MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 13 October 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1527862

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 15

09 opinjoni IL-ĦADD 13 TA' OTTUBRU 2024 • illum Kummissarju Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza RENEE LAIVIERA Inħarsu d-drittijiet tal-anzjani: Niġġieldu d-diskriminazzjoni u nippromovu l-inklużjoni "L -anzjani huma sorsi imprezzabbli ta' għarfien u esper- jenza u għandhom ħafna x'jikkontribwixxu..." hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres. B'mod partikolari, l-anzjani għandhom ħafna x'jikkontribwixxu fis-suq tax- xogħol. Għalkemm f 'Malta r-rata ta' impjieg għal persuni ta' bejn il-25 u l-64 sena hija ogħla (80.1%) mill-medja Ewropea (74.6%), ir-rata ta' impjieg għall-età bejn il-55 u l-64 sena fl-Ewropa (62.3%) hija ogħla mir-rata f 'Malta (53.2%). Dawn l-iżviluppi ġew indirizzati fuq il-pjattaforma Ewropea AGE fl-edizzjoni tagħha tal-Barometru tal-2023, fejn tanalizza s-sitwazzjoni tal-anzjani fis-suq tax-xogħol f 'pajjiżi Ewropej u tgħid li l-politiki dwar l-impjiegi ġeneralment jeskludu b'mod espliċitu nisa u rġiel 'il fuq mill-età tal-irtirar li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom f 'termini ta' protezzjoni soċjali, opportunitajiet ta' xogħol jew edukazzjoni u taħriġ. Hemm diskussjonijiet oħra fejn il-pjattaforma Ewropea AGE qiegħda tipparteċipa bħalissa bil- għan li titfassal il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id- drittijiet tal-persuni anzjani. Din il-ħidma qiegħda ssir fl-isfond ta' ambjent tax-xogħol li dejjem qed jinbidel. Għaldaqstant, id- diversità tal-etajiet hija essenzjali għaliex mhux biss tippromovi l-produttività iżda wkoll isaħħaħ il-kumplimentarjetajiet bejn l-impjegati ta' etajiet u ħiliet differenti. L-adattament tal-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet ta' kull età jissaħħaħ bir- rikonoxximent tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema anzjani fid-diversità kollha tagħhom. L-anzjani huma spiss meqjusa bħala grupp omoġenju, meta fil-fatt jistgħu jkunu l-grupp ta' età bl-aktar differenzi minħabba d-diversi mogħdijiet li jagħżlu tul ħajjithom u l-esperjenza ta' ħajjithom. Għaldaqstant, il-pjattaforma Ewropea AGE tisħaq li approċċ intersezzjonali huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' popolazzjoni diversa ħafna. Tajjeb insemmu li hemm anzjani li, għal diversi raġunijiet, ma jkunux jistgħu jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Huwa importanti li nħarsu d-drittijiet ta' dawn ukoll billi niżguraw li jkollhom pensjonijiet adegwati sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti u b'dinjità. Matul dawn l-aħħar snin, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni żdied fost l-anzjani, speċjalment fost in-nisa anzjani li huma f 'riskju akbar. Dan huwa riżultat tal-kultura li kellna fil-passat li r-raġel joħroġ jaħdem u li l-mara tibqa' d-dar tieħu ħsieb id-dar u t-tfal. Meta maż- żmien in-nisa bdew jidħlu fid-dinja tax-xogħol, dawn bdew jaħdmu b'sigħat imnaqqsa biex ikunu jistgħu jerfgħu r-responsabbiltajiet tal-kura tat-tfal u persuni dipendenti. Din għadha r-realtà sal-lum il-ġurnata minħabba l-fatt li matul ħajjithom in-nisa jkunu ħadmu b'sigħat imnaqqsa, b'konsegwenza li jkollhom pensjonijiet aktar baxxi. Dan iżid ir-riskju tal-faqar f 'din il- fażi tal-ħajja b'mod partikolari fost in-nisa fil-kuntest li aktar irġiel milli nisa huma eleġibbli għall-pensjoni – b'differenza ta' 6.3% fl-2022 (il-medja Ewropea kienet madwar 5.3%). Minbarra dan, dawk in-nisa li huma intitolati għall-pensjoni jaqilgħu pensjoni iktar baxxa minn tal-irġiel minħabba li jkunu ħadmu inqas. Huwa għalhekk kruċjali li jkunu introdotti miżuri speċifiċi biex jindirizzaw dawn l-inugwaljanzi, mhux biss billi nappoġġjaw lin- nisa biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol imma wkoll biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' pensjonijiet għall-anzjani, speċjalment għan-nisa. Fil- fatt, dan kien wieħed mill- għanijiet tal-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva (2023-2030) li jiżgura livelli adegwati tas-sigurtà tad- dħul għan-nisa anzjani. Din il-politika strateġika tħares id- drittijiet umani tal-anzjani billi tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-abbuż tal- anzjani, l-esklużjoni soċjali u s-solitudni. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) tat il-kontribut tagħha wkoll f 'din l-istrateġija billi saħqet dwar l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tal-anzjani u li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-identitajiet differenti tal- anzjani bħal pereżempju anzjani LGBTIQ+, anzjani b'minoritajiet etniċi fost oħrajn. L-NCPE taħdem ukoll sabiex tħares l-ugwaljanza abbażi tal- età fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll fejn jidħlu banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-NCPE tħeġġeġ lil dawk kollha li jħossuhom vittmi ta' diskriminazzjoni abbażi ta' età f 'xi wieħed mis- setturi msemmija hawn fuq biex jagħmlu kuntatt mal- NCPE, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji. Billi nkomplu nindirizzaw id- diskriminazzjoni u nippromovu l-inklużjoni, nistgħu niżguraw li l-anzjani jkunu ttrattati bid-dinjità u r-rispett li jistħoqqilhom fis-soċjetà tagħna. Għal aktar informazzjoni tista' tagħmel kuntatt mal-NCPE fuq 2276 8200, equality@gov.mt jew fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tal-NCPE (Facebook, Instagram u X – NCPE.Malta) "L-anzjani huma spiss meqjusa bħala grupp omoġenju, meta fil-fatt jistgħu jkunu l-grupp ta' età bl-aktar differenzi minħabba d-diversi mogħdijiet li jagħżlu tul ħajjithom u l-esperjenza ta' ħajjithom."

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 13 October 2024