Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1513667
10 aħbarijiet IL-ĦADD 24 TA' DIĊEMBRU 2023 • illum opinjoni Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici N insab kuntent li kull ġurnata li tgħaddi, dejjem ikollna aħbari- jiet tajba għas-setturi kulturali u artistiċi, inkluż il-festi Maltin. Dan juri biċ-ċar li l-wegħda li għamilna li nibqgħu nieħdu ħsieb l-aspetti kulturali li jagħmluna dak li aħna qed inżommuha. Waħda mill- aktar aħbarijiet pożittivi li spjegajna fl-aħħar jiem hi li dħalna f 'konvenju mas-sidien ta' ħames propjetajiet oħra użati bħala sede prinċipali mis-soċjetajiet mużikali differenti li qed jaffaċċjaw riskju imminenti ta' żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera ta' qabel l-1995. L-għan ta' dawn il-konvenji hu li l-Ministeru li jien inkarigat minnu jixtri dawn il-propjetajiet sabiex b'hekk jiġu salvati dawn is-soċjetajiet mużikali u l-istess propjetajiet ikunu jistgħu jkomplu jiġu użati bħala s-sede prinċipali tal- każini tal-banda b'titlu ġdid ta' kera ġusta favur il-Gvern. Dawn il-ħames binjiet jingħaqdu ma' lista ta' sitt binjiet oħra li kienu mħabbra aktar kmieni f 'Marzu ta' din is-sena, biex issa tela' għal 11 l-ammont totali ta' Soċjetajiet Mużikali li qed jiġi salvagwardjat u salvat il-futur tagħhom b'dan l-intervent deċiżiv tal-Gvern. B'dawn l-akkwisti, il-Gvern se jkun aġixxa korrettement, kemm mas-sidien, kif ukoll mas-soċjetajiet infushom. Fil-mument li sar l-akkwist, dawn il- propjetajiet se jingħaqdu mal-portafoll ta' propjetajiet li huma lkoll sede ta' soċjetajiet mużikali li qed jiġu maniġġjati minn sezzjoni speċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Din il-ħidma hija allinjata ma' waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija tal-ACM għall-2025, dik li tinvesti u titrawwem espressjoni artistika u kulturali diversa filwaqt li jiġu protetti wkoll it- tradizzjonijiet ta' Malta. Ninsabu kommessi li nipproteġu l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali kbira tagħhom u rridu nsaħħu l-kontribut tagħhom għal soċjetà iktar kreattiva u inklussiva. L-investiment li l-Gvern se joħroġ għall-akkwist ta' dawn il-ħames propjetajiet fil-mument li dawn il-konvenji jimmaturaw f 'kuntratti huwa ta' €10,397,000. Dan l-ammont jingħaqad mal-€5.8 miljun, rappreżentanti l-akkwist tas-sitt binjiet li tħabbru iktar kmieni f 'Marzu ta' din is-sena. Il-konvenji ġew iffirmati fuq il- propjetajiet li ġejjin: • Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta; • Soċjetà Filarmonika San Pietru fil-Ktajjen ta' Birżebbuġa; • Każin Banda 12th May ta' Ħaż- Żebbuġ • Soċjetà Sant'Andrija ta' Ħal Lija; u • Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own ta' Birkirkara. Dawn jingħaqdu mas-segwenti propjetajiet li l-Gvern diġà daħal fi ehim mas-sidien relattivi iktar kmieni din is- sena: Għaqda Mużikali Maria Reġina tal- Marsa, Għaqda Mużikali Stella Levantina ta' Ħ'Attard, Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familia tal-Kalkara, u l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta' Ħal Qormi. Ma' dawn irridu nzidu s-Soċjetà Mużikali Stella Maris li diġà ġiet salvata, u anki s-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta' Raħal Ġdid li dwaru diġà sar il- kuntratt finali. Il-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f 'riskju ta' żgumbrament tieħu importanza ikbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija issa ġiet inskritta bħala Wirt Intanġibbli tal- Umanità mill-UNESCO. Dan ir-rikonoxximent li l-festa Maltija titqies bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO, ingħata bl-approvazzjoni tat-18-il Sessjoni tal- Kumitat Intergovernattiv għall-Ħarsien tal-Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità li saret fil-Botswana. Il-festa Maltija kienet rikonoxxuta għall-valuri komunitarji li tippromovi, il-promozzjoni tal-arti u l-inklussività. Minn qalbi rrid irrodd ħajr lill-Għaqda Każini tal-Banda mmexxija minn Dr Noel Camilleri għas-sehem tagħha biex ingħata dan ir-rikonoxximent importanti, kif ukoll lid-Direttorat tal-Kultura, partikolarment l-Uffiċċju għall-Wirt Intanġibbli, lill- Professur JP Baldacchino, lill-Kurja Arċiveskovili, u lil dawk li taw is-sehem siewi tagħhom biex dan seta' jseħħ. F'Novembru, il-Kumitat Tekniku li jeżamina kull applikazzjoni li tidħol għar-rikonoxximent tal-UNESCO bħala wirt intanġibbli, irrakkomanda li l-festa Maltija tkun miżjuda mal-Lista ta' Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità. Tassew ninsab kuntent li fir- rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kumitat Tekniku faħħar il-mod eżemplari li bih kienet ippreżentata l-applikazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni awdjo-viżiva li saret biex takkumpanja din l-applikazzjoni, liema produzzjoni kienet magħżula bħala waħda mill-best practices fejn jidħlu l-applikazzjonijiet. Dan huwa t-tielet element li ġie reġistrat għal Malta, wara l-ira u l-għana. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jħares u jippromovi l-festa Maltija bħala ċelebrazzjoni komunitarja, li tippromovi l-valuri artistiċi, l-inklużjoni u l-komunità. Il-kultura, l-arti, u l-wirt nazzjonali huma l-pedament tal-identità u l-memorja kollettiva ta' nazzjon. Huma jiġbru l-essenza ta' soċjetà, li jirriflettu l-valuri, l-istorja, u l-aspirazzjonijiet tagħha. L-arti u l-kultura huma bażi fertili għall-innovazzjoni u l-kreattività, li jipprovdu pjattaforma għall- esperimentazzjoni u l-espressjoni. Kemm hi aħbar tajba li issa l-Festa Maltija li hija l-fulkru ta' ċelebrazzjoni fil- komunitajiet u l-pjazez tagħna, u element kulturali mill-aktar b'saħħtu f 'pajjiżna, ġiet rikonoxxuta b'mod internazzjonali għall-valuri kollha pożittivi li tiġbor fiha! Dan naturalment jitfa' obbligu fuq kulħadd li jaħdem qatigħ biex dan il-wirt intanġibbli tal-umanità jibqa' salvagwardjat, indukrat u jkompli jimxi 'l quddiem. Gvern bil-għaqal jinvesti fil-kultura, l-arti u l-ekonomija kreattiva. Gvern bil-għaqal jinvesti fil-kapital intellettwali tan-nazzjon, li jmexxi l-progress u l-innovazzjoni. Dan hu propju li qed nagħmlu u se nkomplu nagħmlu aħna bl- enerġija kollha li għandna! Ħames każini oħra tal-banda se jiġu salvati mir-riskju ta' żgumbrament

