Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1482384
Carmel Cacopardo 20 opinjoni IL-ĦADD 23 TA' OTTUBRU 2022 • illum L -Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għadha kif ippubblikat abbozz ta' Strateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent għal konsultazz- joni pubblika. Dan l-abbozz ippubblikatu bl-Ingliż biss. Qisu t-tmexxija tal-ERA ma tafx bil-Malti! Minn awtorità pubblika nistennew ferm aħjar minn hekk. Kemm ser iddumu tinsulentawna? L-iskuża li l-Malti mhux addattat għal dokument tekniku mhix waħda aċċettabbli. In-nuqqas ta' dokument bil-Malti hi opportunutà mitlufa biex l-ERA tikkomunika iktar man-nies. Iżda lilhinn mil-lingwa, l-istrateġija ambjentali li qed tkun proposta hi waħda ġenerika. Fiha tmien għanijiet li hu propost li jintlaħqu sal-2050. Il-lista tal- għanijiet li l-ERA trid tindirizza mhix il-problema, għax il- problema hija li dawn l-għanijiet huma affarijiet li ilna niddiskutu żmien: Ġew ippubblikati biżibilju rapporti, strateġiji u regoli jew policies li jkunu saru b'intenzjonijiet tajba tul is-snin! Il-problemi jinqalgħu dejjem meta nfittxu li nimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jitwettqu dawn l-għanijiet. F'dak il-mument jinqalgħu elf skuża, għax fir-realtà ma hemmx ir-rieda politika li jittieħdu passi bis-serjetà. Dan hu bil-bosta differenti milli jipprova jgħid ic-Chairman tal-ERA fid-daħla bl-Ingliż li kiteb għad-dokument konsultattiv! Din hi storja li għaddejna minnha diversi drabi! Il-ħsara ambjentali li saret tul is-snin mhix xi ħaġa li se tkun irranġata mil-lum għall-għada. Ħadd m'għandu jistenna riżultati malajr fil-mixja biex insewwu l-ħsara ambjentali li tħalliet takkumula tul is-snin. Il-ħarsien tal-ambjent jinvolvi li jinbidlu deċiżjonijiet politiċi diversi li ittieħdu tul is-snin li kienu parti mill-kawża ta' ħsara konsiderevoli. Ifisser ukoll li nibdlu attitudnijiet, drawwiet u l-mod kif inġibu ruħna. Fid-daħla għad-dokument konsultattiv iċ-Chairman tal-ERA Victor Axiak jistqarr li jista' jkun hemm ħtieġa ta' sagrifiċċji żgħar fl-immedjat biex niksbu benefiċċji ambjentali fit-tul li jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri. Din hi dikjarazzjoni li prattikament kulħadd jaqbel magħha. Imma dikjarazzjoni bħal din teħtieġ ukoll li tkun segwita minn lista ta' miżuri meħtieġa biex tittieħed azzjoni dwarhom, lista li tvarja minn miżuri li jistgħu jittieħdu immedjatament għal oħrajn li jħarsu iktar fit-tul. Ma baqax iktar żmien biex noqgħodu niffilosifizzaw dwar l-ambjent. Il-problemi nafu x'inhuma u nafu wkoll min fejn ġejjin u min hu l-kawża tagħhom! Tħejjew kwantità ta' rapporti, strateġiji, pjani ta' azzjoni u x'naf jien tul is-snin. Kull Ministru ġdid ipprova jagħti l-impressjoni li hu jew hi sabet is-soluzzjoni b'nisġa ta' kliem sabiħ li jipprova jimpressjona. Sfortunatament ir-rapporti tekniċi li saru kif ukoll dak li qalu in-nies waqt konsultazzjonijiet pubbliċi, bosta drabi ġie injorat. Anzi xi drabi l-gvernijiet saħansitra aġixxew bil-maqlub ta' dak propost jew maqbul! L-istrateġija proposta llum, per eżempju, tiffilosofizza dwar il-ħtieġa li innaqqsu id- dipendenza tagħna fuq il-karozzi u tinsisti li għandhom jonqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Jekk wieħed imur lura u jerġa' jaqra it l-istrateġija nazzjonali dwar it-trasport, li kienet iffinalizzat sitt snin ilu, jsib eżattament l-istess argumenti. Imma minflok ma ħa l-passi meħtieġa, l-Gvern - kemm direttament kif ukoll permezz tal-aġenziji u l-awtoritajiet tiegħu - għamel bil-maqlub! Kull studju li sar, kemm f 'Malta kif ukoll barra minn xtutna, ripetutament ikkonkluda li żvilupp massiċċ tal-infrastruttura tat-toroq twassal biex awtomatikament jiżdiedu l-karozzi fit-toroq. Kif mistenni, anke f 'Malta, hekk ġara. Il-konġestjoni u l-problemi tat-traffiku żdiedu mhux naqsu riżultat tal-proġetti diversi tat- toroq. Dan seħħ għax kuntrarju tal-pariri li kellu, il-Gvern ma indirizzax il-kawża tal-problemi, imma indirizza l-effett. Il-problema mhix il-wisa' jew it-tul tat-toroq, imma n-numru ta' karozzi fit-toroq. Is-sitwazzjoni illum - f 'ħafna każi - hi agħar milli kienet qabel ma saru dawn il-proġetti. Minnbarra dan, daqslikieku mhux biżżejjed, l-awtoritajiet għamlu is-snin jinkoraġixxu l-iżvilupp ta' petrol stations kbar, qishom supermarkets. Dawn ħarbtu ammont mhux żgħir ta' raba'. Biex issa jiġu jgħidulna kemm iridu jipproteġu l-agrikoltura! Kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal- arja jekk nibqgħu nżidu l-karozzi fit-toroq tagħna? Uħud forsi jargumentaw li s-soluzzjoni qegħda wara l-bieb bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-elettriku inkella bl-użu tal-idroġenu jew xi fuel ieħor alternattiv. Dan ikun biss soluzzjoni parzjali għax fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw kif ikun ġġenerat l-elettriku meħtieġ inkella kif ikun prodott l-idroġenu jew fuel alternattiv. M'għandniex ammont suffiċjenti ta' enerġija rinovabbli iġġenerata lokalment għax l-għorrief li ħadu d-deċiżjonijiet aħru fil- passat kemm kien irnexxielhom jinnegozjaw deroga tajba biex il- mira nazzjonali ta' ġenerazzjoni ta' enerġija rinovabbli ma tkunx 20% imma 10% tal-elettriku ikkunsmat. Ħtija ta' hekk, illum m'għandniex ammont suffiċjenti ta' enerġija rinovabbli. Meta għandna l-ħtieġa ta' enerġija elettrika bi prezz raġjonevoli, minflok għandna nuqqas f 'dan il-qasam li għalih qed inħallsu biz-zalza. Id-dipendenza li għandna bħala pajjiż fuq il-karozzi privati hi riżultat ta' traskuraġni politika tat-trasport pubbliku tul is-snin. Li t-trasport pubbliku jkun b'xejn minn dan ix-xahar kienet deċiżjoni prematura. L-ewwel pass messu kien li tkun indirizzata l-effiċjenza u l-puntwalità tas-servizz. Il-prezz qatt ma kien problema. Hu meħtieġ li l-effiċjenza u l-puntwalità tas-servizz ikunu indirizzati b'urġenza. Meta dan isir jagħmel ġid ambjentali ferm iktar mill-argumenti tekniċi kollha dwar kemm hemm ħtieġa li nħarsu l-ambjent. Trasport pubbliku effiċjenti flimkien ma' investiment f 'modi alternattivi ta' transport hu ta' benefiċċju ambjentali enormi. Din hi uġigħ ta' ras kbira. Pariri ċari kien hemm. Iżda meta kien possibli li l-problema tkun indirizzata, l-Gvern, direttament kif ukoll permezz tal-awtoritajiet u aġenziji diversi tiegħu, ġie jaqa' u jqum minn dan u għamel bil- maqlub! Argumenti simili jistgħu jsiru dwar numru kbir ta' materji ta' importanza ambjentali: Mill-ilma sal-pestiċidi, mill-użu tal-art sal-bijodiversità, mill-isforzi favur ekonomija ċirkulari għal taxxi ambjentali iddiżinjati sewwa. Il-mod kif il-politika dwar it- trasport tħalliet għan-niżla hu biss eżempju wieħed żgħir minn fost bosta li jwassal għall-konklużjoni inevitabbli li ma teżistix rieda politika biex il-ħsara ambjentali tkun indirizzata bis-serjetà. Il-konsultazzjoni pubblika tal- ERA sfortunatament hi fażi oħra fi proċess li permezz tiegħu qed jippruvaw jgħadduna biż-żmien. Jgħadduna biż-żmien! Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-ADPD Li t-trasport pubbliku jkun b'xejn minn dan ix-xahar kienet deċiżjoni prematura. L-ewwel pass messu kien li tkun indirizzata l-effiċjenza u l-puntwalità tas-servizz. Il-prezz qatt ma kien problema