MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 8 September 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1526408

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 8 TA' SETTEMBRU 2024 07 GĦALFEJN AĊĊETTAJT LI TKUN KANDIDAT DEPUTAT MEXXEJ GĦALL- AFFARIJIET TAL-PARTIT LABURISTA? Aċċettajt illi nidħol għal dan l-irwol għaliex kull meta sejjaħli l-Partit Laburista u l-attivisti tiegħu qatt ma dawwart wiċċi n-naħa l-oħra. Ilni attiv fil-Partit minn mindu kelli 15-il sena, tlajt tarġa tarġa l-istrutturi kollha tal- Partit u llum bis-saħħa tal-fiduċja li dejjem wera fija l-istess Partit Laburista ngħatajt l-akbar privileġġ, dak illi nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Parlament Ewropew. Issa kien imiss lili sabiex f 'dan il-perjodu tant sensittiv għall-Partit Laburista nagħti l-kontribut tiegħi. Qed nagħmel dan mhux għall-gwadann personali tiegħi, m'iniex u m'għandix għalfejn nuża l-kariga ta' Deputat Mexxej sabiex niġi elett f 'xi elezzjoni. Għamiltha ċara kristall li m'għandi l-ebda ħsieb, ħajra jew interess illi nikkontesta l-elezzjoni ġenerali illi jmiss. Għamilt dan il-pass sabiex nara li l-Partit Laburista jkollu l-aqwa tmexxija possibbli matul is-snin illi ġejjin, tmexxija illi terġa' twassal sabiex il- Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali illi jmiss. Għamilt dan għaliex nemmen illi għandna nagħtu skop aktar qawwi u rilevanza akbar lill-Partit illi jinsab fil- Gvern. Għamilt dan sabiex insaħħu l-ħafna pożittiv illi għandna fil-Partit u fl-istess ħin nindirizzaw sfidi kbar illi għandna sabiex il- Partit Laburista jibqa' l-akbar forza politika f 'pajjiżna. KIF SE JIRNEXXILEK TAGĦMEL IŻ-ŻEWĠ XOGĦLIJIET TA' MEP U PRESIDENT, FILWAQT LI TIBQA' GĦADDEJ BIL-ĦIDMA TIEGĦEK BĦALA VIĊI PRESIDENT TAL-S&D? Kull min jafni jaf illi meta nidħol għal impenn nagħmel dan b'dedikazzjoni u impenn kbir. Ma kontx se nidħol qatt għal impenn bħal dan kieku kont naf illi ma nistax inlaħħaq mal-impenji tiegħi bħala MEP u Deputat Mexxej fl-istess ħin. Għal dawn l-aħħar ħames snin bħala MEP b'mod kontinwu matul il-leġiżlatura kollha u ta' kull ġimgħa żammejt kuntatt man- nies. Din l-istess rutina ta' tlett ijiem ħidma fi Brussell u erbat ijiem f 'Malta se nkun qed inżommha sabiex il-kuntatt mad-delegati, attivisti, l-istrutturi u anka l-kostitwenti jkun wieħed kontinwu u li ma jaqtax. Mhu se jkun hemm l-ebda proxy illi jaġixxi f 'ismi sabiex jagħmel xogħli matul it-tlett ijiem illi nkun fi Brussell jew Strasburgu! Talba illi għamilt lill-Mexxej qabel nidħol għal dan l-irwol kienet dik illi madwar l-amministrazzjoni u madwar id-Deputat Mexxej ikun hemm struttura illi taħdem matul is-sena kollha. L-ebda kariga fi ħdan l-amministrazzjoni ħlief dik tal-Kap Eżekuttiv ma hija waħda full-time u għaldaqstant jekk irridu li l-Partit ikun wieħed organizzat b'mod aktar professjonali u jkun aktar effettiv hemm bżonn illi jkollna tim tajjeb u kommess illi jerġa' jagħti ħajja mill-ġdid, kemm liċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u anka liċ-Ċentri Lokali madwar pajjiżna. X'INHUMA L-BŻONNIJIET IMMEDJATI TAL-PARTIT LABURISTA? L-akbar prijorità illi nara hija dik li jkollna Partit aktar ħaj matul il-leġiżlatura kollha. L-ewwel prijorità tiegħi hija dik illi jkollna strutturi aktar attivi fil-Partit illi jaraw illi kull riżorsa illi għandna tintuża b'mod sħiħ u aħjar. Hawnekk nagħmel referenza partikolari għall-attivisti tagħna illi nemmen illi jistgħu jiġu involuti fil-ħidma tal-Partit b'mod ferm aktar effettiv. Qatt m'emmint illi Partit fil-Gvern għandu jitfi l-magni u jixgħelhom biss lejliet xi elezzjoni ġenerali. Bidla li nixtieq nara sseħħ bl-aktar mod immedjat hija dik ta' strutturi fil- Partit illi jkunu l-aqwa boxxla politika għall- Gvern. Iwasslu s-suġġerimenti tagħhom u anka l-kritika tagħhom fejn hemm bżonn sabiex naraw illi l-Gvern jirreaġixxi b'mod aħjar għall-ħtiġijiet tan-nies. Nemmen illi wasal iż-żmien illi jkollna linja aktar ċara bejn il-Gvern u l-Partit. Filwaqt illi l-Partit għandu jkompli jippromovi dak illi qed inwettqu b'tant suċċess bħala Gvern, fl-istess ħin għandna nkunu vuċi soda u kritika ta' affarijiet illi jistgħu jsiru aħjar. Nemmen illi ż-żmien tal-ħafna "Prosit u Grazzi" għandu jinbidel f 'wieħed ta' suġġerimenti kritiċi u kostruttivi sabiex il-Gvern ikun verżjoni ħafna aħjar tiegħu nnifsu. Nemmen li wasal iż-żmien sabiex l-istrutturi tal-Partit Laburista, speċjalment dawk lokali, jerġa' jkollhom vuċi aktar qawwija fl-istrutturi tal-Partit. Ma nemminx illi l-irwol tal-maġġoranza tal-attivisti fuq bażi lokali għandu jkun ristrett biss għal ġbir ta' fondi u sħubija fi ħdan il-Partit. Irrid nara diskussjoni politika aktar ħajja kemm fuq bażi lokali u anka fuq bażi ċentrali b'Konferenzi Ġenerali u Kungressi illi jagħtu viżjoni u direzzjoni lil pajjiżna. IĊ-ĊENTRU NAZZJONALI LABURISTA QED JIĠI DESKRITT BĦALA "POST MEJJET U BLA ATTIVITÀ". KIF SE TBIDDEL DAN KOLLU? Din hija l-akbar sfida ta' kull Partit illi jkun fil-Gvern. Però xorta waħda rridu nżommu f 'moħħna illi mingħajr Partit b'saħħtu ma nistgħu qatt naspiraw illi jkollna Gvern b'saħħtu. Kif diġà sħaqt, l-aktar ħaġa urġenti illi għandna bżonn fil-Partit hija strutturi aktar permanenti sabiex nutilizzaw ir-riżorsi kollha illi għandna b'mod aħjar. Irridu naraw ukoll kif ħa nressqu aktar voluntiera u attivisti lejn l-istrutturi tagħna u nemmen illi dan nistgħu nagħmluh billi jkollna rwol aktar b'saħħtu fid-direzzjoni politika illi bħala Partit nistgħu nagħtu lill-Gvern. Dan irid isir b'kuraġġ u billi nisfidaw ir-restrizzjonijiet tradizzjonali. Nippreferi Partit illi jikkritika lilu nnifsu sabiex l-affarijiet isiru aħjar milli diskussjonijiet u attivitajiet staged illi ma jwasslu għal ebda titjib u direzzjoni lill-Gvern tal-ġurnata. IL-KAŻ 'JOSEPH MUSCAT' JIBQA' SUĠĠETT DIFFIĊLI. KIF GĦANDU JIĠI TRATTAT? Għandna nħallu l-proċessi ġudizzjarji jieħdu l-perkors tagħhom. Ma jistax ikun illi nkomplu nagħmlu ballun politiku minn dawn il-proċessi. Kienet ħasra kbira illi lejliet test elettorali dan il-proċess illi kien ilu għaddej żmien twil jispiċċa jiddomina d-diskussjoni politika, dan kollu għaliex kien hemm minn ħaseb illi billi jippubblika inkjesta maġisterjali fil-uħ ta' kampanja elettorali kien se jwassal sabiex jibdel riżultat elettorali. Pajjiżna għandu ħafna sfidi quddiemu, għaldaqstant hemm bżonn illi filwaqt illi nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu b'libertà u serenità, ma nħallu lil ħadd jinqeda b'dawn il- proċessi ġudizzjarji sabiex iwaqqaf il-progress ekonomiku u soċjali illi pajjiżna għandu bżonn ikompli jwettaq sabiex jibqa' miexi 'l quddiem. Din hija silta mill-intervista li saret ma' Alex Agius Saliba, aqra l-artiklu kollu fuq www.illum.com.mt 'L-akbar prijorità illi nara hija dik li jkollna Partit aktar ħaj matul il-leġiżlatura kollha' "L-ewwel prijorità tiegħi hija dik illi jkollna strutturi aktar attivi fil-Partit illi jaraw illi kull riżorsa illi għandna tintuża b'mod sħiħ u aħjar."

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 8 September 2024