Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1530880
10 aħbarijiet IL-ĦADD 22 TA' DIĊEMBRU 2024 • illum opinjoni Deputat Nazzjonalista fuq l-10 distrett u kelliem għall-familja u s-solidarjetà soċjali ALBERT BUTTIGIEG Solidarjetà mhux biss fil-Milied N insabu fuq l-għatba tal-festi tal-Milied. Għal diversi, iż- żmien tal-Milied huwa żmien ta' ferħ, rigali, festini u tradizzjonijiet lokali. Il- Milied huwa wkoll żmien meta l-familji jinġabru flimkien. Għalina l-Maltin, il-familja għad għandha post importanti fi żmien il-Milied. Fil-qosor nista' ngħid, li l-festi tal-Milied iġibu żmien sabiħ. Filwaqt li nagħraf dan kollu, u wieħed jieħu gost b'dan, diversi familji se jkunu qegħdin jiċċelebraw dan il-Milied u sfortunatament hemm numru ta' persuni/familji li l-Milied għalihom huwa għafsa ta' qalb. Daqskemm hawn persuni jifirħu fil-Milied, hawn persuni/familji oħra li għalihom il-Milied huwa żmien diffiċli. Hawn familji li ma jistgħux jifirħu f 'dan il-Milied għaliex matul din is-sena tilfu lil xi ħadd għażiż fil-ħajja tagħhom. Hawn familji li għalihom il-Milied huwa diffiċli għaliex xi membru fil-familja tagħhom għandu problema ta' dipendenza bħalma huwa l-alkoħoliżmu u min ħadem/ jaħdem ma' dawn il-persuni, jaf kemm il-Milied huwa sfida kbira għalihom. Hawn familji li għandhom xi mard, b'mod partikolari mard terminali bħalma huwa l-kanċer. Hawn numru ta' anzjani li huma weħidhom u f 'dan il-Milied se jkunu qegħdin jgħadduh weħidhom. Hawn persuni li jaħdmu/ jgħixu fostna minn pajjiżi oħra – ċittadini ta' pajjiżi terzi – imma fil-Milied se jħossuhom home sick għaliex iħossu n-nuqqas ta' pajjiżhom, lil uliedhom u d-drawwiet tagħhom. Fil-qosor, nista' ngħid li filwaqt li għal ħafna dan huwa żmien sabiħ, għal xi wħud dawn iż-żminijiet huma diffiċli. Dan kollu jista' jingħad fid- dawl meta qiegħed joħroġ ċar li d-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit qiegħed jikber sew fostna. Hawn min hu mejjet għal qatra u hawn min qiegħed fis-sakra, jitħanżer u jiffanga. Dan joħroġ ukoll ċar li fostna għandna diversi tfal li qegħdin jitolbu lil Santa Klaws jagħtihom affarijiet li għal oħrajn huma normali u mhux denji tal-apprezzament tagħhom. Għaldaqstant, bħala soċjetà li tipprova tkun soċjetà inklussiva/ħanina – a caring society – nagħmlu tajjeb li niftakru f 'dawn il-persuni/ familji. Imma mhux biżżejjed li nagħtu donazzjoni f 'diversi kampanji u maratoni li jkollna f 'dawn iż-żminijiet, b'mod speċjali għall-Istrina, imma li jkollna attitudni ta' inklużjoni u empatija. Tajjeb li nuru s-solidarjetà mal-oħrajn mhux biss f 'dawn il-ġranet imma matul is-sena kollha, anke meta jkun diffiċli li nagħmlu dan. Bħala ċittadin u wisq aktar bħala politiku se nkompli nagħti l-kontribut tiegħi biex nippromovi l-politika ta' solidarjetà u wens. Sfortunatament, diversi jħarsu lejn il-politika bħal donnha ġlieda bejn kelb u qattus. Il- politika hija mod kif wieħed jista' jaħdem bl-onestà biex jagħmel is-soċjetà tagħna aktar ħanina, aktar ġusta u aktar inklussiva. Din il-politika ta' wens issir meta jkun hemm, mhux biss qsim ġust tal-ġid komuni u titrażżan il-korruzzjoni, imma anke li jkun hawn strutturi u miżuri li jgħinu lill-persuna tqum fuq riġlejha u timxi 'l quddiem. Nistieden lil kulħadd biex jifhem li jekk bil-Malti ngħidu li kull qatra tgħodd, hekk ukoll is- sehem ta' kull wieħed u waħda minna jagħmel differenza. Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura l-isbaħ xewqat ta' dawn iż-żminijiet lil kulħadd. Jalla l-ispirtu tal-Milied inħalluh jibqa' magħna matul il-ġranet kollha tas-sena li ġejja fuqna. Awguri minn qalbi. "Tajjeb li nuru s-solidarjetà mal- oħrajn mhux biss f 'dawn il-ġranet imma matul is- sena kollha, anke meta jkun diffiċli li nagħmlu dan."