Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1497807
10 IL-ĦADD 12 TA' MARZU 2023 • illum 1 kotba IL-ĦADD 23 TA' APRIL 2023 • illum Noel Tanti jiddiskuti ċ-ċelebrazzjoni tal-ktieb, il-ktieb innifsu, kif dan mhux it-tweġiba għal kull problema, u l-impenn minn kulħadd li jwassal għall-gost tal-qari. Bħalissa ninsabu bejn Jum il-Ktieb kif inhu ċċelebrat fl- Ingilterra, l-ewwel Ħamis ta' Marzu, u kif inhu mfakkar f 'ħafna pajjiżi oħra, it-23 t'April. L-idea għal jum iddedikat lill-ktieb kienet ġiet lil Vicente Clavel, id-direttur tad-dar tal-pubblikazzjoni Cervantes f 'Barċellona. Kellu għan doppju: jagħti ġieħ lil Miguel de Cervantes, l-awtur ta' Don Quixote, u jagħti mbuttatura lill- bejgħ tal-kotba. Għalhekk, fis-7 t'Ottubru 1926, seħħ l-ewwel Jum il-Ktieb. Eventwalment iċ-ċelebrazzjoni mxiet għat-23 t'April, il- ġurnata tal-mewt ta' Cervantes. Inċidentalment, it-23 t'April 1616 hija wkoll id-data meta mietu William Shakespeare u l-kittieb Peruvjan Inca Garcilaso de la Vega. (Kurżità: il-kronoloġija ta' dawn id-dati hija kemxejn laxka minħabba l-użu ta' kalendarji differenti. L-Ingilterra kienu jużaw il-kalendarju Ġuljan mentri l-Ispanjoli kellhom dak Gregorjan. Jekk nimxu ma' dan tal-aħħar, Shakespeare ħalliena għaxart ijiem wara Cervantes, fit-3 ta' Mejju.) L-Ingilterra mexxew kollox f 'Marzu biex Jum il-Ktieb ma jaħbatx mal-btala tal-Għid. ----- Darba kont qiegħed f 'ħanut tal-kotba u nzertajt familja b'żewġt itfal. F'daqqa waħda l-missier rama jgħajjat m'ibnu għax dan ma riedx jagħżel ktieb. Il-papà ħataf e Adventures of Huckleberry Finn ta' Mark Twain, u qallu: "Ħa. Dan. Għandek bżonn taqra. Jogħġbok għax classic." It-tifel ma impressjona ruħu xejn bil-ġudizzju letterarju ta' missieru. Sabbat saqajh, għamel il-geddum u gemgem dak li fost it-tfal tamparu kien jgħaddi bħala kliem ħażin. Minn fejn nibda? Il- fetixizzazzjoni tal-kotba ddejjaqni. Ħafna. Il-kotba mhumiex xarba maġika li tlegligha f 'nifs wieħed u kollox jaqa' f 'postu. Din l-attitudni tikxef nuqqas ta' sensittività lejn il-qarrejja u ħafna drabi tispiċċa biex taħdem bil-kontra: flok tressaq in-nies lejn il-qari, tbegħidhom. Bħalma dak it-tifel x'aktarx li beda jaqbdu l-brim fl-istonku kull meta jisma' b'Huckleberry Finn, hemm oħrajn li umbraw il-kotba għax sfurzawhom jaqraw. Xi kultant naħsbu li t-tfal huma razza differenti minna. Jekk xi ħadd jipprova jġiegħlek tagħmel xi ħaġa kontra qalbek, x'aktarx li se tibagħtu jixxejjer. L-istess it-tfal. Jekk tridhom jaqraw, għandek tħajjarhom: tesponihom għal kotba dwar suġġetti li jogħġbuhom, li jirrelataw magħhom, li jinteressawhom. Jekk jirnexxilek tqanqal l-interess tagħhom għandek nofs ix-xogħol lest. Il-mantra li iktar ma taqra iktar se titgħallem hija minnha sa ċertu punt biss. L-ewwel nett, mhux kull min jaqra jagħmel hekk biex jitgħallem. Hemm dawk li jaqraw għall-gost, għax iħobbu jintilfu f 'rakkont, f 'bijografija jew xi ġrajja li tinteressahom. Ovvjament, xi ħaġa jkunu qed jitgħallmu imma l-iskop aħħari mhux wieħed didattiku. Imbagħad hemm il-qari utilitarju, fejn inti taqra testi li mhux neċessarjament jagħtuk pjaċir imma li għandek bżonnhom sabiex, pereżempju, takkwista kwalifika jew promozzjoni fuq ix-xogħol. F'dan it-tip ta' qari, l-għan mhux il-qari nnifsu imma dak li jiġi wara. Irridu wkoll noqogħdu attenti biex ma naqgħux fiċ-ċuċati u naħsbu li n-nies li jaqraw huma persuni intrinsikament aħjar minn dawk li ma jaqrawx. Mhux kulħadd jogħġbu l-qari u m'hemm xejn ħażin b'daqshekk. Hawn min jippreferi jara film tajjeb minflok ma jaqra ktieb. Hawn min jippreferi jisma' l-mużika, jara d-dokumentarji, isegwi l-isport. Hawn min qatt ma jersaq lejn ktieb imma ħinu jqattgħu jistinka biex kulħadd ikollu aċċess għall-ilma nadif. Il- kotba u l-qari huma importanti ħafna imma dan ma jfissirx li bħala qarrej għandek id-dritt ixxammar imnieħrek lejn dawk li ma jaqrawx. Dawn il-moraliżmi fiergħa ma jgħinu lil ħadd. (Ħa nattakka it l-argument tiegħi stess. Mhux dawk kollha li jogħġbuhom il-films iħobbu jaqraw – imma ċertament, dawk li jagħmlu l-films, il-kotba jkunu qrawhom. U dan jgħodd għal kollox. Iddur kemm iddur, finalment hemm se tispiċċa.) Imma l-mistoqsija tibqa': għalfejn dak it-tifel ma riedx jaqra? Wara kollox it-tfal, sa minn ċkunithom, il-kotba jħobbuhom. Anki jekk ikunu għadhom ma jafux jaqraw, il- maġġoranza assoluta tagħhom jogħxew iqallbu fihom u jisimgħu lill-ġenituri tagħhom jirrakkontawlhom l-istejjer. Anzi, ikollhom seba' mitt sena sakemm jitgħallmu jaqraw. Iktar ma jitfarfru, it-tfal iktar isiru indipendenti u ma jibqgħux jistrieħu fuq il-ġenituri għalkollox. Imbagħad, hekk kif iżerżqu sebagħhom għall-ewwel darba fuq il-ħġieġa tat-tablet u jtaptpu tnejn, tinfetħilhom dinja eċitanti immens mimlija vidjos, logħob, informazzjoni u, iva, anki kotba. Dinja li jistgħu jikkontrollawha huma. Hawnhekk importanti li nkunu realistiċi. It-tablets u l-mowbajls mhu se jikkonvertu lil ħadd. Min ma jħobbx jaqra mhux se jniżżel kotba diġitali. Jekk ġaladarba hemm għażla bejn siegħa qari u siegħa fuq TikTok, x'aktarx li tal- aħħar se tirbaħ. Sfortunatament, id-dinja online hija magħmula primarjament minn tentuf ta' informazzjoni, bil-konsegwenza li l-attenzjoni tal-qarrejja dejjem qed tonqos. It-tfal mhux qed ikollhom l-opportunità jiżviluppaw il-ħiliet neċessarji biex jinvolvu ruħhom f 'testi estensivi li jiżviluppaw argument jew kunċett fuq firxa ta' żmien. L-andament tal-ħajja kontemporanja hekk jeżiġi. Il- ħin liberu dejjem qed jonqos. Apparti l-iskola, ħafna tfal għandhom diversi impenji ekstrakurrikulari u mhux faċli jrabbu u jżommu rutina ta' qari. Tgħin immensament jekk il- ġenituri jħobbu l-kotba u jaqraw quddiem uliedhom. Hija inutli u ipokrita tibgħat lil uliedek jaqraw meta inti qiegħed ittella' l-istessi jew tikkummenta dwar il-malja taz-zija fuq il-midja soċjali. Biex it-tfal irabbu rutina tal-qari hemm bżonn impenn min-naħa ta' kulħadd. Il-kliem ikarkar iżda l-eżempju jkaxkar. Meta għandek qarrejja motivati u indipendenti, għandek qarrejja li mhux se joqogħdu lura minn kotba impenjattivi. Mhux se jiddejqu jqattgħu dawk is- sagħtejn iżjed iħabblu moħħhom dwar dak li qed jaqraw. Permezz t'hekk, mhux biss jieħdu pjaċir imma jsaħħu l-ħiliet konjittivi tagħhom għax ikollhom vokabolarju usa' li jgħinhom jitgħallmu kunċetti ġodda. Huckleberry Finn huwa ktieb eċċellenti. Iżda missier dak it-tifel kien jagħmel aħjar kieku kellmu dwaru minflok ma pprova jbellagħhulu. Wara kollox, Twain innifsu kien jaf li ħafna drabi 'a classic [is] something that everybody wants to have read and nobody wants to read'. Jum il-Ktieb Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb