Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1521708
aħbarijiet illum • IL-ĦADD 2 TA' ĠUNJU 2024 07 IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT INT META TKELLEM LIN-NIES? Iva, ħafna nies jinteressahom mil-lokal. Qisu l-Unjoni Ewropea qiegħda 'l bogħod għalihom. Fil-fatt mhix għax taffettwa l-ħajja ta' kif ngħixu. In-nies kienu inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja qabel ma ddaħħlet l-iskema stabbilità u l-pressjoni tal-akkomodazzjoni soċjali. Infatti, ħafna nies fuq hekk ikellmuni u kien għalhekk li ħriġt b'manifest li ssib 20 proposta fih. Waħda mill-proposti tiegħi li l-akkomodazzjoni affordabbli. Ipproponejt mudell finanzjarju li jista' jkun esplorat mal-fondazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, fejn bil-baġit tal-Unjoni Ewropea nibnu akkomodazzjoni affordabbli billi nużaw garanziji ħalli s-self ikun irħas u noħorġu bi prezz anqas mis-suq għaż-żgħażagħ tagħna u nies li jsibu diffikultà jekk jisseparaw jew jinqalgħulhom problema oħra matul ħajjithom. HEMM NUMRU TA' NIES LI QED JGĦIDU LI MHUX SE JIVVUTAW. GĦALFEJN TAĦSEB LI GĦANDHOM JIVVUTAW? It-8 ta' Ġunju jiġi u jgħaddi. Tivvutax jew le, il-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu eletti. Id-differenza se tkun li t-8 ta' Ġunju hu jum ferm importanti għall-Unjoni Ewropea u 'l fejn trid timxi. Irridu nagħżlu bejn Ewropa soċjali u kandidati t'esperjenza li jistgħu jwaqqfulhom ħsibijiet li jmorru lil hinn minn dak li twieldet għalih l-UE li hu l-paċi, jew kandidati oħra li qajla jkollhom il- grinta ħlief li jagħmlu ħsara lil Malta sempliċement għax hemm Gvern Laburista. Li nwiegħed hu li jekk inkun elett, se niddefendi lin-nies u l-interess nazzjonali, inkluż is-sussidji tad-dawl u l-ilma u fuel, xi ħaġa li diġà qed iberraq fuqhom. Għalhekk, nemmen li n-nies għandhom jieħdu din l-elezzjoni bis-serjetà vera. Issa jekk tgħaddi l-elezzjoni u jiddispjaċina għax ma vvutajniex, ikun tard wisq. L-għażla hi f 'idejn il-poplu. HAWN MIN IPOĠĠI L-PARTITI FL-ISTESS KEFFA. GĦALIEX? Meta tara kif jaħseb l-elettorat, iva hemm min jemmen li m'hemmx għażla bejn partit u ieħor. Però dejjem ikun hemm kandidati validi u għalhekk m'għandhomx iħarsu lejn l-ideoloġiji biss imma x'jistgħu jġibu lejn Malta kandidati li għandhom l-esperjenza. Li hu żgur li l-Parti Laburista ta ħafna lin-nies, għall-kuntrarju tal-gvernijiet tal-Partit Nazzjonalista, speċjalment l-aħħar ħames snin ta' GonziPN fejn iż-żidiet kienu 5 bozoz. In-nies u oħrajn insew kif kienu jgħixu. Għandna d-diffikultajiet tagħna. Imma qegħdin ferm aħjar minn pajjiżi li jinsabu f 'riċessjoni. L-EWROPA F'DAWN IŻ-ŻMINIJIET TFISSER AKTAR MINN QATT QABEL. GĦALIEX? Iva, imma l-Unoni Ewropea ta' paċi li twieldet għaliha tfisser aktar. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea ma dħalniex biex niġġieldu l-gwerer ta' ħaddieħor. Sfortunatament is- sitwazzjoni li tinsab fiha l-Unjoni Ewropea hi ta' morsa li daħħluna fiha żewġ persuni prużuntużi ħafna, inkluż il-President tal-Parlament Ewropew. Suppost żammew Ewropea ta' paċi. B'dispjaċir ngħid li ħarbtu Ewropa. Għandi dokument important x'nixtieq nuri lill-President tal-Parlament Ewropew meta xi darba nkunu f 'dibattitu. Għalissa se nżommu fuq l-ixkaffa. GĦALFEJN IL-KANDIDATURA TIEGĦEK GĦALL- PARLAMENT EWROPEW? L-esperjenza li diġà għandi bħala Membru tal-Parlament Ewropew, l-imħabba u l-attiviżmu fil-qasam soċjali kienu dawk li waslu biex il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma' ħafna persuni oħra jħeġġuni nikkontesta. L-għażla tiegħi li nwieġeb għal din is-sejħa u ngħid iva kienet imnebbħa mill-fatt li naf li l-politika hija għodda qawwija biex iġġib il-bidla fil-ħajja tan-nies. Għalija dan mhux diskors, dawn fatti. Nista' nagħti diversi eżempji imma l-iktar wieħed li jmissli qalbi hu l-bidla li ġibna bir-riformi tal-IVF. Kemm nemozzjona ruħi meta niltaqa' ma' ġenituri li jgħiduli dawn l-ulied frott l-attiviżmu tagħkom għar-riformi. Insemmih dan bħala eżempju ta' x'differenza tagħmel il- politika. Għax iva, il-politika hija idea sabiħa. U jien dieħla għal dawn l-elezzjonijiet biex nibqa' nġib dik id-differenza fil-ħajja tan-nies. Il-kampanja tiegħi dawwartha mal-ħtiġijiet tan-nies, il-ħidma tiegħi se tibqa' ddur mal- bżonnijiet tan-nies. KEMM NISTGĦU NKUNU EFFIKAĊI BĦALA DEPUTATI MALTIN F'PARLAMENT FEJN AĦNA MINORANZA ŻGĦIRA? Għandna tradizzjoni ta' Membri tal-Parlament Ewropew Maltin li ġabu kisbiet importanti għal Malta u l-ħames snin li ġejjin m'għandhomx għax ikunu eċċezzjoni. L-importanti li niġbdu l-ħabel ta' pajjiżna jekk irridu nġibu r-riżultati. L-agħar ħaġa li jista' jkollna hi Membri tal-Parlament Ewropew jaħdmu kontra pajjiżna u jxewxu u jfasslu riżoluzzjonijiet kontra Malta, kif għamlu l-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista tul l-aħħar snin. Sakemm ikollna MEPs li jġibu l-interessi ta' Malta l-ewwel, allura, iva, nistgħu nkunu effikaċi u b'saħħitna favur iċ-ċittadini Għawdxin u Maltin. IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT INT META TKELLEM LIN-NIES? Il-battalja elettorali ħadet żewġ dimensjonijiet. Fuq naħa Partit Laburista li tkellem dwar il-futur ta' pajjiżna, dak li jrid mill-Kunsilli Lokali, u dak li jrid mill-Ewropa, u fuq naħa oħra l-Partit Nazzjonalista li l-uniku manifest tiegħu kienet inkjesta maġisterjali li beda biha u kompla biha sal- aħħar. In-nies għandhom jistaqsu: ladarba tgħaddi din l-elezzjoni b'din l-inkjesta maġisterjali u bid-diskors kollu dwarha kif se jtejbilhom ħajjithom il-Partit Nazzjonalista? Baħħ assolut. Jien tkellimt dwar il-qasam soċjali, il-pensjonijiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom nies f 'oqsma differenti. Tkellimt u rrid nitkellem iktar dwar ġenituri ta' tfal b'diffikultajiet fit-tagħlim, dwar dawk li għandhom diffikultà fir-relazzjoni tagħhom mal- ikel, u rrid nitkellem u nuża l-politika biex inġib iktar riżultati fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa fost oħrajn għax għandi għal qalbi lit-tfal, lill-marid u kull min jeħtieġ l-għajnuna. HEMM NUMRU TA' NIES LI QED JGĦIDU LI MHUX SE JIVVUTAW. GĦALFEJN TAĦSEB LI GĦANDHOM JIVVUTAW? Irridu nisimgħuhom u rridu nimuhom. Però nemmen li għandhom jivvotaw għax għandhom ikunu parti mid- deċiżjonijiet li jolqtu lilhom u l-familji tagħhom. U l-Partit Laburista kien l-uniku partit li daħal għal dawn l-elezzjonijiet bi pjan ċar. IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT INT META TKELLEM LIN-NIES? Is-Saħħa u s-Saħħa Mentali huma żewġ oqsma ewlenin li ffukajt fuqhom f 'din il-kampanja. Servizzi tas-saħħa mentali aċċessibbli u d-destigmatizzazzjoni tal-mard mentali huma essenzjali għall-benesseri tagħna. Għandna bżonn infrastruttura u politiki tal-kura tas-saħħa mtejba li jagħtu prijorità lis-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha. Is-saħħa mentali trid tkun prijorità għax huwa ċar kemm il-problema kibret f 'pajjiżna. L-edukazzjoni hija qasam ieħor li ilni niddiskuti. L-investiment f 'edukazzjoni ta' kwalità għall-etajiet kollha, it-trawwim ta' opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-preparazzjoni taż-żgħażagħ tagħna għall-isfidi ta' għada huma elementi li ddiskutejt f 'okkażjonijiet diversi. Barra minn hekk iddiskutejt il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja attivi, l-appoġġ ta' inizjattivi sportivi lokali, u l-għoti ta' opportunitajiet għal kulħadd biex jipparteċipa f 'attivitajiet fiżiċi, li din hija marbuta wkoll ma' titjib fit-toroq tagħna. Għawdex hija gżira bi sfidi differenti minn ta' Malta. Waħda minnhom hi l-problema tal-konnettività. Għandna bżonn flotta vapuri, li tinkludi r-raba' vapur, li verament tagħti s-servizz li jixirqilhom lill-Għawdxin. Irridu wkoll niċċelebraw il-wirt kulturali għani tagħna, nappoġġjaw l-artisti u l-avvenimenti kulturali, inżommu l-identità unika tagħna u nipproteġu l-valuri tradizzjonali tagħna filwaqt li nħaddnu d-diversità u l-inklussività fis-soċjetà tagħna li kienu wkoll fuq l-aġenda tiegħi. Id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni huma affarijiet li sfortunatament qed jerġgħu jiġu mhedda u allura huwa dover tagħna li nipproteġuhom u ma nħalluhomx jitkissru. Ta' qabilna ħadmu u ssieltu biex nakkwistawhom u ma nistgħux nittolleraw li dawn jiġu mhedda. Tkellimt ukoll fuq l-ambjent, il-ħarsien tiegħu, bdiewa u raħħala, kif ukoll l-importanza tal-empowerment tal-mara biex ikollha rwol iktar attiv u mistħoqq fis-soċjetà. HAWN MIN IPOĠĠI L-PARTITI FL-ISTESS KEFFA. GĦALIEX? Nies li jħossuhom traduti mill-partit li qattgħu ħajjithom jimmilitaw għalih se jweġġgħu ħafna u jitilfu l-fiduċja fil- politika. Ovvjament ikun diffiċli ħafna għalihom li jbiddlu l-partit wara tant snin u għalhekk huwa iktar facli għalihom u l-familji tagħhom li jgħollu l-partiti kollha fl-istess basket milli jibdlu l-lealtà. Emozzjonalment, dan jista' jkun aktar fattibbli għalihom. Hemm oħrajn li jippreferu jaraw id-dinja bil- mod iswed u abjad, u mhux bil-kuluri differenti li l-ħajja hija magħmula minnhom. Jaslu għal konklużjonijiet malajr wisq u huma aktar influwenzati minn dikjarazzjonijiet wiesgħa milli dettalji li huma kruċjali għal deċiżjonijiet infurmati. L-EWROPA F'DAWN IŻ-ŻMINIJIET TFISSER AKTAR MINN QATT QABEL. GĦALIEX? L-Ewropa twieldet mid-diżastru tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-viżjoni tal-fundaturi tal-UE kienet li l-qsim tar-riżorsi ekonomiċi li jibdew mill-faħam u l-azzar, ir-riżorsi meħtieġa biex issir il-gwerra dak iż-żmien, jagħmilha impossibbli għall- Ġermanja u Franza li jerġgħu jmorru għall-gwerra. Minn dak iż-żmien 'il quddiem l-Istati Membri tal-UE raw perjodu ta' paċi u prosperità bla preċedent. Bl-invażjoni imperjalista tar-Russja u l-atroċitajiet fl-Ukrajna, dan kollu issa jinsab fil-periklu. In-nies iridu jmorru lura għall-kotba tal-istorja tagħhom u jirrealizzaw li l-arloġġ huwa lura għas-snin tletin meta tiranni u dittaturi, jekk ikkundannati, ikunu mħeġġa jmexxu 'l quddiem il-pjanijiet megalomaniaċi tagħhom li m'għandhomx post fl-Ewropa tal-lum. NORMA CAMILLERI CLAUDETTE ABELA BALDACCHINO CLINT AZZOPARDI FLORES Dawn huma biss siltiet mill-intervisti li saru. L-intervisti sħaħ se jkunu qed joħorġu matul il-ġimgħa fuq is-sit tal-ILLUM.