MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 9 March 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1533083

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 9 TA' MARZU 2025 07 'Ir-realtà hija li r-reġjun irid jaċċetta li hawn theddida ta' sigurtà u iva għandu jipprepara għaliha' IL-POLTIKA MALTIJA FUQ L-AFFARIJIET BARRANIN TIDHER NAQRA AMBIGWA BĦALISSA, AĦNA NEWTRALI IŻDA KIEN HEMM ĊIRKOSTANZI FEJN IPPERMETTEJNA AJRUPLANI MILITARI JIEQFU FUQ MALTA. PN FIL-GVERN SE JKUN AKTAR ĊAR TA' X'INHI L-POLITIKA BARRANIJA GĦALL-PAJJIŻ? U KIF? Irrid ngħid li fil-fehma tiegħi, il- kostituzzjoni tagħna mhix ambigwa, hi ċara ħafna. Tgħid li pajjiżna hu stat newtrali, hu stat li dejjem irid jaħdem għall-paċi u s-sigurtà, u huwa stat li jħaddan politika ta' nonallinjament. Allura meta nitkellmu kif "mhux ċara", ma naqbilx. Il-kostituzzjoni hi ċara ħafna, tant li tgħid f 'post speċifiku li Malta m'għandhiex tintuża bħala bażi militari, u m'għandhiex tippermetti l-faċilitajiet militari milli jintużaw minn forzi barranin. Allura iktar milli ngħid li l-kostituzzjoni tagħna mhix ċara, naħseb huwa l-aġir tal-Gvern li mhux ċar u kultant ambigwu. Mhux ċar għax il-Gvern jgħid li jrid iħares in-newtralità mbagħad ikollok okkażjonijiet fejn qamu mistoqsijiet serji dwar jekk il-Gvern hux jassigura jekk hux vera qed tkun imħarsa. Staqsejt fuq l-ajruplan militari li tħallew jieqfu Malta, jew anke jgħaddu minn territorji Maltin, u l-opinjoni tiegħu hi li minflok nitkellmu nappella lill-Gvern ikun ċar mal-poplu Malti, u Għawdxi, u jassigura li l-kostituzzjoni ta' Malta tiġi mħarrsa. Allura r-risposta tiegħu allura hi li Gvern Nazzjonalista, li ġaladarba l-kostituzzjoni tagħna tibqa' kif inhi, se jibqa' jassigura li dawn il-prinċipji jiġu mħarsa. BĦALISSA QEGĦDIN XHUD TA' BOSTA GWERER, U ANKE VIĊIN ĦAFNA TAGĦNA. TAĦSEB LI GĦANDNA NIBQGĦU NEWTRALI, JEW TAĦSEB LI WASAL IŻ-ŻMIEN IKOLLNA POŻIZZJONIJIET ĠEO- POLITIĊI AKTAR ATTIVI? Ir-realtà hija li jekk inħarsu lejn il- klawsola tal-kostituzzjoni tagħna dwar in-newtralità, bl-Ingliż ngħidu "it served our country well". Iżda ma jfissirx illi tkun newtrali, tkun indifferenti. Naħseb tul is-snin bħala pajjiż irnexxielna, konna għaqlin u kapaċi biżżejjed bħala nazzjon illi nagħrfu propju dan. Jekk naraw x'qed jiġri bħalissa jkun żball kbir jekk ninterpretaw in-newtralità tagħna bħala li nkunu indifferenti għal dak li seħħ tliet snin ilu, u għadu għaddej sal-lum, fejn kellek gwerra ddikjarata mir-Russja fuq stat sovran, l-Ukrajna, u wkoll it-traġedja li sfortunatament li baqgħet għaddejja wara deċennji f 'Gaża. M'għandniex inħarsu lejn in- newtralità bħala xi ħaġa li xxekkilna milli nikkundannaw dak li huwa ħażin. X'nagħmlu b'dik il-kundanna li hija l-isfida kbira ta' Malta, bħala stat newtrali. Xi rwol għandha Malta biex naslu għal soluzzjonijiet? Billi tinvolvi ruħha b'mod militari f 'dawn il-konflitti? L-istorja għallmitna li pajjiżi newtrali bħal Malta kien katalist li wassal għat- tmiem tal-gwerra l-bierda fl-1989 bil- biċċa ta' Bush u Gorbachev ġewwa pajjiżna. Allura Malta bħala pajjiż newtrali ħadet dak l-irwol tant u tant importanti. Imma nenfasizza li bħala pajjiż għandna l-obbligu illi ninkundannaw dak li manifestament ħażin, għandna l-obbligu li nikkundannaw dak li huwa ksur tad-drittijiet internazzjonali, għandna l-obbligu li nikkundannaw il-ksur tad- drittijiet fundamentali tal-bniedem fil- gwerer għaddejjin madwarna u għandna l-obbligu li nikkundannaw dak kollu li hu ħażin, b'mod partikolari dak li qed isir ġewwa l-Ukrajna, u t-traġedja li għaddejja bħalissa ġewwa Gaża. ALLURA KIEKU INTI QIEGĦED FIŻ- ŻARBUN TA' IAN BORG, X'KONT TAGĦMEL DIFFERENTI? Kont inkun aktar ċar milli kien il- Gvern fl-ewwel sigħat wara l-inċident diplomatiku li seħħ bejn il-President Donald Trump u l-President Zelenskyy. Naħseb li l-Gvern Malti, sabiex ikun konsistenti mal-Gvernijiet Maltin ta' qablu matul is-snin, kellu l-obbligu li jirreaġixxi. Ma jfissirx li Malta ma tibqax katalist biex naslu għall-paċi, u Malta ma jistax ikollha l-irwol li tqarreb ir-Russja u l-Ukrajna lejn soluzzjoni għal din il- gwerra. Però, fil-fehma tiegħi, il-Gvern kaxkar saqajh biex jieħu pożizzjoni. Ftit it bdejna naraw lill-Gvern jipprova jieħu xi tip ta' pożizzjoni, fis-sens li reġa' beda jtenni l-kundanna tiegħu ta' tliet snin. DONALD TRUMP DIĠÀ QED JABBANDUNA L-ALLEATI TIEGĦU FIN-NATO. GĦANDHOM MALTA U L-UE JIBDEW JIPPREPERAW RUĦHOM GĦAL DAN L-AVVENIMENT? GĦAX KIF RAJNA S'ISSA DAN HUWA PRESIDENT LI MA TANTX TISTA' TBASSAR X'SE JAGĦMEL. L-istorja tar-reġjun tagħna fl-aħħar tliet snin turi kemm hu importanti li nkunu preparati għat-theddida reali tas- sigurtà. Ħadd ma kien jemmen li wara t-tmiem tal-gwerra l-bierda, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien se jkollna sitwazzjoni mill-ġdid fejn pajjż Ewropew jinvadi ieħor. Kien hemm it-tama li dawk it-traġedji ma nerġgħux narawhom. Allura r-realtà hija li r-reġjun illum għandu sitwazzjoni quddiemu li bilfors irid jaċċetta li hawn theddida ta' sigurtà u iva għandu jippreprepara għaliha. Irrid ngħid li l-PN ilu jgħid dan, b'mod konsistenti għal diversi xhur. Kulħadd jiakar kif fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, meta għedna li Malta għandha bżonn id-difiża, flimkien mal-Unjoni Ewropea, kellna lill-Prim Ministru Robert Abela li kien qed jgħid li l-PN irid jibgħat lil uliedhom biex jinqatlu fil-gwerer ta' ħaddieħor. Issa għandna sitwazzjoni fejn l-istess Prim Ministru qed jgħid li rridu bħala pajjiż nżidu n-nefqa fuq l-armata tagħna, fuq id-difiżi u fuq il-mezzi li bihom niddefendu pajjiżna mhux biss f 'attakki militari. Illum it-theddida tiġi wkoll mill- kriminalità organizzata fuq is-sigurtà ta' pajjiżna, tiġi mill-possibilitajiet ta' cyber attacks, tiġi mid-dipendenza fuq is-sorsi ta' enerġija u l-mod kif l-enerġija tidħol fil-pajjiżi ta' madwarna ... Għalhekk il- PN kien lest li nibdew niddiskutu kif ħa nsaħħu d-difiża b'mod ġenerali tal-pajjiż. Il-Prim Ministru Robert Abela qed jiġi fi kliemna, li pajjżna għandu jħares u jkollu n-nefqa adekwata biex jassigura d-difiża. MALTA ILHA TIBBENEFIKA MINN FONDI TAL-UE, IŻDA FL- AĦĦAR SNIN RAJNA DRABI FEJN BRUSSELL TĦASSEB DWAR L-ALLEGAZZJONIJIET TA' KORRUZZJONI U N-NUQQAS TAL-INFURZAR TAS-SALTNA TAD- DRITT. GĦALKEMM ĦADD MA ĠIE JGĦIDILNA ĦA NAQTGĦULKOM IĊ-ĊEJĊA, XORTA SEMMEW IL- POSSIBBILTÀ LI JINQATGĦU DAWN IL-FONDI. GVERN NAZZJONALISTA KIF SE JIMBOTTA REPETUZZJONI AĦJAR FUQ IL-MEJDA EWROPEA? Naħseb wieħed mill-akbar obbligi li għandu gvern hu li jkollu governanza tajba, u anke fejn jidħol fuq l-infiq pubbliku, u infiq li jiġi mill-Unjoni Ewropea. Kif għidt inti, l-UE għandha l-mekkaniżmu biex tieħu azzjoni jekk tara li jkun hemm abbuż fl-infiq ta' dawn il-fondi. Allaħares naslu għal dan il-punt, u l-UE tieħu dik l-azzjoni bħalm'għamlet ma' stati membri oħra minħabba nuqqas ta' governanza tajba. Għalhekk il-kelma tal-Partit Nazzjonalista hija sempliċi ħafna. Aħna waħda mill-pilastri tagħna tkun li nagħmlu użu minn fondi tal-pajjiż b'mod bilgħaqal, mingħajr abbuż. Hija sfida għal kull gvern, imma hija sfida li dan il-gvern żgur falla fiha. Sfortunatament, għadna nisimgħu sal- ġurnata tal-lum b'każijiet ta' korruzzjoni li twassal għal infiq ta' miljuni b'mod ħażin. Se nsemmi l-każijiet tal-isptarijiet Maltin, fejn il-Gvern Malti litteralment berbaq miljun ta' flus. Dan, taħt Gvern Nazzjonalista, ma jseħħx.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 9 March 2025