Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1500675
04 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' ĠUNJU 2023 • illum X'ħajrek tidħol għall-politika u xi tfisser il-politika għalik, b'mod partikolari, bħala żagħżugħa? Minn meta kont zgħira minn dejjem kont naqra u nsegwi kollox li kien għaddej madwari: l-aħbarijiet, il-ġrajjiet kurrenti u l-istorja. Dejjem kelli opinjonjiet b'saħħithom u dejjem xtaqt nipprova nara kif nista' nbiddel dak li ma naqblix miegħu u allura ddeċidejt nidħol fl-attiviżmu u attendejt l-ewwel protesta ta' ħajti ta' 12-il sena, dik taż-Żonqor, art ta' Barra ż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ). Kont voċifera fl- attiviżmu studentesk kemm fis- sekondarja u kemm meta dħalt fis- 6th form, fejn g ħ e n t b i e x norganizza lill-istudenti biex jappoġġjaw il-protesti tal-kriżi kostituzzjonali tal-2019 meta waqa' l-Gvern ta' Joseph Muscat. Spiċċajt tkellimt fi protesta u ġejt mhedda u attakkata anke fiżikament u minn hemm indunajt li m'hemm l-ebda mod kif nista' mmur lura. B'hekk iddeċidejt li jew nibża' u nagħlaq ħalqi, jew nibqa' sejra u nibda naħdem għal dak li nemmen fih fuq skala akbar. Għażilt it-tieni triq. Il-politika fl-aħħar mill-aħħar hija servizz għall-poplu u minnha ġġib bidla u tgħin in-nies ta' kuljum. Hi għodda biex taħdem għal dak li hu ġust; ovvjament tista' tintuża għal skopijiet personali, għal butek jew għall-kilba tal- poter, imma għalija hi xi ħaga li taffaxxinani. Permezz tal-politika tiltaqa' ma' ħafna stejjer u nies. Permezz tal-politika tgħix l-istorja tinkiteb, mgħaġġla u dinamika. Il- politika hi għodda li jien nixtieq nużaha għall-aħjar tal-pajjiż. Kif issib il-bilanċ bejn il- karriera politika u l-ħajja personali? Ngħidlek il-verità, bħalissa l-bilanċ ma jeżistix. Bejn l-eżamijiet tal-Università, ħidma Parlamentari, xogħol tal-partit u kostitwenza, ma tantx issib ħin għall-familja u għad-divertiment, aħseb u ara kemm issib ħin għalik innifsek! F'din id-dinja m'hemmx post għal ħafna pjanijiet. Tipprova kemm tipprova tqassam il-ħin, dejjem jinqala' xi ħaġa l-aħħar sekonda. F'xogħlok fil-Parlament, liema suġġetti huma l-aktar għal qalbek u tixtieq tagħti aktar f 'xogħlok? Id-dekasteru tiegħi hu t-tibdil fil-klima u aktar ma niltaqa' ma' esperti, ambjentalisti, ekonomisti u attivisti aktar qed isir suġġett għal qalbi u aktar qed nagħraf l-importanza tiegħu. Minn meta bdejt insemma' leħni fl-attiviżmu, is-suġġetti favoriti tiegħi dejjem kienu dawk li jmissu mal-ambjent, mal-ġustizzja u mad-drittijiet tal- bniedem u naħseb dak l-istess spirtu hu rifless f 'dak li nitkellem u naħdem fuqu fil-Parlament Malti. Aktar ma navvanza fl-istudju tal-liġi u aktar ma nitgħallem fil-Parlament; aktar ninduna kemm għad hemm affarijiet li jridu jinbidlu, speċjalment fil- qasam tal-ambjent u l-iżvilupp bla rażan. Nixtieq kieku nindirrizza dan is-suġġett aktar, speċjalment f 'isem il-ġenerazjoni żagħżugħa u f 'isem it-tfal. Nemmen li dan il-pajjiż ikun f 'sitwazzjoni ħafna aħjar li kieku dak li jaħsbu ż-żgħar nagħtuh widen bis-serjetà. X'tirrispondi għall-kritika li bħala żagħżugħa, anke dwar kwistjonijiet bħall-abort, fil- pożizzjoni tiegħek kont iktar konservattiva mill-maġġoranza taż-żgħażagħ bħalek? Skont is-sondaġġ l-aktar riċenti ta' MaltaToday, 25% biss miz- żagħażagħ tampari, jiġifieri dawk ta' bejn is-16 u l-35 sena, huma kompletament favur l-abort mingħajr tlaqliq. Allura ma nistax naqbel miegħek li l-maġġoranza taż-żgħażagħ jaħsbuha differenti minni. Jiena parti mill-Partit Nazzjonalista u tlajt taħt il-kappell tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista hemm miktub li l-Partit hu favur il- ħajja mill-konċepiment sal-mewt u jien qabel l-elezzjoni ddikjarajt li nimxi mal-istatut. Irrid nonora lil dawk li għażluni bil-vot tagħhom wara li dikkjarajt il-pożizzjoni tiegħi. Tappella lil aktar żgħażagħ jagħżlu karriera fil-politika? Iva, sakemm temmen li l-politka hija servizz u vokazzjoni u mhux karriera. Sakemm jibqgħu sodi fil-valuri tagħhom, inħeggeg liż-żagħżagħ jipparteċipaw fl-attiviżmu u fil-politika. Ngħidlihom ukoll biex ma jibżgħux mill-kritika. Jekk tagħmilha minn qalbek u għal skopijiet ġusti, hija esperjenza pożittiva u anke tieħu gost tkun parti minnha. Eve Borg Bonello hija l-iżgħar membru Parlamentari fl-istorja Maltija. Hija ġiet eletta permezz tal- mekkaniżmu tal-ġeneru fl-elezzjoni ġenerali tal- 2022, fejn ħarġet fuq id-disa' u l-għaxar distretti. ILLUM staqsiet lil Borg Bonello aktar dwar xogħolha fil-Parlament, u xi tfisser li tkun l-iżgħar deputat Parlamentari waqt li tkun studenta żagħżugħa Il-Parlamentari l-ġodda. EVE BORG BONELLO Sakemm jibqgħu sodi fil-valuri tagħhom, inħeggeg liż-żagħżagħ jipparteċipaw fl-attiviżmu u fil-politika. Ngħidlihom ukoll biex ma jibżgħux mill-kritika