Illum previous editions

ILLUM 27 November 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1485768

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 23

IL-ĦADD 27 TA' NOVEMBRU 2022 • illum aħbarijiet 'Il-Gvern ma għandux konfront serju kontrih... U Allaħares nispiċċaw mingħajr Kmamar tal-Aħbarijiet serji!' Mal-ILLUM l-eks Editur Aleks Farrugia jgħid li l-Gvern ma għandux konfront serju kontrih u jisħaq illi jkun hemm bżonn intervent mill-Istat jekk 'Kmamar tal-Aħbarijiet serji ma jibqgħux sostenibbli' ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ħafna huma dawk li jgħidu illi qatgħu qalbhom mill- politika f 'Malta u ħafna jgħidu illi tilfu kull interess. Imma x'inhi l-problema? U l-midja - speċjalment il-gazzetti li jibqgħu mezz ta' kritika u ta' twassil tal-verità - għadhom rilevanti? Aleks Farrugia - li għamel 15- il sena ġurnalist, li minnhom seba' snin qattgħhom bħala Editur, huwa awtur u opinjonist mingħajr wisq kantunieri - jgħid illi l-problema hija li llum il-Gvern "ma għandux konfront serju kontrih" u jgħid ukoll li l-kritika hija importanti meta tkun qed issir b'mod ġenwin u li ħidmet il-gazzetti u l-midja tal-partiti għandu jkun propju dan, jekk ma jridux li jispiċċaw ikunu segwiti biss minn dawk li huma "iffissati." Niċċa partikolari għall- gazzetti biex 'jgħixu' Nibdew bil-gazzetti. Illum - bl-onljan - il-gazzetta għadha rilevanti daqs meta l-portals, li dejjem qed ifaqqsu f 'forom differenti, ma kinux jeżistu? Huwa qal illi biex il-gazzetti jkollhom futur jridu jħarsu lejn niċċa partikolari. "Il-gazzetta bħala fenomenu tal-massa miet u spiċċa, imma l-gazzetta għad għandha rwol importanti x'tilgħab," jgħid Farrugia illi jisħaq li minkejja l-firxa tal- portals, dawn ma joffrux l-aħbar lilhinn mill-aħbar jew l-għeruq u l-konsegwenzi tal- aħbar - irwol li jgħid illi għandu jkollhom il-gazzetti, jiġifieri li jkunu analitiċi. "Veru illi meta se jagħmlu dan se jkun hemm numru iżgħar ta' qarrejja iżda nemmen illi din hija niċċa li tista' tiftaħ diversi bibien għall- gazzetti." Imma allura jekk qed jgħid li gazzetta trid tkun analitika, b'mod li l-iswed tgħidlu iswed u l-abjad, abjad x'futur jara għall- gazzetti tal-partiti? "Imma għalfejn gazzetta tal- Partit Laburista ma għandhiex, per eżempju, turi l-istampa kollha tal-ekonomija, ta' fejn sejjer tajjeb u fejn le? U l-istess gazzetta tal-Partit Nazzjonalista? Hemm spazju u lok biex anke gazzetti tal-partiti jagħmlu analiżi serja u onestà tas- sitwazzjoni politika. Importanti dejjem li l-fatt ikun distint mill- propoganda" qal Farrugia li kien Editur tat-Torċa - gazzetta tradizzjonalment favur il-Partit Laburista u li hija tal-General Workers' Union. Huwa reġa' qal li ma għandu jkun hemm xejn xi jżomm gazzetta Laburista, per eżempju, milli tressaq kritika lejn l-operat tal-Gvern. Imma din il-gazzetta twaqqfu u tfakkru li l-aspettativa popolari hija li gazzetta tal-PL jew tal-PN, trid f 'kull paġna tinċensa lill-partit u tpinġih qisu l-aqwa ħaġa li qatt ġrat lil pajjiżna u lill-partit l-ieħor qisu agħar mix-xitan. Hekk jistennew il-qarrejja, le? Farrugia jgħid illi dik hija l-aspettativa għax dik hija r-realtà imma qal li dan il- gazzetti tal-partiti jagħmluh għad-detriment tagħhom stess u tal-partit innifsu, "u jispiċċaw jinqraw minn erba' ffissati biss." "Ħadd ma jista' jagħmel a n a l i ż i s e r j a u kostruttiva lill-partit daqs dawk li verament iħobbuh," fakkar Farrugia fil- kummenti tiegħu mal-ILLUM. Huwa rrimarka li huwa ovvju li "in-naħa l-oħra" se jużaw il-fatt li gazzetta ta' partit ikkritikat lill- partit tagħha stess, għal vantaġġ partiġġjan tagħha. "Imma għat- tul x'jaqbillu vera l-partit? Li jkollu gazzetta li lanqas għandu għaliex jiftaħha għax jaf li kollox favurih? Jew gazzetta li tgħinu jkun Gvern u Prim Ministru aħjar?" 'Qed nipprovduha l-kritika?' Imma jara li n-nies japprezzaw li ġurnalist jipprova jkun oġġettiv, anke jekk hu jaħseb li oġġettività fil-ġurnaliżmu ma teżistix? Ma jemminx li bqajna wisq qisna tribù? Huwa qal li t-tribaliżmu fil- politika dejjem se tiffaċċjah u fil-fatt jgħid li ħafna drabi, meta nies fil-Comment Boards tal-artikli ma jaqblux miegħek jippruvaw jisparaw fuq il-messaġġier, mhux fuq il- messaġġ. "Imma qed nipprovduha l-kritika? Kemm għandna nies li qed jiktbu kontenut kritiku? Mhux qed nirreferi għal dawk li jikkritikaw skont min hemm fil-Gvern, imma nies li joffru kritika ġenwina li tgħin lill-poplu jaħseb b'mod differenti." Huwa qal li minkejja li hu mhux xi fan kbir tal-għaqda Repubblika, jemmen li huwa importanti għall-Gvern stess li jkollu vuċijiet kritiċi li joħolqu konfront miegħu "u dik il- problema llum fil-politika. Il- Gvern ma għandux konfront sejru kontrih. Allura jinżamm inqas u inqas kontabbli u allura wieħed jaf jibda jitgħażżen. Il- kritika żżommok fuq ponot subgħajk," kompla jgħid Farrugia mal-gazzetta ILLUM. 'Fejn ma jkollokx ġurnaliżmu serju, id-demokrazija titherra' Imma l-midja - li hija fundamentali għall-kritika u sabiex tikxef fatti misturi - illum, forsi bħall-Oppożizzjoni wkoll qed tiffaċċja realtà iebsa: Il-fondi u l-flus. Nies jixtru l-gazzetti naqsu, ir-riklamar, speċjalment mill-privat, naqas bil-kbir u allura l-fondi qed jixxxuttaw. Allura kif se jiġu impjegati ġurnalisti? Mil-liema flus se jitħallsu? Farrugia - li xi darba kien imexxi Kamra tal-Aħbarijiet hu - ammetta illi llum sar diffiċli ħafna biex Kmamar tal-Aħbarijiet jifilħu ħafna impjegati. "Pero' ngħid din mill-ewwel. Huwa riskju u periklu kbir għad-demokrazija jekk allaħaresqatt nispiċċaw mingħajr kmamar tal-aħbarijiet serji," sostna Farrugia. Huwa qal illi minkejja kull nuqqas u difett, jekk pajjiżna jispiċċa mingħajr Kmamar tal-Aħbarijiet b'saħħithom ma jkunx għad fadal referenza għal min irid jaqra l-affarijiet kif inhuma jew janalizza l-kritika. Imma jekk ma hemmx flus? Nispiċċaw bl-intervent finanzjarju tal-Gvern li jista' jipperikola l-oġġettività tal- midja nnifisha? Huwa wieġeb illi jekk naslu f 'punt fejn Kmamar tal- Aħbarijiet serji ma jibqgħux sostenibbli, "hemmhekk mela iva jkun hemm bżonn intervent mill-istat." Huwa qal illi hija perċezzjoni żbaljata dik li għax il-Gvern jagħtik il-fondi inti titlef il-jedd li tgħid dak li tixtieq. Fakkar li għalhekk għandu jkun hemm sistema ta' checks and balances. "Il-midja hija l-unika entità fid-dinja li tista' tigdem l-id li titmagħha. L-istat ma jaffordjax li jitlef il-Kmamar tal-Aħbarijiet serji, għax il-ġurnaliżmu serju huwa fundamentali għad-demokrazija u fejn ma jkollokx ġurnaliżmu serju, id- demokrazija titherra," temm jgħid Aleks Farrugia li saħaq ukoll illi l-ġurnaliżmu "mhux omnipotenti" u li s-sistema ta' checks and balanced tgħodd għalih ukoll. Aleks Farrugia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 November 2022