Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1494706
19 editorjal illum • IL-ĦADD 12 TA' MARZU 2023 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L -għeluq tal-10 sena minn meta kien elett Gvern Laburista ma setax ġie fi żmien agħar, hekk kif l-aħħar kontroversja kienet dik dwar l-aktar kuntratt dubjuż, u issa bil-kel- ma tal-Qorti "frawdolenti", li fil-fatt sar f 'dawn l-10 snin. U huwa l-agħar wieħed għax huwa l-aktar weħed sfaċċat. Għalkemm il-korruzzjoni mhi qatt aċċettabbli, speċjalment fuq livelli daqstant gravi, meta kien hemm akkużi serji ta' korruzzjoni jew tixħim fuq proġetti bħall- Isptar Mater Dei jew il-Power Station bil- gass, tal-inqas, bħala minimu l-poplu beda jara u jgawdi minn xi ħaġa, minn sptar jew minn power station li xorta kien se jkollna bżonnha, anke minħabba miri ambjentali. Ma jagħmilx il-korruzzjoni jew tixħim aċċettabbli żgur, imma għallinqas il-poplu ingħata xi ħaġa lura illi kellu bżonn. Imma dan il-proġett xejn, litteralment tajnihom il-flus u ma tawna xejn lura. Ma tistax tkun aktar sfaċċat minn hekk. Minkejja dan, ma jkunx ġust li wieħed jgħaddi ġudizzju biss fuq dan il-każ. Dawn l-10 snin kienu taħlita ta' pożittiv, progress, sfidi li ntlaqgħu bl-aktar mod kuraġġuż u effettiv, però wkoll skandli u assassinju. U b'xi mod, in-negattiv u l-ħażin ta' dawn l-10 snin huma marbutin mal- istess ismijiet: Keith Schembri, Konrad Mizzi u - għax kien PM - Joseph Muscat. Żgur illi f 'dawn l-10 snin, għajr għall- pandemija l-pajjiż għadda minn tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, li huwa veru li xorta ħalla nies lura u fil-faqar, però huwa veru wkoll li irriżulta f 'ġid li minnu gawdew ħafna kumpaniji, negozji, self- employed, ħaddiema u familji. Jiġifieri r-rota ekonomika daret u daret sew. U dan huwa punt li ħafna li jopponu lil-Labour u anke sezzjoni tal-midja, sempliċiment ma tirrikonoxxix. Ma jirrikonoxxux il-fatt li tajjeb jew ħażin eluf kbar ta' nies iħossu li f 'dawn l-10 snin in-negozju tagħhom mar aħjar, forsi ħafna aħjar u jekk kellhom bżonn permess għal imwejjed jew biex ikabbru l-operat dan sarilhom ħafna aktar faċli. Baġit wara baġit, il-Gvern ħabbar skemi li niżlu tajjeb ħafna mal-votanti: Jekk hux dawk il-miżuri relatati mal-proprjetà, iż-żieda fl-għotja tal-carers, għajnuna lil min jagħmel l-IVF, lil min jadotta, childcare b'xejn. Dawn kollha miżuri li l-poplu għoġbuh. Iktar u iktar waqt il-pandemija, il-Gvern ħabbar il-Wage Supplement, ħareġ il-vouchers u ħabbar elenku ta' miżuri li żammew lil ħafna negozji fil-wiċċ. Dan kollu meta l-ekonomija Maltija kienet waħda mill-aktar ekonomiji li qed jiġru 'l quddiem. Ikun argument superfiċjali li ngħidu li l-miljunarji biss gawdew, anke jekk huwa vera li l-Big Business gawda ħafna wkoll taħt il-Labour f 'dawn l-10 snin. Imma mbagħad jeħtieġ nagħżlu x'irridu: Irridu Gvern Laburista li jgħakkes lin-negozju u li jobgħod lil min jagħmel suċċess f 'ħajtu, fi kliem ieħor Gvern Laburista klassista u nostalġiku għall-passat? Jew Gvern Laburista li jiffaċilità liż-żgħir u anke lil kbir? Il-problema tal-Labour f 'dawn l-10 snin ma kienx li ffaċilità t-triq biex in- negozji jimirħu, sa hemmhekk għamel sew. Il-problema hija li hawn perċezzjoni li kibret sew illi l-Big Business jagħmel li jrid, tgħaddi dejjem tiegħu u li l-Gvern qiegħed fil-but tiegħu. U dan à skapitu tal-poplu u speċjalment tal-ambjent, fejn Gvern Laburista mhux eżattament eċċella, kif eċċella fl-għoti ta' drittijiet ċivili lil eluf ta' persuni LGBTIQ. Din kienet ħolma impossibbli li saret realtà, bidla kulturali qawwija f 'pajjiż li kien maħkum minn forzi konservattivi. Il-qgħad kien baxx. It-turiżmu laħaq rekords u l-kejk ekonomiku rdoppja. F'dawn l-10 snin rajna proġetti kbar ta' toroq, fosthom dawk tas-Central Link, il-Coast Road u dak tal-Marsa, anke jekk ukoll fuq dan qamu dubji u mistoqsijiet dwar l-involviment - mill-ġdid - ta' Yorgen Fenech. Minkejja dan, kienu proġetti li kellhom isiru u ta' portata kbira. Sfortunatament iżda f 'dawn l-10 snin is-sitwazzjoni tat-traffiku żdiedet u hemm bżonn kbir ta' viżjoni li tmur lilhinn mill- proġetti kbar u grandjużi. Viżjoni li tieħdok fuq il-post tax-xogħol f 'ħin rispettabbli għal din il-gżira daqs naqra. Il-legat tal-Gvern ta' Abela għandu proprju jkun dan: Bidla fil-mentalità u fl-infrastruttura tat-trapsort, Trasport Pubbliku li joħroġna ta' pajjiż modern, progressiv u li jiffaċilità lill-poplu. Riformi saru mhux it, il-proposti tal- Kummissjoni Venezja twettqu, riforma fil-Ġudikatura saret ukoll, iżda għad hemm riformi xi jsiru, riformi f 'diversi oqsma fejn il-bidla dejjem kien hemm reżistenza għaliha. Iżda sar kemm sar ġid, u saru kemm saru bidliet, l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia jibqa' tebgħa sewda fuq dawn l-10 snin u ġerħa li għad trid tingħalaq. Filwaqt li Robert Abela ħa numru ta' passi biex jikkalma t-tbaqbiq u t-temperatura politika tossika li wiret, dan l-assassinju se jieħu ż-żmien biex nikkoreġu l-ħsara kbira li għamel lill-immaġini ta' Malta, internazzjonalment. Kemm il-Labour għad fadallu fil-Gvern ma nafux iżda jekk jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, erba' snin oħra, il-probabbilità hija li għandna it inqas minn 10 snin oħra bi Gvern Laburista. J'Alla li Robert Abela jitgħallem mill-iżbalji tal-predeċċessuri tiegħu, Nazzjonalisti u Laburisti, li għalihom ħallsu prezz għoli ħafna. L-ewwelnett li l-politika mhux hemmhekk biex jinqeda u jsir sinjur il-politiku, it-tieni li l-legat ta' politiku u ta' mexxej mhuwiex ikkalkulat fuq is-sondaġġi u ċ-ċapċip tal-preżent, imma fuq l-effetti politiċi ta' azzjonietu fil-futur. Li l-umiltà - mhux is-santità - l-umiltà, hija preġju u l-arroganza hija saħta. Li mexxej politiku huwa riflessjoni tan-nies ta' madwaru, jekk madwaru għandu nies li qed jimlewh bix-xemgħa u bl-inċens, Prim Ministru maqtugħ mir-realtà biss jista' jkollna. Jekk idawwar lilu nnifsu b'nies mtaqqlin bil-preġudizzji u l-mibgħeda, Prim Ministru hekk ikollna. Mela min hu madwar Abela huwa importanti daqsu. U finalment, ħadd mhu għar-rimi. Il-PN qiegħed fejn qiegħed għax ramewhom lin- nies. U l-Labour jiffaċċja l-istess destin jekk jagħmel l-istess. Kulħadd għandu x'joffri, kulħadd għandu post u kulħadd huwa utli fil-missjoni għal pajjiż aħjar. L-10 li ġejjin jistgħu jkunu ħafna aħjar minn dawk li għaddew, jekk ikun hemm ħaġa waħda biss: Rieda. 10 snin wara u 10 snin mil-lum