MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 7 July 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1523589

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 7 TA' LULJU 2024 • illum Patrick J. Sammut jitkellem ma' Karmenu Mallia dwar ir-rumanz soċjali tiegħu Ħadd in-Nies (awtoppubblikat, 2023). "M'hemmx kultura kbira jew kultura baxxa. Kull poplu għandu l-kultura proprja tiegħu. Nirrispettawha." Patrick Sammut: Fix-xena tal-ftuħ toħodna f 'sitwazzjoni surreali fejn jiltaqa' t-Tribunal Suprem fis-sema u bħal issir referenza għall-istess awtur ta' dan ir- rumanz, magħruf għall-kitba ta' rumanzi, poeżiji, traduzzjonijiet varji u l-għarfien tal-Esperanto. F'paġna minnhom naqraw: "Jien li qed nikteb dar-rakkont ... qomt maħsud u mriegħed." Jista' b'xi mod dan ir-rumanz jissejjaħ bħala awtobijografiku jew awtoriflessiv, ladarba għandna narrattiva li tirrifletti dwar l-istess awtur li qed jiktibha? Karmenu Mallia: Il-kelmiet importanti f 'din l-ewwel mistoqsija huma 'awtobijografiku' u 'riflessiv'. Tal-ewwel tfisser 'ktibt fuq ħajti', it-tieni tfisser 'riflessjoni fuq dan kollu'. Hawn, int qbadt il-barri minn qrunu. Ngħidlek li iva, f 'dar-rumanz issib xeni minn ħajti kif ukoll riflessjoni fuqhom. Qisek għandek pittura u l-pittur li jkun pittirha qed ifisser kif u għala pittirha. Wieħed jistenna li awtur jikteb fuq ħajtu, l-aktar fuq ġrajjiet importanti tal-eżistenza tiegħu. Tajjeb mela, għaddej it-tren tiegħi u jien skantat lejh bla ma nitkellem fuqu? Il-kuntrast bejn iċ-ċokon tal- ambjent tar-raħal – bil-festa bħala ċ-ċentru – fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra r-referenzi għal elementi ta' natura kulturali bħal filosofi varji, professuri tal-Filosofija, mużiċisti u kittieba magħrufa barranin u Maltin. Inħoss li din hi bħal logħba bejn għeluq u ftuħ, dlam u dawl. Tikteb ukoll: "... kultura mhix ċkejkna jew kbira; kultura hi kultura." Xi tgħid dwar dan? Int ktibt li din hi logħba bejn għeluq, dlam (ġrajjiet ir-raħal) u ftuħ u dawl (l-għerf, l-intellettwali). Qisek qed iġġelled iċ-ċokon mal-universali. Marbut ma' dan kollu, tidħol il-kultura li għoġbok iddeffes fin-nofs bħallikieku hi ċ-ċentru ta' kollox, f 'dal-każ, f 'tiegħi. Għax x'inhi "kultura"? Kulħadd jiddeskriviha u jfissirha kif jaf hu jew aħjar kif jaqbillu hu. Il-valuri, l-għanijiet, il-prattika, l-estetika, l-etika li toħroġ minn dawn kollha, jew kif jgħaddu ħajjithom il-popli, kull poplu jista' ma jixbahx poplu ieħor kif jgħix. Għalhekk m'hemmx kultura kbira jew kultura baxxa. Kull poplu għandu l-kultura proprja tiegħu. Nirrispettawha. Dak li jiġri f 'raħal ma jitqabbilx ma' dak li sar il-Greċja jew partijiet oħra tad- dinja fejn jiddi dawl l-awturi kbar. Imma fit-tnejn hemm 'kultura'. Il-proża tiegħek mhix nieqsa minn ċerti botti soċjali kemm fuq livell ta' poplu, kif ukoll ta' istituzzjonijiet li spiss inisslu tbissima imma jistiednu lill-qarrej jirrifletti wkoll. Jista' dan ir-rumanz jinftiehem bħala kummiedja awtoironika? "Rumanz–kummiedja"! Sabiħa din! Għoġbitni. Varjazzjoni kulturali, la ġejna f 'dan. Ħajjet kull bniedem hi kummiedja, maħduma flok fuq palk armat, fuq palk il-ħajja. Ir-rumanz tiegħi hu kummiedja imma f 'partijiet minnu jtemm fi traġedja bħalma jixhed l-aħħar episodju tiegħu. Il-kbir Shakespeare kiteb, kemm kummiedji, kif ukoll traġedji. Komplikati iva, imma jagħtu gost. Ir- rumanz se nħallih f 'idejn il-qarrejja. Jiddeċiedu huma basta ma jqabblunix ma' Shakespeare, il-ġgant drammaturgu Ingliż. Tinsewx, Shakespeare kiteb drammi mhux rumanzi. Int sejjaħt dar- rumanz tiegħi: "kummiedja awtoironika". Naċċettaha, imma issa ma nesaġerawx! Inti fost dawn il-kittieba anzjani li għadhom jiktbu u jippubblikaw regolarment. X'kontribut tħoss li qed tagħtu lill-pubbliku Malti bħala kittieba ta' età avvanzata? X'taħseb dwar il-kitba li qed tinkiteb illum minn kittieba iktar żgħażagħ? Iva, jien nitqies mal-awturi xjuħ. M'hemmx x'tagħmel. Juvenes dum sumus! Konna darba żgħażagħ! X'kontribuzzjoni qed nagħti lill-pubbliku Malti, mhux jien niddeċidih imma min jaqrani u l-aktar min 'il quddiem għad xi darba joħlom bija u jikteb fuqi. Sakemm għadni ħaj, naċċetta kollox; wara, aktar u aktar. Tkun marret il-ġerżuma biex ngħid tiegħi, jew... idejja biex nikteb. Post mortem... fejn inkun nibqa', tibżgħu xejn. Dwar il-kittieba żgħażagħ, min jien biex niċċensura u nikkritika liż-żgħażagħ? Biss, nagħtihom parir biex ma jesponux ruħhom malajr malajr. Ħobża, meta toħroġ mill-forn, turina minn xiex tkun għaddiet taħt idejn il-furnar. F'paġna oħra tikteb hekk: "'Xi' tfajliet biex ma ngħidx 'it'-tfajliet, qażżuha daqsxejn bejniethom, imma għiduli, dan mhux xogħol in-Natura? Iż- żifna tas-sessi? Biex il-bnedmin ma jonqsux biss, imma jiżirgħu l-ħajja, biex id-dinja ma tisfax fix-xejn? Żgħażagħ boloh? Hekk ikollok tgħid, imma allaħares ma kinux huma, għax forsi kien jieqaf kollox." Dan hu ħsieb li jesprimi sintesi bejn spirtu żagħżugħ u bniedem matur mimli għerf. Xi tgħid dwar dan? Din l-istorja tat-tfajliet hi waħda universali u naturali fl-istess ħin. Il-mara hi omm l-umanità, mingħajr il-mara din tal-aħħar tieqaf. Hi l-miraklu ewlieni li l-kbira Natura vvintat sa minn żmien żemżem. Kif u meta? Ma nafx. Deherli li l-tribunal tiegħi mingħajr tfajliet kien ikun tribunal mgħaxxex. Inċens lilhom! Hemm sens qawwi ta' nostalġija lejn tmiem ir-rumanz: jispikkaw id-"dlam u l-baħħ" wara l-ħajja u l-enerġija ta' Ħadd in-Nies. Jista' dan ir-rumanz jinftiehem bħala addijo festuż lill-ħajja mill-pinna ta' kittieb li issa daħal sew fis-snin 90 tiegħu? Reazzjonijiet tiegħek? Nostalġija, dlam u baħħ! Emminni ma nafx. Iva, dis-sensazzjoni tinħass sewwa fija. Imma... Ultima necat, l-aħħar tokki tal-arloġġ li jistedinni nitlaq! Xi ħadd jaf ? Biss nista' ngħidlek li għad baqagħli Trinità Poetika li għadha fil- kompjuter u li nittama qed tokrob biex tidher. Nittama, nixtieq, imma dan ma jiddependix minni. Hemm qawwa ħafna akbar minni biex tiddeċiedi fuqi. Imma jasal żmienha, taf ! Nittama! L-awtur Karmenu Mallia bagħatli kopja tal-ktieb biex nintervistah b'mod onest.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 7 July 2024