Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1521305
06 aħbarijiet IL-ĦADD 26 TA' MEJJU 2024 • illum intervista 'Waħda mil-linji l-ħomor għalija F'intervista mal-ILLUM, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola jgħid li huwa jibqa' ma jingħaqadx mal-ADPD għax ma jaqbilx magħhom fuq l-abort, iżda jemmen li huwa issa ċ-ċans li t-tielet vuċi titla'. MARIANNA CALLEJA Għamel snin twal barra minn Malta. Serva fil-Kamra tad- Deputati fl-Italja, u saħansitra kien l-unika Segretarju Ġenerali barra mill-Unjoni Ewropea li serva f 'kariga ma' grupp politiku Ewropew fi Brussell. Iżda elezzjoni wara oħra, jibqa' jitfaċċa fuq il-karta tal-vot, u b'ġimagħtejn 'il bogħod mill- elezzjonijiet ma stajniex ma nitkellmux ma' Arnold Cassola, li din is-sena mhux biss reġa' tfaċċa iżda jemmen li "issa ċ-ċans". ISSEMMI ĦAFNA LIŻ- ŻGĦAŻAGĦ, U BĦAL DONNOK TWISSI LILL-ISTAT BIEX JAGĦMEL AĦJAR GĦAX QED NITILFU "L-AQWA MĦUĦ". QED NAQRAHA SEW IS-SITWAZZJONI? Ir-realtà hi li 70% taż-żgħażagħ iridu jitilqu, għal dejjem, u dik hi l-gravità, għax mhux titlaq u tiġi lura, iridu jitilqu għax mhux jarawha sabiħa, mhux jarawha aktar b'ambjent pjaċevoli, bla spazju, b'abbużi u bla meritokrazija. Ma nemminx meta jgħidu li ż-żgħażagħ għandhom l-apatija. Mhux veru. Iż-żgħażagħ diżappuntati mill-ħidma tal- politiċi. Ir-riżultat ta' "isma' ma rridx nisma' aktar" huwa għax il-politiċi ma ġabux ruħhom kif suppost u nqasniehom. Xi rridu nagħmlu biex nieħdu ħsiebhom? Tieħu ħsieb l-ambjent, twaqqaf dan il-konkos kontinwu, bini kontinwu li jġib biss noise polution, għeluq tal- ispazji miuħa, fly-overs, indħil f 'għelieqi ... u bi pjanijiet li mhux jirnexxu, għax dik is-sabiħa! Irridu ninvestu fir-riċerka, fl- innovazzjoni ... Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ huma speċjalizzati ... u m'hawnx xogħol speċjalizzat għalihom. INTI UKOLL KONT TLAQT MINN MALTA, U FORSI LI FTIT JAFU, IŻDA SERVEJT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI FL-ITAL JA ... Iva, għax jiena Taljan ukoll ... X'KIEN LI ĠABEK LURA? Ħeqq, jiena dari hawn. Kariga elettiva tispiċċa. Għamilt seba' snin Brussell ukoll, qabel ma dħalna fl-Unjoni Ewropea, u spiċċajt sena wara li dħalna. Kont l-uniku politiku Malti fi Brussell naħdem fil-Parlament Ewropew, elett bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Ħodor. Għadni sal- lum l-uniku Segretarju Ġenerali mhux Ewropew li ġie elett fi grupp Ewropew. Meta tispiċċa ... ħeqq dari tibqa' Malta. L-għeruq tiegħi huma Maltin, ħalliha li nħobb insiefer, u nara l-mentalitajiet differenti, u nikkonfronta ruħi għax nitgħallem. Għamilt xogħol barra, studjajt barra, u kollha jtuk esperjenzi, imma Malta hija dari. 35 SENA ESPERJENZA FIL-POLITIKA. KELLEK MUMENTI PJUTTOST DIFFIĊLI, PEREŻEMPJU L-ELEZZJONI TAL-2004. MINKEJJA LI KONT ĠIBT 23,000 VOT, MA KONTX ĦADT SIĠĠU. X'KIEN LI ŻAMMEK GĦADDEJ WARA MUMENTI BĦAL DAWN? Jien naħseb li dak hu l-karattru tiegħi. Il-karattru tiegħi minnu hekk. Ħalli nkun dipressat għal 24 siegħa, imma mbagħad niġġieled aktar. U jien inħobb niġġieled lill-bullies. Iktar kemm nara bullying, nies arroganti, jew xi ħadd jgħidli "int Cassola m'għandek xejn" ... jekk ikollu nofs idea li ngħid "uff forsi wasal iż-żmien li nieqaf " hemm mal- ewwel niġġilidlek. Dan bħalma ġara issa, eżattament ħames snin ilu. Ħames snin ilu, kont fil-counting hall, kont ġibt 2,900 vot. Tajjeb għal kandidat indipendenti, imma xejn speċjali. Għidt issa forsi wasal iż-żmien li nieqaf, u spiċċajna battibekk jiena u Kurt Farrugia, li dak iż-żmien kien assistent ta' Joseph Muscat. Spiċċajna b'battibekk sewwa eh, bil-pulizija magħna. U qalli "fuck off " u dik il-"fuck off " tatni l-enerġija biex illum qiegħed hawn niġġieled għas-sitt siġġu. Issa huwa ċ-ċans, u mnalla ħa ngħidlek, kważi nirringrazzjah lil Kurt Farrugia ta' dik il-"fuck off " għax tani s-saħħa nkompli. Jien hekk, meta nara nies fit-triq, abbużati, injorati, nies li jgħaddu minn fuqhom, residenti fl-istorbju, fit-tbatija, bla protezzjoni saħansitra mill- awtoritajiet, dik għalija jekk ma niqfilhomx, ikun it-tmiem tiegħi. ALLURA MIN HU L-IKBAR BULLY GĦALIK BĦALISSA? L-awtoritajiet. Dawk bil- poter. Fil-ħajja trid tiġġieled, imma mbagħad minn għandu l-poter, ma jistax japprofitta ruħu minnek. Eżempju ma jistax ikun għax għandi l-aħjar avukati, l-avukat ġenerali, eċċ., inżomm l-informazzjoni minnek. Illum stess, wara sentejn u nofs, għadni kif irċivejt issa mingħand il-Kummissarju għall- Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Kont ktibt lill- Infrastructure Malta, dwar Freedom of Information, fuq il-Marsa Junction. Dan meta bdejna naraw li hemm it-taħwid mat-Torok u s-CEO ta' dak iż- żmien Fredrick Azzopardi. Kienu dejjem jgħiduli li ma jridux, u jien nerġa' nappella, u mmur għand il-Kummissarju, u nirbaħ il-kawżi, u xorta ma jagħtux kas ... Dawn huma n-nies l-arroganti, in-nies tal-poter, dan huwa biss eżempju wieħed! DAN FILWAQT LI INTI LĦAQT ĦRIĠT KTIEB, HUX HEKK? Ilħaqt ħriġt il-ktieb, bl-evidenza biss li kelli jien, sadanittant hemm inkjesta maġisterjali għaddejja parallela ma' dawn. Ma nafx x'fiha, għadha għaddejja. U meta ħareġ il-ktieb, kienu bagħtu għalija, u kelli affarijiet li huma ma kellhomx. Kienu sorpriżi li kien hemm affarijiet li jien kelli u huma le.