Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1503863
04 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' LULJU 2023 • illum Il-maġġoranza tal-Maltin iqisu l-industrija tal-films bħala importanti u jridu aktar investiment fiha Skont stħarriġ ikkummissjonat mill-kumpanija MediaToday, 89% tal-Maltin u Għawdxin jikkunsidraw l-industrija tal- films bħala waħda importanti jew importanti ħafna għall- ekonomija ta' Malta u għall- ħolqien tal-impjiegi. Apparti dan, l-istess stħarriġ staqsa dwar it-tkabbir tal-istess industrija, fejn 56.2% stqarru li s-settur kiber b'mod sostanzjali fl-aħħar ħames snin. Dan fid-dawl ta' suċċessi u kontroversji fl-aħħar żmien marbuta mal-istess industrija u mal-Kummissjoni tal-Films. Is-suċċessi tal-industrija huma kemmxejn diffiċli biex wieħed ma jinnutahomx minħabba r-riklamar tal-istess kummissjoni, iżda minkejja dan, ta' min jinnota li huma xorta waħda sinifikanti. Fl- 2022, l-industrija tal-films iġġenerat mal-€85 miljun fl-ekonomija Maltija, ċifra li l-Gvern qal li kienet l-akbar waħda li ġġenerat l-istess industrija fl-aħħar għaxar snin. Skont l-istħarriġ, in-nies ta' bejn is-36 u l-50 sena huma l-aktar li jemmnu li din l-industrija kibret b'mod sostanzjali, filwaqt li dawk li jgħixu fin-Nofsinhar ta' Malta għandhom l-istess oppinjoni. Apparti dan, ġew studjati wkoll ir- risposti tan-nies li ħadmu fi ħdan din l-industrija. Filwaqt li kienu inqas minn 2% ta' dawk li wieġbu li qalu li ħadmu fl-industrija, jidher li dawk ta' bejn is-16 u l-35 sena huma aktar probabbli li jaħdmu fil- produzzjonijiet tal-films. Din tagħti indikazzjoni li l-industrija kibret b'rata mgħaġġla fl-aħħar it snin. Spunt interessanti kien il-fatt li l-ogħla persentaġġ ta' nies li ħadmu fl-industrija huma nies b'livell ta' edukazzjoni sekondarja, hekk kif il-produzzjonijiet tal-films huma magħrufa li jattiraw ħaddiema ta' snajja lejhom, fosthom mastrudaxxi, ħajjata u saħansitra anke atturi b'irwoli żgħar. L-istħarriġ staqsa wkoll dwar it-tmexxija ta' din l-industrija, hekk kif filwaqt li kienu biss 7.4% li ħasbu li t-tmexxija hija ħażina, 45% jemmnu li t-tmexxija hija waħda tajba. Hawn però, jidher li n-nies m'humiex infurmati ħafna dwar it-tmexxija tal-industrija tal- films, hekk kif 47.5% stqarru li ma jafux biżżejjed biex jgħidu jekk hix waħda tajba jew ħażina. Sikwit wieħed jisma' dwar l-investimenti tal-Gvern f 'din l-industrija, iżda minkejja din l-ispiża li ssir kull sena, 85.3% ta' dawk li wieġbu qalu li Malta għandha tinvesti aktar fil-films. Fost l-oħrajn, l-investiment marbut ma' dan is-settur huwa assoċċjat ma' inċentivi sabiex il-produtturi jġibu l-produzzjonijiet tagħhom f 'pajjiżna biex jinħadem hawn. Fil-fatt, jidher li l-inċentivi li joffri l-Gvern sabiex jattira l-produzzjonijiet barranin qed iħallu l-frott anke din is-sena, hekk kif fl-2023 inħadmu u qed jinħadmu produzzjonijiet b'ismijiet kbar minn Hollywood, fosthom Napoleon u Gladiator 2. Dan tal- aħħar però, jidher li huwa milqut minn azzjonijiet industrijali li qed jolqtu d-dinja taċ-ċinema madwar id-dinja, u għalhekk, il-produzzjoni tiegħu sa issa tidher li se tkun posposta. Minkejja s-suċċessi, l-industrija tal-films Maltija kellha wkoll il- kontroversji tagħha tul l-aħħar snin. Fl-2022, il-Kummissjoni organizzat il-Malta Film Awards, lejl ta' rikonoxximent għal numru ta' produzzjonijiet tad-dinja taċ- ċinema. Hawn, il-kritika saret fuq l-ispiża misterjuża wara dan l-avveniment, li qatt ma ġiet ippubblikata. Apparti dan, kienu anke artisti Maltin li ġew rikonoxxuti waqt din is-serata, li appellaw lill-Kummissjoni sabiex tinvesti fi produtturi Maltin aktar bl-istess mod li tagħmel ma' produtturi barranin. Napoleon huwa wieħed minn numru ta' films li ġew miġbuda f 'Malta fl-aħħar żmien, li ġab lejn pajjiżna stilel ta' Hollywood bħal Joaquin Phoenix Minkejja l-kontroversji marbuta mal- industrija tal-films lokali, stħarriġ dwar l-istess industrija jindika li l-Maltin iqisuha bħala waħda importanti għall-ekonomija, u saħansitra jixtiequ jaraw aktar investiment