħadd jikkritika imma mbagħad ħadd ma jagħmel awto-riflessjoni. Irrefera għal diskors tal-Arċisqof dwar ir-responsabbilitajiet tal- politiċi. Insista li jaqbel miegħu imma anke l-Knisja għandha responsabbilità li ssaħħaħ il- moralità pubblika. "Hemm bżonn qawmien morali. Jekk mhux se nissaħħu fil-valuri tal- onestà u l-integrità, mhux se nimxu 'l quddiem," qal Bartolo. 'Ix-xogħol biex titfejjaq din il- ferita ma sarx...' L-ILLUM tistaqsi lil Bartolo għaliex ħames snin wara, il- figura ta' Caruana Galizia għadha kontroversjali ħafna. "Aħna poplu ġeneruż. Jekk se ngħinu, se ninsew il-politika. Imma meta niġu għall-politika nitqatlu. Għad hemm feriti li għadhom ma fiqux minkejja li saru snin ilu," qal Bartolo. L-eks Ministru insista li dawn huma feriti li l-Maltin għamlu fuq xulxin, Nazzjonalisti fuq Laburisti u viċi-versa. Semma l-ġlieda soċjo-reliġjuża, il-vjolenza fuq in- Nazzjonalisti fis-snin sebgħin, il- qtil ta' Karin Grech u ta' Raymond Caruana. Insista li dawn huma feriti tal-familji sħiħa Maltija imma għax saru minn parti mill-familja, in- naħa l-oħra ma tħosshomx. Fi kliemu, nimmaturaw u nsiru aktar nazzjon magħqud meta dawn il-feriti jsiru ta' kulħadd u għalhekk jibdew jingħalqu. "Aħna x'nagħmlu wara elezzjoni? Inwaqqfu kummissjoni biex tinvestiga l-inġustizzji li saru lin- nies tagħna. Tajjeb, imma fejjaq dawk l-inġustizzji mhux tagħmel inġustizzji fuq in-naħa l-oħra. Hekk tfejjaq il-feriti." L-istess il-qtil ta' Caruana Galizia. Bartolo insista li din hija ferita oħra fuq is-soċjetà u mhux se titfejjaq jekk mhux se jsir sforz kollettiv. Jekk tibqa' ma tifejjaqx, għal darb'oħra, il-poplu se jibqa' lura. 'Protezzjoni tal-ġurnalisti, kuntratti, kontroll tal-politiċi ... għadna lura' "Ix-xogħol biex titfejjaq din il- ferita ma sarx u għalhekk mhux nieħdu t-tagħlimiet li kellna nieħdu. Insemmi li rridu nipproteġu aħjar lill-ġurnalisti, li nirregolaw ir- relazzjoni bejn il-politiċi u n-nies ta' flus, li l-kuntratti jingħataw lil min vera jixraqlu, li erba' sinjuri ma jikkontrollawx pajjiż, li ndaħħlu l-finanzjament pubbliku tal-partiti." Tkellem b'mod partikolari dwar il-liġi għall-protezzjoni tal- ġurnalisti u saħaq li ma jistax jiem għaliex il-Gvern ma kkonsultax aktar mal-ġurnalisti dwar dan. Kien hawn li tenna li biex dawn il-feriti jitfejqu u l-pajjiż jimmatura, hemm bżonn il-qawmien morali u r-rikonċiljazzjoni serja. Fi kliemu, il-mibiegħda u l-firda ma ssibhomx f 'xi manifest imma fina u għalhekk "aħna rridu ninbiddlu." Apparti minn hekk saħaq li biex il-pajjiż jimxi 'l quddiem il-partiti politiċi jridu jagħmlu dmirhom. "Qegħdin f 'sitwazzjoni fejn il-PN ma jafx għalxiex jeżisti u l-PL komdu għax jaf li mhux se jitlef elezzjoni. Qisna dħalna f 'għadira ilma qiegħed u ma nistgħux noħorġu minn din it-tip ta' sitwazzjoni li hija ħażina ħafna għall-pajjiż. Biss biss irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku ta' kif għexna fl-aħħar snin u dan kollu jitlob minnha ħafna xogħol u enerġija." 'Seta sar iżjed...' Bartolo kien Ministru meta nqatlet Daphne. F'dawk il-jiem, setgħu ttieħdu passi ulterjuri biex il-ġustizzja tidher mill-ewwel li qed issir? "Jien naħseb li seta' sar iżjed," qal minnufih. "Sar ħafna għax bin-nuqqasijiet kollha, sar aktar milli seħħ fil-qtil ta' Karin Grech u Raymond Caruana. Imma naħseb li ma sarx biżżejjed." X'seta' sar iżjed? Tenna li jrid ikun żgurat li jittieħdu l-passi kollha biex kull min kien involut, iwieġeb għal għemilu. 'L-inkjesta pubblika naqqset milli tanalizza s-soċjetà kollha...' L-inkjesta pubblika tefgħet it- tort fuq il-Gvern u qalet li dan seta' ppermetta li jinħoloq ambjent ta' impunità li wassal għal qtil ta' Daphne. Bħala parti mill-Gvern ta' dak iż-żmien, ma jaħsibx li seta' anke hu għamel aktar u refa' r-responsabbilità? L-eks Ministru insista li jħoss din ir-responsabbilità imma insista li l-inkjesta pubblika naqqset milli tanalizza l-eko sistema sħiħa soċjali, politika u ekonomika. Qal li l-Gvern jerfa' r-responsabbilità imma hemm setturi oħra li l-inkjesta kellha tanalizza. "Setgħet tefgħet aktar dawl b'umiltà fuq il-ġudikatura. Faċli twaħħal fil-politiċi biss," insista Bartolo. "Kellha tikkummenta anke fuq professjonijiet differenti. Att ta' korruzzjoni ġieli jkun imbierek minn xi avukat jew nutar. Meta konnha fil-lista l-griża, is- soċjetà kollha tpoġġiet taħt il-lenti u mhux il-Gvern biss." Insista, bħala eżempju, li jiddubita kemm il-ġudikatura u anke l-Pulizija huma mħarrġa biżżejjed fuq il-kriminalità ekonomika u jinkwetah il-fatt li jista' jkun hemm min qed jiġġudika każi kumplessi li mhux jiem u jibqa' ma jkollux l-umiltà li jmur għal taħriġ. "Jekk taħriġ ma hemmx biżżejjed, l-aktar b'saħħithom se jkunu l-kriminali u l-avukati li jiddefenduhom. L-inkjesta pubblika kellha tanalizza dan ukoll." Aħna għandna ħabta nitfgħu l-affarijiet taħt it-tapit. Inħoss li l-lezzjonijiet importanti li jmissna ħadna minn dan l-episodju tant gravi ma ħadnihomx. Irridu nieħdu l-passi bil-fatti Evarist Bartolo Ritratt ta' James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 October 2022