Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1498222
Elena Cardona taqbad ktieb immirat għat-tfal u ieħor għall-adolexxenti; tagħmel patt ma' tifel, u jirnexxilha tidħol f'ħolm u maġija, waqt li wkoll tara l-istilel. Sadattant it-tifel ħa gost jaqra ktieb! Ngħid il-verità ftit li xejn jinteressani l-futbol, bejn għax m'iniex intiża fir-regoli tal- logħba u bejn għax qatt ma kelli l-ħajra nsegwi partita sħiħa mill-bidu sal-aħħar. Però dan l-aħħar ikolli nammetti li bdejt inkun iżjed aġġornata b'dak li qiegħed jiġri fix-xena tal-futbol speċjalment fil-futbol Ewropew. It-tifel tal-kuġin li spiss niltaqa' miegħu għand ziti jkellimni b'passjoni kbira dwar il-futbol, ibda mis-suq tat-trasferimenti u liema tim qiegħed fil-quċċata tal-klassifika u spiċċa f 'min skontu għandu jirbaħ il- kampjonat. Bla ma ridt spiċċajt insegwi xi partiti mit-Tazza tad- Dinja f 'Novembru li għadda minħabba li kont inkun għand ziti u fuq l-insistenza tat-tifel tal-kuġin kien ikolli noqgħod fuq is-sufan għal madwar siegħa u nofs. Spiċċajt tgħallimt x'inhu fawl u autogoal u iktar kliem tekniku. F'din it-Tazza tad-Dinja konna għamilna patt jien u t-tifel tal- kuġin: jien nara l-partiti tas- semifinali u l-finali miegħu u hu jaqra ktieb li nagħżillu jien. Il-ftehim ġie milħuq u hekk għamilna! L-għan tiegħi kien li nħeġġeġ lil dan it-tifel biex jaqra u nurih li xi kultant minkejja li jkun hemm xi affarijiet li ma jinteressawniex - fil-każ tiegħi l-futbol - bil-għajnuna ta' xi ħadd kapaċi nbidlu l-atteġjament tagħna lejn dawn l-affarijiet li ma jiġbduniex daqshekk. Mhux xi tifel li jiġġennen biex jaqra imma jekk il-ktieb jittratta tema li tinteressah, jaqrah żgur. Il- ktieb li għażiltlu kien Il-Bużu u ż-Żarbuna Maġika ta' Kelly Busuttil u Rita Saliba. Beda jaqrah mill-ewwel u ma' kull paġna li beda jqalleb kien ħerqan biex jiskopri aktar dwar il-Bużu u l-ħolma tiegħu. Dan il-ktieb ġie ppubblikat fl-2022 minn Klabb Kotba Maltin bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal- Litteriżmu. L-istorja tittratta l-ħolma tal-Bużu li kellu meta kien tifel żgħir dwar il-logħba tal-futbol. Tgħid jirnexxilu jwettaq il-ħolma tiegħu? U x'jagħmel il-Bużu meta missieru ma jixtrilux ir-rigal li xtaq? Fejn ser isib iż-żarbuna maġika? L-illustrazzjonijiet mirquma ta' Rebecca Zammit jgħinu lill- qarrejja biex isegwu l-ħolma tal- Bużu minn meta kien ċkejken sa ma kiber u sar kowċ. Laqatni ferm kif inhu miktub dan il-ktieb. Il-Malti hu mexxej u l-paġni mhumiex iffullati bil- kliem - fattur li jistimula lil dawk it-tfal li jaqtgħu qalbhom jaqraw jekk jaraw il-paġna miżgħuda bil-kliem. Hemm ukoll xi frażijiet bil-grassett li jitfgħu dawl fuq sitwazzjonijiet li mmarkaw il- ħajja tal-Bużu. Il-fatt li dan il- ktieb jaqa' fil-ġeneru tal-finzjoni bijografika, jew kif nafuh bl- Ingliż bħala biographical fiction, niżilli tajjeb għaliex minn età żgħira t-tfal qegħdin jiġu esposti għall-ġeneri diversi u li mhux daqstant komuni fil-letteratura ddedikata lilhom. Dan il-ġeneru partikolari jippreżenta l-elementi realistiċi mill-ħajja ta' xi ħadd partikolari li jitwaħħdu mal- imaġinazzjoni tal-awtur biex b'hekk tiġi interpretata l-ħajja ta' min ikun qiegħed jikteb fuqu l-awtur. Fi kliem sempliċi, il- qafas tal-istorja jkun seħħ fil- verità imma d-dettalji jistgħu ma jkunux daqshekk veritiera għax ikunu fatti miżjudin biex l-istorja ssir aktar attraenti. Fil-ktieb Il- Bużu u ż-Żarbuna Maġika, Kelly Busuttil u Rita Saliba jinsġu storja dwar il-futbol, il-ħolma tal-Bużu u l-karriera tiegħu waqt li r-ritratti fl-ewwel paġni tal- ktieb juru mumenti importanti fil-karriera tiegħu tal-futbol, kif ukoll dawk mal-familja tiegħu. Ir-ritratti għalhekk huma xhieda realistika tal-Bużu, waqt li l-istorja żżewweġ l-elementi bijografiċi ma' dawk kreattivi. L-awtur Amerikan Garrison Keillor, li llum jgħodd mat- tmenin sena, jistqarr li 'A book is a gift you open again and again'. U l-ktieb ta' Antoinette Borg Stilel fl-Istalel hu dak ir-rigal li tiftħu kemm tiftħu qatt ma tixba' għax dejjem hemm xi ħaġa differenti li tolqtok. Dan il-ktieb immirat għat-tfal minn disa' snin 'il fuq u ġie ppubblikat fl-2021 minn Merlin Publishers. Stilel fl- Istalel hu dwar il-familja Bonnici li jkollhom idabbru rashom mid-dar tagħhom f 'Birkirkara għaliex il-Gvern iddeċieda li jwessa' t-triq minħabba li fiha kien qiegħed jinġema' ammont sostanzjali ta' traffiku u d-dar tal- familja Bonnici riedet titwaqqa'. Spiċċaw marru joqogħdu f 'razzett l-Imġarr. F'dan ir- razzett kien hemm ukoll ħamest iżwiemel: Spirit, Whisper, Tikek, Żiffa u Stilla. Fil-fatt dawn iż- żwiemel isiru l-protagonisti tal- ktieb. X'relazzjoni jkollhom it- tfal tal-familja Bonnici, Chloe u Thomas, ma' dawn iż-żwiemel? L-Imġarr hu l-post kwiet li kienu jaħsbu? X'jiġri tal-biża' u tal-biki f 'dawn il-paġni? L-illustrazzjonijiet ta' Nicole Diacono jagħmlu ġustizzja lid- deskrizzjonijiet li tagħti Borg. Ngħidu aħna l-awtriċi tiddeskrivi li Chloe bħala tifla mbaċċa u f 'kull illustrazzjoni li tidher, il-qarrej mill-ewwel jagħraf lil Chloe peress li d-deskrizzjoni ta' Borg taqbel perfettament mal-illustrazzjonijiet. Barra minn hekk, dan il-ktieb hu sors utli ta' informazzjoni dwar iż- żwiemel mingħajr il-bżonn li toqgħod tfittex il-kliem diffiċli bħal: kappestru, maxtura, karretta, eċċ. Il-kliem it-tqil hu mfisser fin-naħa t'isfel tal- paġna u ħafna drabi hemm ukoll it-tifsira bl-Ingliż. Il-kitba hija miżgħuda b'deskrizzjonijiet - deskrizzjonijiet li jġagħluk tħossok qiegħed tgħix mal- familja Bonnici. L-awtriċi tagħti listi ta' deskrizzjonijiet: il- karatteristiċi ta' kull żiemel, il- lista gwida tax-xogħol ta' kuljum li jrid isir ma' kull żiemel, in- noti ta' Chloe ta' kif għandhom jitnaddfu l-istalel. Fil-fatt l-awtriċi tipprovdi l-mapep tal-istalel u saħansitra l-menù ppreparat mix-chef Suzanne Bonnici u l-assistent Jamie Oliver Bonnici. Xi ħaġa oħra li ġagħlitni nitbissem hu l-kapitlu bl-isem ta' Jamie. Dan hu kollu miktub kif titkellem it-tarbija Jamie. L-ebda qarrej ma jista' jgħid li dan il-ktieb hu miktub b'Malti stramb u tqil għaliex il- lessiku użat jirrifletti l-ħajja tal- familja Bonnici, Thomas u Chloe l-adolexxenti u n-nanna Ġanna – il-Malti li aħna nużaw kuljum. L-istil ta' kif inhu mfassal Stilel fl-Istalel affaxxinani u ma stajtx inħalli l-ktieb sakemm qrajtu kollu. Iddispjaċini meta qrobt lejn it-tmiem. Iżda fil-verità kien fih tmiem ieħor! Is-sorpriżi ma jispiċċaw qatt f 'dan il-ktieb. Dawn iż-żewġ kotba mmirati għat-tfal u l-adolexxenti mhux biss iġagħluna noħolmu permezz tal-maġija li tinbet bejn il- kliem u l-istampi imma joffru perspettivi diversi lill-qarrejja ċkejkna tagħna. Ħolm, maġija u stilel Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb 15 opinjoni illum • IL-ĦADD 16 TA' APRIL 2023 kotba illum • IL-ĦADD 30 TA' APRIL 2023