Illum previous editions

ILLUM 25 June 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1502122

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 19

17 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 25 TA' ĠUNJU 2023 • illum Noel Tanti jaqbad ir-rumanz tradott Mur ġibek... Eżerċizzji ta' Tortura u Seduzzjoni, u jinħasad b'vjolenza li mhix daqstant grafika. Allura għaliex inħasad? Vjolenza li taħsad Bejn l-2003 u l-2004, id-direttur ċinematografiku Quentin Tarantino ħareġ Kill Bill: Volume 1 u Kill Bill: Volume 2. Dawn iż- żewġ films laqqgħuna ma' Beatrix Kiddo, qattiela li trid tpattiha lil sħabha, immexxija minn Bill, li ppruvaw jassassinawha dakinhar tat-tieġ tagħha, meta kienet ukoll tqila b'tarbija. Beatrix Kiddo ssib lit-tim li kienet tagħmel parti minnu u toqtolhom wieħed wieħed u waħda waħda, bl-iktar mod brutali. Dawn iż-żewġ films għamlu suċċessun u llum il-ġurnata jitqiesu klassiċi tal- ġeneru tal-azzjoni. Il-vjolenza grafika fil-finzjoni s-soltu hija d-dominju assolut tal-irġiel. Karattri bħal Beatrix Kiddo huma rari immens. Il- fiżikalità f 'din it-tip ta' vjolenza tagħmlek protagonist u tpoġġik fuq quddiem. Ma tmurx mal-idea tal-mara fraġli u impressjonabbli li postha huwa wara l-kwinti, trawwem identità marbuta ma' dik ta' raġel. Għalhekk, is-soltu, il-vjolenza femminili tieħu xejra differenti: inqas espliċita, iktar sottili, iktar psikoloġika. Għalhekk, meta niltaqgħu ma' karattru femminili li ma jikkonformax mal-isterjotip, mhux biss ibeżża', imma jwaħħax. Ignazia, il-protagonista ta' Mur Ġibek... Eżerċizzji ta' Tortura u Seduzzjoni (Horizons, 2022) tagħmel propju dan. Minkejja li l-istorja bl-ebda mod mhi xi orġja ta' vjolenza, fiha episodji li jkexkxuk, speċjalment jekk inti raġel. Ir-rumanz, miktub minn Irene Chias, ħareġ fl-2013 bl-isem ta' Esercizi di sevizia e seduzione u nqaleb għall-Malti minn Mark Vella. Il-protagonista hija Ignazia, perit li tgħix f 'Milan. Waqt li tkun qiegħda fid-dipartiment tal- emerġenza fl-isptar, tisma' żewġt irġiel, wieħed minnhom infermier, jitkellmu b'mod dispreġġjattiv dwar mara li għadha kif ġiet stuprata. Minflok ma jqisu 'l-vittma persuna li għaddiet minn esperjenza terrifikanti, jarawha bħala għalf għall-fantażiji misoġinisti tagħhom. Ignazia tħossha urtata imma taf li din mhix problema biss ta' dawn it- tnejn – huwa fenomenu prevalenti fis-soċjetà in ġenerali. Tiddeċiedi li hemm bżonn tagħmel xi ħaġa dwarha. Tagħżel siltiet minn kotba bħalma huma American Psycho ta' Brett Easton Ellis u A Clockwork Orange ta' Anthony Burgess, fejn hemm deskritti atti vjolenti fuq in- nisa u taqlibhom għal fuq l-irġiel. Imbagħad issib irġiel li għandhom bżonn 'tagħlima', tisseduċihom, tiddrogahom u taħtaom. Waqt li jkunu priġunieri tagħha, taqralhom dawn is-siltiet u twerwirhom. X'tieħu b'daqshekk Ignazia? Mhux se ssewwi s-soċjetà u sa fejn nafu, m'għaddiet minn l-ebda trawma jew kriżi li tispjega dawn l-atti ta' sekwestru u terrur. Mhux bħal Beatrix Kiddo. Ignazia hija persuna normalissima, intelliġenti, rasha fuq għonqha, taf bejn wieħed u ieħor xi trid. Hemm drabi fejn tinħakem minn mumenti t'inċertezza, minn sens ta' diżillużjoni u aljenazzjoni. Imma Ignazia hija wild il-Ġenerazzjoni X u allura dawn l-affarijiet nistennewhom minnha. Imma fir- rumanz m'hemm xejn x'jiġġustifika l-kruċjata feroċi tagħha. In-normalità hija waħda mir- raġunijiet għalfejn Ignazia tidħol għal din il-biċċa xogħol. Fid-dinja tal-arti u l-intratteniment teżisti ċerta indifferenza lejn il-misoġinija. Ejja nieħdu x-xogħlijiet ta' Ellis u Burgess li semmejt hawn fuq u li ispiraw lil Ignazia. L-ewwel wieħed huwa allegorija tal-konsumeriżmu kapitalista li lewwen 'l-Amerka tat-tmeninijet. Ir-rumanz ta' Burgess, min-naħa l-oħra, huwa riflessjoni dwar ir-rieda ħielsa tal- individwu u l-kontroll tal-istat. Kemm f 'wieħed u kemm fl-ieħor, il-karattru prinċipali jistupra u jittortura diversi nisa. Il-vjolenza sesswali tintuża bħala apparat narrattiv biex jinsaħaq punt dwar il-protagonisti ta' dawn ir- rumanzi. Jiena, meta qrajt dawn il-kotba, hekk rajtha. Imma mara li għaliha din it-tip ta' vjolenza hija ħafna eqreb ir-realtà immedjata tagħha, kif tipperċepihom episodji bħal dawn? Xi tkun ir- reazzjoni tagħha? Ignazia, meta tissostitwixxi n-nisa mal-irġiel fis-siltiet tagħha, turina l-wiċċ l-ieħor ta' din l-indifferenza. Chias, il-kittieba, tuża l-istess strateġija. L-istruttura ta' Mur ġibek... xi kultant timita dik tar-rumanzi li Ignazia tuża biex tivvendika ruħha mill-irġiel. Pereżempju, f 'American Psycho hemm diversi digressjonijiet fejn il-protagonista jitkellem b'ton faux akkademiku dwar affarijiet li jinteressawh. Chias tagħmel l-istess ħaġa. Ir-rumanz jibda b'espożizzjoni dettaljata dwar l-endometrijożi, kundizzjoni kronika fin-nisa fejn tessut simili għal dak tal-utru jikber barra mill-utru u jiġġenera wġigħ menstruwali kbir, b'żieda fir- riskju tal-infertilità. Hemm ukoll deskrizzjoni grafika ħafna dwar il-mutilazzjoni ġenitali maskili li l-għan tagħha huwa li jiskomoda u jixxokkja 'l-qarrejja rġiel. Apparti minn hekk, Chias taqbad ukoll diversi figuri tat-taħdit kulturali u ddawwarhom ta' taħt fuq. L-iktar waħda li tispikka hija li Michele, l-għarus ta' Ignazia, iżomm djarju fejn fih jesprimi l-beżgħat, id- dubji u l-vulnerabbiltajiet tiegħu. Ħafna drabi, fil-letteratura, id- djarju huwa assoċjat ma' karattri femminili. Għoġbitni ħafna l-ironija li dan ir-rumanz ifalli bl-iktar mod spettakolari parti mill-Bechdel test mingħajr ma jikkomprometti l-ideoloġija femminista tiegħu. Il-Bechdel test huwa msemmi għall-kittieba Alison Bechdel u jintuża bħala kejl ta' kif in-nisa huma rrappreżentati fil-finzjoni. Waħda mill-kriterji ta' dan it- test hija li f 'xogħol irid ikun hemm mill-inqas żewġ nisa msemmija b'isimhom li jitkellmu fuq affarijiet oħra apparti l-irġiel. Mur ġibek... huwa bażikament kollu kemm hu dwar nisa jitkellmu fuq l-irġiel imma kif rajna, huwa diskors li qiegħed hemm sabiex jisfida n-normi patrijarkali. F'Mur ġibek... Chias ma tomogħdux il-kliem. Dak li għandha tgħid, tgħidu. Ħafna minnu huwa attakk lejn id- dominanza maskili u l-iżbilanċ fil-poter, u dan tagħmlu permezz ta' storja msensla madwar il- vjolenza u l-vendetta. Huwa xogħol provokatorju bil-għan li jiskomoda 'l-qarrejja u jġegħelhom jaħsbu dwar bosta affarijiet li jqisuhom skontati. Il-preġju ta' dan il-ktieb imur lil hinn minn dak li hemm fil-paġni. Huwa dak li ġġorr miegħek wara li tkun lestejtu li verament iħalli impatt fuqek. Mark Vella

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 June 2023