Illum previous editions

ILLUM 30 July 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1504696

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 19

Minn Jean Paul, għal Muhammed – It-traġedja fl-indusrija tal- kostruzzjoni għal min ikollu jaħdem mingħajr dokumenti I l-każ ta' Jean Paul Sofia ġab miegħu dieqa u rabja kbira fost il-komunità kollha. Dan l-inċident li ħalla żagħżugħ mimli ħajja għal mejjet taħt it-terrapien, huwa tiira li s-set- tur tal-kostruzzjoni huwa l-iktar settur qattiel f 'pajjiżna. Bħala nies li naħdmu ma' persuni li jfittxu l-ażil, dan huwa tiira ta' ferita oħra. Il-JRS tesperjenza bosta każijiet ta' persuni li jweġġgħu gravi jew saħansitra jitilfu ħajjithom waqt li jkunu qed jaħdmu f 'siti ta' kostruzzjoni. Kien fuq din il-weġgħa partikolari li bħala organizzazzjoni umanitarja li taħdem mar-refuġjati, ħriġna favur is-sejħa għall-inkjesta pubblika fil-każ ta' Jean Paul. Għax nafu li inkjesta pubblika biss tista' tixħet l-aktar dawl fuq imwiet li jseħħu, traġikament, qalb dir-regħba ta' bini, u kif dawn jistgħu jiġu evitati. Imma t-traġedja ta' Jean Paul tagħtina it perspettiva oħra li, għalkemm suppost evidenti għal ħafna, spiss tintesa mill-pubbliku ġenerali. Bħal Jean Paul kien hemm oħrajn, u jekk l-affarijiet ma jinbidlux, se jibqa' jkollna iktar. Fost dawn l-'oħrajn' li qed nirreferi għalihom, hemm dawk li jġorru isem barrani u l-kulur tagħhom jaf huwa iktar skur mis- soltu. Huwa fatt magħruf li l-industrija tal-kostruzzjoni f 'Malta hija mifnija b'ħaddiema barranin li jew qed jaħdmu mingħajr dokumenti meħtieġa jew qed jaħdmu f 'sistema irregolari. Hawn tajjeb li nispjegaw x'jimplika meta tkun qed taħdem f 'sit, perikoluż, ta' kostruzzjoni, u ma jkollokx id- dokumenti meħtieġa. U biex niem aħjar kif taħdem (jew ma taħdimx) is-sistema, poġġejt f 'taħdita ma' Beth Cachia, li ħadmet fuq proġetti relatati mal-impjieg ta' immigranti f 'Malta u llum tokkupa l-kariga ta' Koordinatriċi għar-Riċerka fi ħdan il-JRS. "Hemm ħaddiema bla dokumenti u hemm impjieg irregolari. It-tnejn huma differenti, iżda intrinsikament relatati", tispjega Beth. Persuna li qed tfittex l-ażil tingħata dokument temporanju li jservi biex tkun tista' taħdem sakemm tirċievi risposta fuq l-applikazzjoni tagħha. Teknikament, il-persuni li qed ifittxu l-ażil u anke dawk li jiġu miċħuda l-protezzjoni għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol, imma fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, ma jkunx dejjem il-każ. "Imma anke jekk inti ixxurtjat u tingħata dokument temporanju għal-impjieg, xogħlok xorta għadu prekarju ħafna," tispjega Beth."L-ewwel nett, għax l-impjieg tiegħek huwa marbut mal-persuna li tħadmek. Dan jista' iwassal għal abbuż min min iħaddem. It-tieni problem, jekk inti tiġi miċħud l-ażil, tingħata permess biex taħdem li jrid jiġi mġedded kull tliet xhur. Dawn is-sistemi burokratiċi jieħdu ż-żmien, u tispiċċa f 'sitwazzjoni fejn is-sid irid joqod jimla applikazzjoni għal ħaddiem tiegħu kull it xhur." Ġieli jkun hemm anke sitwazzjonijiet fejn il-persuni jfittxu l-ażil jingħataw informazzjoni konfliġġenti jew skoretta. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li ħafna jispiċċaw jaħdmu illegalment, għax is-sistema taqta' qalb il-ħaddiem u lil min iħaddem. L-affarijiet imorru għal agħar meta jkun hemm, bħal m'hu qed ikollna ħafna, inċidenti fuq il-post ta' kostruzzjoni. Għax is-sistema ta' saħħa b'xejn hija marbuta ma' sistema legali ta' impjieg u fuq l-istatus legali tiegħek. Dan ifisser li jekk mintix impjegat legalment, m'intix intitolat għal għajnuna ta' saħħa. "F'każ ta' emerġenza, sintendi, l-isptar jingħataw il-kura maħtieġa. Iżda hemm ċans kbir li wara jirċievu kont x'iħallsu," iżżid tgħid Beth. Il-JRS tesperjenza din il- problema ta' sikwit, u tipprova tagħmel milli tista' biex tassisti. Hemm sitwazzjoni oħra relatata mal-immigranti u l-industrija tal-kostruzzjoni f 'Malta li tirrigwarda persuni li fittxew l-ażil l-Italja. Teżisti problema fejn persuni jkunu kisbu l-protezzjoni l-Italja, imma minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, jiddeċiedu li jiġu Malta għal iktar xogħol. Dawn jaqgħu f 'kategorija agħar, fis-sens li dawn lanqas biss għandhom aċċess legal għal impjieg f 'Malta, aħseb u ara kemm jistgħu jingħataw għajnuna meta iweġġgħu f 'sit ta' kostruzzjoni. Mingħajr aċċess għal għajnuna legali jew benefiċċji ta' saħħa, dawn jaħdmu fl-iktar stat vulnerabbli. Il-JRS ilha b'mod konsistenti tappella biex persuni barranin li jkunu ngħataw id-dokumenti validi biex jaħdmu fi stat membru tal-Unjoni Ewropea, jiġu rikonoxxuti f 'Malta. Dan huwa ta' benefiċċju kemm għall-persuni li jixtiequ jaħdmu kif ukoll għall-pajjiż, għax hija kontroproduttiva li jkollok sitwazzjoni fejn għadd kbir ta' ħaddiema qed jgħixu u jaħdmu barra mill-protezzjoni tal-liġi. Il-problema fundamentali tibqa' din – jekk jien immigrant li ksirt għadmi waqt li qed naħdem f 'sit ta' kostruzzjoni u ninsab mingħajr dokumenti meħtieġa, jien minix se nirċieivi l-ebda benefiċċju. Bla xogħol, mingħajr assistenza u korrut għal ħajti kollha. U dit-traġedja trid tpoġġiha f 'kuntest eħrex minn dan. Dawn il-persuni ikunu waslu Malta wara traġitt trawmatiku, jaqgħu f 'sistema burokratika u jispiċċaw jaħdmu illegalment, biex forsi jibgħatu flushom lil familthom lura pajjiżhom – imma minflok jispiċċaw korruti għal ħajjithom kollha, mingħajr l-abilta' li jaħdmu biex jaqgħlu lira għalihom, aħseb u ara kemm jistgħu ikomplu jmantnu l-familjari lura f 'pajjiżhom. Ftit tal-jiem ilu, fit-Times of Malta, id-Direttriċi tal- Programm ta' Rikonċiljazzjoni fi ħan JRS International, Danielle Vella, kitbet hekk – Minkejja li r-refuġjati u l-immigranti f 'Malta huma l-aktar li jweġġgħu f 'siti ta' kostruzzjoni, ommijiethom mhumiex hawn biex jiġġieldu għalihom, b'mod erojiku, bħal Isabelle Bonnici, hi u tiġġieled għal Jean Paul. Kull wieħed minn dawn il-vittmi setgħu kienu t-tfal tagħna. Il-karba mill-pubbliku għal ġustizzja fit-traġedja ta' Jean Paul hija ġustifikata. Jean Paul għandu l-familjari hawn u ommu Isabelle, b'mod speċjali, ma waqfitx tiġġieled għal ġustizzja – u kien dan il-fattur li għamilha possibli li jkun hawn reazzjoni għal din il-mewt traġika. F'każijiet oħrajn, meta immigrant iweġġa' jew imut f 'sit ta' kostruzzjoni, il-familja tkun il-bogħod u ħafna minnhom m'għandhom la l-għarfien u wisq inqas ir-riżorsi biex iqajmu r-reazzjoni bħal dik ta' Jean Paul. Ir-rabja għal dak li ġara lil Jean Paul hija naturali, imma aħna bħala poplu għandna nkunu rrabjati għal persuni oħra li jweġġgħu jew jitilfu ħajjithom traġikament fil-kostruzzjoni Għax jekk inħallu kollox għaddej u nħarsu n-naħa l-oħra, inkunu kompliċi aħna ukoll. Gabriel Schembri Gabriel Schembri huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni għal JRS Malta 11 opinjoni illum • IL-ĦADD 30 TA' LULJU 2023

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 July 2023