MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 4 February 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1515403

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

08 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' FRAR 2024 • illum aħbarijiet Fl-2023 kellna sħana rekord, imma x'aktarx kien aktar 'frisk' minn sjuf futuri, NGO twissi LUIGI SGHENDO L-Uffiċċju Metereoloġiku rrapporta total ta' 3,020 siegħa ta' xemx, b'seba' xhur jaqbżu n-normi tipiċi. L-2023 tibqa' tispikka bħala s-sena li kompliet iżżid mal- mewġ ta' sħana li laqtu lill- gżejjer Maltin għal dawn l-aħħar snin. Fil-fatt, Lulju 2023 kien l-iktar xahar sħun mill-1992 'l hawn, hekk kif it-temperatura medja telgħet għal 29.6°C bla preċedent, bl-ogħla livell ikun dak ta' 42.7°C matul 10 ġranet ta' sħana. Fid-dawl ta' dan kienu nħarġu bosta twissijiet ta' sħana estrema hekk kif il-merkurju b'mod konsistenti qagħad madwar il-marka ta' 40°C, u ħalla lir-residenti u viżitaturi jfittxu l-kenn mix-xemx tisreġ. Id-Direttur tal-Friends of the Earth Malta (FOEM) Martin Galea De Giovanni qal li aħbarijiet bħal dawn jikkonfermaw kif il-kriżi tal- klima tinsab magħna fil-preżent; kuntrarju għall-perċezzjoni li se sseħħ fil-futur. De Giovanni jkompli jgħid kif sfortunatament, filwaqt li l-2023 kienet sena ta' sħana iktar mill-medja, din x'aktarx xorta se tkun waħda mill-aktar sjuf 'friski' għad-deċennji li ġejjin, meta kkomparati mas-sħana li se tolqot lid-dinja fil-futur. De Giovanni fakkar fil-kummenti tal-Panel Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tan-NU, fejn saħqu "l-impatti tal-klima diġà qed iseħħu aktar malajr, u se jsiru agħar saħansitra aktar kmieni milli kien imbassar qabel, u dan jeħtieġ żieda urġenti fil-finanzi biex jgħinu jindirizzaw it-tibdil fil-klima." De Giovanni jkompli jżid; "l-evidenza xjentifika hija inekwivokabbli, it-tibdil fil- klima huwa theddida għall- benessri u l-eżistenza tal- bniedem u s-saħħa tal-pjaneta. Kwalunkwe dewmien ulterjuri f 'azzjoni globali miftiehma, se jtellef kull xaqq ta' dawl biex nassiguraw futur għar-razza umana u l-kumplament tal- ħolqien." FOEM tenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiż jimxi lejn futur meħlus mill-fuels fossili. Filwaqt li jitlob investimenti strateġiċi f 'enerġija nadifa aktar milli infrastruttura tal-fuels fossili, il-grupp għandu l-għan li jiġġieled id-dipendenza żejda fuq karozzi privati u jippromovi soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tenfasizza l-ħtieġa għal miżuri proattivi ta' adattament għat-tibdil fil-klima, li tħeġġeġ l-integrazzjoni tan- natura fil-pajsaġġi urbani, kura bir-reqqa tar-riżorsi tal-ilma, u s-salvagwardja ta' terreni rurali u naturali. "Aħna mħassba ħafna ezempju dwar il-pipeline propost tal- Melita TransGas, li jorbot lil Malta f 'futur ta' fossil fuels għall-għexieren ta' snin li ġejjin," kompla jgħid De Giovanni. Malta żammet il-pożizzjoni tagħha bħala l-pajjiż tal-UE bl-ogħla sehem ta' fuels fossili fit-taħlita tal-enerġija tagħha b'96.1%. Ix-xejra ta' temperaturi aktar sħan mill-medja baqgħet tippersisti anke hekk kif resqet ix-xitwa. Diċembru, tipikament l-aktar xahar kiesaħ, fetaħ l-istaġun tax-xitwa b'temperatura medja ta' 15.9°C, li qabeż in-norma klimatika b'1.4°C. Frar, madankollu, wera li kien eċċezzjoni hekk kif irreġistra l-iktar temperatura baxxa tas-sena ta' 5.3°C. Mejju u Ġunju spikkaw bħala xhur li allinjaw l-iktar mat-temperaturi medji. F'termini ta' preċipitazzjoni, il-Gżejjer Maltin esperjenzaw sena ta' xita 'l fuq mill-medja, bit-total ta' xita jkun 554.8 mm bejn Settembru 2022 u Awwissu 2023. Frar, iddominat mill-maltempata Helios, ħareġ bħala wieħed mill-aktar xhur imxarrba, u ammonta għal kważi terz tax-xita annwali. Madankollu, Marzu ra tluq sinifikanti min-norma u rreġistra biss 3 mm ta' xita, 36.7 mm taħt il-medja ta' kull xahar. Minkejja li April u Mejju kienu aktar imxarrba mis-soltu, ir- rebbiegħa inġenerali baqgħet aktar niexfa milli mistennija. Lulju ppreżenta anomalija unika, li jispikka bħala l-uniku xahar niexef mingħajr xita rreġistrata, hekk kif fis-sajf għadda lejn il-ħarifa, il-gżejjer esperjenzaw devjazzjoni minn xejriet tipiċi tat-temp. Il-ħarifa naqset milli tagħti kundizzjonijiet staġjonali, b'Settembru u Ottubru jaraw xita taħt il-medja. Ottubru, b'mod partikolari, immarka l-aktar xahar niexef fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, b'total ta' 0.2 mm ta' xita, sostanzjalment taħt in-norma klimatika ta' 77.4 m. Filwaqt li x-xita u l-maltempati bir-ragħad kienu inqas prominenti fl-2023, il-gżejjer esperjenzaw abbundanza ta' riħ, li qabeż in-norma klimatika fi tmien xhur. April u Mejju ħadu t-titlu tal-aktar xhur mirjieħa, b'veloċità medja ta' 10.1 knots. Novembru ra l-aktar buffura qawwija, li laħqet veloċità ta' 53 knot mill-Majjistral. Il-Professur u bijologu tal- Università ta' Malta Alan Deidun spjega kif f 'dawn l-aħħar ħames snin, il-ħarifa, li suppost hija l-istaġun li tagħtina l-aktar xita, qiegħda tkun aktar u aktar xotta. Huwa kompla jispjega kif il-perjodu tax-xita twal xi ftit fir-rebbiegħa, fejn baqa' jestendi fix-xahar ta' Mejju. "Setturi li jiddependu daqshekk fuq ix-xita, bħall-agrikoltura, iridu jaddattaw għal dawn il- kambjamenti li qegħdin iseħħu" saħaq Deidun. Deidun sostna li komunitajiet ta' ħlejjaq indiġeni li jiddependu fuq l-ilma tax-xita (bħal dawk li nsibu fil-widien) ukoll qegħdin ibatu minn nuqqas ta' ilma fosthom is-siġra taż-żebbuġa li qiegħda saħansitra tinxef fis- sajf. Deidun temm jgħid li hemm bżonn nerġgħu ndaħħlu kultura fejn nibżgħu għall-ilma u li qabel nagħmlu proġetti ġodda li jirrikjedu riżorsi kbar ta' ilma, bħal dawk ta' tħawwil ta' siġar u faċilitajiet ta' ħasil ta' karozzi, naħsbu ftit fuq is-sostenibbiltà tagħhom. Espert jgħid li setturi li jiddependu fuq ix-xita, fosthom l-agrikoltura, iridu jadattaw għat-temp li ġej Alan Deidun u Martin Galea De Giovanni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 4 February 2024