Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1506447
aħbarijiet 07 IL-ĦADD 27 TA' AWWISSU 2023 • illum 'Electronic tagging' setgħet tipprevjeni kriminali jaħarbu minn Malta MATTHEW FARRUGIA "Sistemi ta' 'electronic tagging' huma essenzjali sabiex jintlaħaq bilanċ bejn is-serħan il-moħħ tas-soċjetà u d-drittijiet ta' persuni akkużati fil-Qorti." Din kienet ir-reazzjoni tal- kriminologu u lettur fl- Università ta' Malta, John Charles Ellul, dwar mistoqsijiet relatati mal-miżura magħrufa bħala 'electronic tagging', li tagħti l-Pulizija l-poter sabiex isewgu persuni li jkunu ngħataw il-ħelsien mill-arrest qabel jingħataw is-sentenzi tagħhom. Ellul kien qed jirrispondi mistoqsijiet ta' din il-gazzetta relatati mal-każ ta' Jomic Calleja Maatouk u martu Marzia Maatouk, li huma maħsuba li ħarbu minn Malta wara li appellaw is-sentenzi rispettivi tagħhom. Min-naħa tiegħu, Calleja Maatouk kien instab ħati fuq akkużi ta' importazzjoni ta' materjal splussiv, falsifikazzjoni ta' dokumenti u ksur ta' kundizzjonijiet imposti mill- Qorti fost oħrajn. Intant, martu Marzia kienet instabet ħatja għal akkużi ta' pussess aggravat ta' droga, iżda fl-aħħar jiem, il- koppja għosfrot, u huwa maħsub li ħarbu minn xtutna b'dagħjsa. Minkejja li huma ngħataw sentenzi ta' priġunerija effettivi, i l - liġi tgħid l i sentenzi tal-Maġistrati jistgħu jiġu posposti sakemm dawn jiġu kkonfermati minn Imħallef, u għalhekk, il-koppja ma kinux il- ħabs wara li nstabu ħatja. F'kummenti mal-ILLUM, Ellul, li kien jaħdem ukoll fil-Korp tal-Pulizija, semma lista twila ta' soluzzjonijiet li ġġib magħha teknoloġija ta' electronic tagging, iżda stqarr li l-aktar benefiċċju importanti huwa l-bilanċ li joħloq bejn il-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużati, u s-sigurtà għall-komunità. Lura fl-2021, il-Gvern kien ħabbar abbozz ta' liġi bil-għan li tirregola l-użu ta' electronic tagging għal persuni li jwettqu reati żgħar, iżda anke persuni li jingħataw il-libertà proviżorja. Minkejja l-fatt li l-Oppożizzjoni wkoll qablet ma' dan l-abboz ta' liġi, din qatt ma daħlet fis-seħħ. Barra minn Malta, din is- sistema ta' moniteraġġ ilha tintuża għal numru ta' deċċenji u hija magħrufa għas-suċċessi tagħha fil-prevenzjoni ta' reati kriminali min-persuni li diġà jkunu xellfu difrejhom mal-ġustizzja. Skont riċerka minn diversi pajjiżi li addottaw din is- sistema, hemm diversi fatturi li jikkontribwixxu għall-effiċjenza tagħha. Fosthom, huwa kruċjali li t-teknoloġija tkun waħda robusta, u min jamministraha għandu jirrispondi minnufih għal attentati ta' tbagħbis fuq it- teknoloġija. "Is-sistema li tintuża għal dan it-tip ta' moniteraġġ trid isservi bħala estensjoni tal-ħabs," spjega Ellul. Dan minħabba li s-sistema għandha tkun waħda serja u ma tħallix lok għal abbuż. Fosthom, Huwa nnota li s-sistema ta' moniteraġġ, li ħafna drabi tikkonsisti f 'apparat li jintlibes mal-għaksa tal-persuna, trid tkun waħda li tagħmilha impossibbli li wieħed jaqlagħha minn fuqu sakemm mhux bil- permess, u saħansitra tinnotifika l-awtoritajiet jekk wieħed jipprova jbagħbasha. Ellul qal li din it-teknoloġija tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet jipprojbixxu lil min ikun qed jilbisha milli jmorru ċertu postijiet. B'hekk, ikun possibbli li persuni bħal prosekuturi, xhieda u vittmi li jkollhom x'jaqsmu mal-każ ikunu protetti mill-akkużati li jkunu qed jilbsu t-'tag'. Apparti dan, ikun possibbli wkoll li l-awtoritajiet jassiguraw li l-akkużati jidħlu f 'darhom fil- ħin li jkun ordnat mill-Qorti, u ma jersqux lejn postijiet bħall- ajruport u portijiet biex jaħarbu mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, Ellul jinnota li minkejja l-moniteraġġ u skrutinju qawwi fuq l-akkużati, dawn xorta waħda jkunu jistgħu ikomplu b'ċertu attivitajiet f 'ħajjithom. Fosthom, bl-użu ta' din it-teknoloġija, ikun possibbli li wieħed jibqa' jmur għax-xogħol u ma jitlifx l-impjieg tiegħu, kif ukoll li jibqa' attiv b'mod pożittiv fis-soċjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, Ellul qal li d-deċiżjoni ta' liem akkużati għandhom jingħataw din it- teknoloġija li tħalli element ta' libertà, hija deċiżjoni tal- ġudikatura, u għandha tintuża dejjem skont il-kuntest tal- akkużi tal-impputati. L-aħħar jiem kienu kemmxejn iddominati mill-każ ta' Jomic Calleja Maatouk u martu Marzia Maatouk, żewġ persuni li nstabu ħatja għal akkużi separati qabel ma appellaw is-sentenzi tagħhom, li bħalissa jinsabu maħrubin minn Malta. L-ILLUM tkellmet mal-kriminologu John Charles Ellul dwar l-importanza ta' sistema ta' 'electronic tagging' li setgħet tipprevjeni każ bħal dan Il-kriminologu John Charles Ellul jisħaq fuq l-importanza ta' sistema ta' electronic tagging bħala mod ta' kif is-sigurtà għas-soċjetà u d-drittijiet ta' persuni akkużati jistgħu ikunu bilanċjati John Charles Ellul