Illum previous editions

ILLUM 30 July 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1504696

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 19

15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 30 TA' LULJU 2023 • illum Għal din il-ġimgħa, Patrick Sammut għażel dinja fantastika, li fiha il-kliem jitwaħħad mat-tpinġija. Kliem ix-xwejjaħ fi ktieb Ktieb ix-Xwejjaħ kien ippubblikat għall-ewwel darba mill-MUT Publishing fl-1987, u fi kliem Ġorġ Mallia stess "x'aktarx li kien l-ewwel ktieb ta' fantasija pura ppubblikat f 'Malta u bil-Malti." Ta' min ngħid li dan il-ktieb sa mill-ewwel edizzjoni kien imżewwaq b'numru ta' tpinġijiet minn id Mallia stess. L-awtur jgħid: "Il-kitba u t-tpenġija tal-ktieb bdiet disa' snin qabel il-pubblikazzjoni. Niakarni npenġi stampa fl-1978, ta' dudu ikrah iħares lejn is-sema mimli kwiekeb, u jekk niakar sew, dak kien l-ixprun, għax ispira l-istorja tal-aljen li bena l-muntanji, jitkellem max-xwejjaħ Viżjier ta' belt fantastika jisimha Terani." Fil-fatt diġà fis-snin sebgħin Mallia kien jippubblika r-rakkonti u t-tpinġijiet tiegħu f 'rivisti bħal Sagħtar u Lejn ix-Xefaq. Dwar it-tpinġijiet li nsibu fil-ktieb - it-tieni edizzjoni tal-2023 għandha 228 paġna - Mallia jsostni li "ġietni f 'moħħi li l-illustrazzjonijiet ikunu ta' figuri sħaħ, għax għalkemm l-istorja tal-ktieb hija importanti ħafna, naħseb li l-akbar ġawhar fi Ktieb ix-Xwejjaħ huma l-karattri li jippopulawh." Il-ktieb li għandna hawn jinqasam f 'żewġ taqsimiet ewlenin. Fl-ewwel parti hemm ix-xwejjaħ rakkontatur ta' stejjer li għandhom mill-ħrafa lil grupp tfal imdawrin miegħu. Għall-ewwel it-tul ta' kull rakkont hu qasir, perfett biex ma jegħjix lis-semmiegħa ċkejknin li jilħqu jintilfu f 'dinja fantastika - magħmula minn personaġġi u sitwazzjonijiet bħar-raġel bis- sħaba sewda fuq rasu, jew il-belt bir-rebbiegħa bla uri -, imma aktar kemm naqraw insibu wkoll rakkonti itwal. Bejn rakkont u ieħor hemm leħen in-narratur ewlieni u omnixxenti li bħal jintroduċi kull rakkont, u dawn huma l-partijiet miktubin fil-korsiv. F'kull rakkont imbagħad hemm rakkontaturi jew narraturi oħrajn. Kollox idur madwar il-belt ta' Terani, u 'l barra minnha hemm il-Foresta s-Sewda u anki l-Lag tat-Tempesti. Bil-mod il-mod il-qarrejja jibdew jiskopru li hemm fil komuni li jgħaqqad rakkont ma' ieħor. F'ċertu sens dawn ir-rakkonti jfakkru f 'xogħlijiet magħrufa bħal Elf Lejl u Wieħed jew saħansitra fid-Decameron ta' Boccaccio, għalkemm hemm il-kuntest kien differenti, imma anki f 'bosta elementi mill-ħrafa klassika, ladarba naqraw dwar iċ-ċawla ħalliela, is-saħħar, it-tifel egħref mix-xwejjaħ Viżjier tas-Sultan, u oħrajn. Dawn huma stejjer li jfakkru li kull bniedem, anki l-iktar wieħed sempliċi, għandu l-istorja tiegħu x'jirrakkonta. Bejn kelma u oħra, int u taqra l-ħrejjef, jinħass ċertu ritmu li għandu mis-seħer. Barra minn hekk, bħal fil-ħrejjef u fil-letteratura fantastika, Mallia jmexxina 'l quddiem u lura fiż- żmien, kif iħoss il-bżonn biex dejjem joħloq stejjer li jaffaxxinaw u jissorprendu. Idaħħalna wkoll fi spazji fejn tintilef kull indikazzjoni ta' ħin jew direzzjoni u fejn wieħed jista' jassisti bla ppjanat għal dehriet fantastiċi bħal kif iseħħ lill- imqareb Rastin li jassisti għaż-żifna tan-ninfa fuq ras iċ-ċerv imqarnat f 'dawl il-qamar u fil-Foresta s-Sewda. Hemm rakkonti li bħall-ħrejjef jispiċċaw b'mod misterjuż u jħallu bosta mistoqsijiet f 'moħħ il-qarrejja; oħrajn donnhom ma jispiċċawx u t-tmiem għalhekk jitħalla miuħ, bħal pereżempju r-rakkont taż-żagħżugħ giddieb u d-dragun xiħ. Hemm drabi meta lill-annimal jingħatalu l-għerf, bħad-dudu l-ikrah li jistaqsi mistoqsijiet profondi bħal min jien?, minn fejn ġej?, u x'qiegħed nagħmel hawn? Lill-bniedem imbagħad, hemm waqtiet meta tittiħidlu xi ħaġa li tagħmel parti mill-umanità tiegħu ladarba jirriuta li jikkomunika ma' min hu differenti minnu (ara "Il-Bennej tal-Muntanji"). It-tieni parti, intitolata "It- Tfittxija" tinqasam f 'għaxar taqsimiet. Dwar din il-parti tal-ktieb Mallia jgħid: "Dik is- sistema tiegħi. Ġaladarba nkun naf fejn irrid nasal, il-ġrajjiet jitfasslu bħal ħoloq ġo katina, u l-karattri jinħolqu weħidhom biex jimlew l-irwoli fl-istejjer li jkunu bħal pontijiet lejn tmiem ir-rakkont. U hekk ġara bit-tieni taqsima tal-ktieb. U t-tpenġijiet ħarġu magħhom." Din id-darba m'hemmx ix-xwejjaħ jirrakkonta lit-tfal miklubin jisimgħu stejjer ġodda, mela jonqsu l-partijiet intervalli li jorbtu storja ma' oħra miktubin fil-korsiv li kien hemm fl-ewwel parti. Hawn tibda tinħass b'saħħitha l-idea li bħala bnedmin ngħixu f 'żewġ dinjiet - dik tar-realtà u dik tal-ħolm – bla ma nindunaw eżattament f 'liema waħda nkunu ninsabu. Hemm ukoll l-idea li l-bilanċ bejn it-tajjeb u l-ħażin il- ħin kollu jinsab taħt theddida li jinbidel. Għalhekk naqraw dwar sħaħar tajbin u ħżiena f 'taqbida, ħitan inviżibbli, mostri differenti, imma anki l-fatt li min jgħin lil min jinsab fil-bżonn xi darba jew oħra jingħata l-għajnuna huwa wkoll. Hemm ukoll il-motiv tal-vjaġġ - motiv li jmur lura sa xogħlijiet antikissimi bħall-Iliade jew l-Odissea ta' Omeru - , u l-ostakli li jkollna naffaċċjaw matulu. Il-qarrej attent jinduna li l-istruttura tal-kapitli-rakkonti tieħu l-forma ta' dar magħmula minn ħafna swali jmissu ma' xulxin b'bieb ta' waħda li jiaħ biex tgħaddi għal ta' warajha u ta' warajha, kamra wara l-oħra, rakkont wara l-ieħor. Dak li jiġi rrakkontat fit-tieni parti bħal jintegra mal-partijiet frammenti li nqraw fl-ewwel parti, b'ċerti personaġġi jerġgħu jidhru fit- tieni parti, bħal Rejnon, is-saħħar żagħżugħ li għeb fl-ewwel parti biex jerġa' jinstab fit-tieni parti. Dak li fl-ewwel parti kien irrakkuntat mix-xwejjaħ lit-tfal bħala fantasija jew ħrafa, fit-tieni parti jsir realtà, mela sseħħ ċaqliqa mid-dinja tal- ħolm għal dik reali. Hemm ukoll waqt metanarrattiv meta x-xwejjaħ Viżjier jgħid lil Rejnon: "Fil-fatt, qisna qegħdin fi dramm kbir, b'ħafna karattri li l-kittieb jibgħat wieħed wieħed fuq il-palk. Sa ma jkun hemm il-kast kollu u l-istorja tkun kompluta" (p. 172). Hawn ukoll hi preżenti l-vuċi tan-narratur ekstradijeġetiku: "Dawk mhumiex stejjer għal hawn, għax inkella ma ntemmu qatt, dawk stejjer għal jiem oħra" (p. 180). Parti importanti mill-vjaġġ avventuruż u perikoluż li jiġi deskritt hu s-sagrifiċċju li jsir anki permezz tat-telfa tal-istess ħajja ta' dawk li jemmnu fir-rebħa aħħarija tat-tajjeb fid-dinja, matul it-taqbida bejn id-dawl/tajjeb u d-dlam/ħażen. B'xi mod, ir-rakkont ta' Mallia jispiċċa kif jibda, bix-xwejjaħ jirrakkonta l-istejjer lit-tfal, u dan ifakkar fil-bidu tar-rakkont li jibda bil-puntini, bħal donnu biex ifakkarna li din hi storja li bdiet in medias res (fin-nofs), u li l-ħwejjeġ irrakkuntati qegħdin f 'dimensjoni fejn m'hemmx żmien u għalhekk huma ħwejjeġ li jirrikorru u jirritornaw. L-età ssuġġerita għal Ktieb ix- Xwejjaħ hija bejn id-9 u t-18-il sena. Jiena ili li qbiżt dik l-età iktar minn tliet deċennji, imma naċċertakom li dan hu ktieb li saħħarni tant li qrajtu kważi f 'nifs wieħed.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 July 2023