MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 22 June 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1536637

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 22 TA' ĠUNJU 2025 07 X'taħseb li wassal lill-Awtorità tal- Ippjanar sabiex tirrevedi l-Local Plans wara 19-il sena? Taħseb li verament issa hemm il-bżonn ta' dan jew issa tard wisq? Il-passat donnu garanzija tal-futur; m'għandi l-ebda dubju li l-Awtorità, jew aħjar dawk li jikkontrollaw l-Awtorità, se jisfruttaw u jikkontaminaw il-proċess tal- emendi u r-reviżjonijiet tal-Local Plans biex iservu lil xi żviluppaturi. Il-Local Plans mhumiex il-problema per se. Il- problema hija l-interpretazzjonijiet tal- policies li ħafna drabi jkunu ppreġudikati favur ċerti żviluppaturi u proġetti. Ċertament hemm bżonn ta' ppjanar aħjar; ippjanar li ovvjament jeħtieġ li jkun ħolistiku u mhux organiku; u fl- interess ta' kulħadd. Fis-sottomissjoni ta' Din l-Art Ħelwa waqt il-konsultazzjoni pubblika tal- proġett imsemmi kien enfasizzat il-bżonn li l-art agrikola tiġi ppreservata. Taħseb li l-awtoritajiet ikkonċernati qegħdin jaħdmu biżżejjed fuq din il-kwistjoni? X'jista' jsir sabiex dan jiġi inforzat iżjed? Aħna l-Maltin, għandna tendenza nipproġettaw lil Malta bħala ċ-ċentru tad-dinja; qisna m'għandniex limiti jew fruntieri. Fil-fatt, fid-dokument riċenti Viżjoni 2050 hemm indikazzjonijiet li diġà hemm xi forma ta' qafas jew pjan għal reklamazzjoni tal-art fil-baħar. Irridu naċċettaw li hemm limitu kemm nistgħu nespandu anke f 'termini ta' popolazzjoni. Irridu nippjanaw sew u bis-serjetà għal din l-eventwalità. L-art agrikola hija limitata immens u għalhekk hija imprezzabbli, xi ħaġa li dawk li ġew qabilna kienu konxji tagħha. Tant hu hekk illi kull biċċa art f 'Malta u Għawdex kienet tiġi mdawra bil- ħitan tas-sejjieħ u kienet tiġi maħduma. Kienet kwistjoni ta' sopravivenza. Illum ukoll tista' tkun kwistjoni ta' sopravivenza. Konvint li fil-Covid kulħadd apprezza u ħass l-importanza u l-ħtieġa għal aċċess għall-ambjent naturali, kemm għas- saħħa mentali, kif ukoll għas-saħħa fiżika. Nipponta subgħajja nerġa' lejn l-Awtorità tal-Ippjanar li tipprijoritizza ċerti policies minflok il-kuntest ġenerali. Pereżempju kellna każijiet fejn approvaw permess biex iwessgħu triq f 'post rurali; irrakkomandaw ukoll permessi ta' twaqqigħ ta' bini storiku u kulturali f 'UCA flimkien mat-teħid ta' raba' agrikola biex tiġi żviluppata. Hemm nuqqas ta' inforzar; iżda l-problema ġejja aktar mill-permessi tal-bini li qegħdin joħorġu. Temmen li l-proposta li l-pixxini jsiru ancillary facilities għandha x'taqsam mal-kwistjoni tal-pixxina illegali tal-Ministru Ian Borg? Kif għedt qabel, donnu l-passat garanzija tal-futur, u allura kollox jista' jkun. Xorta nemmen li trid tara kull każ għalih; trid tara l-kuntest u diversi fatturi oħra, inkluż id-disinn biex tevalwa proġett. Għalhekk m'iniex inklinat li neskludi kull possibbiltà għal permess ta' pixxina f 'ODZ. Fi kwistjonijiet bħal fuq tal-art f 'Tal-Bebbux, kif jistgħu attivisti jegħlbu l-interess personali tal- politikanti? Qabel kollox trid tara jekk kienx hemm xi interess personali ta' xi politikant! Fil- każ tal-art f 'Tal-Bebbux huwa dnub kbir li art pubblika u agrikola ngħatat mill- Gvern lill-privat għall-bini; art li kienet qed tinħadem għal snin twal u li għadha qed tinħadem. F'każijiet bħal dawn trid issir pressjoni kontinwa kontra l-kurrent. Fil-proposta Vision 2050 tingħata attenzjoni lill-ambjent, speċifikament fuq ir-reklamazzjoni tal-art. Din il-miżura hija l-aħjar pass 'il quddiem jew ħa twassal sabiex iżjed ma nagħtux kas dak li għandna? Kif għedt qabel, m'għandniex pjan ħolistiku għal Malta u Għawdex li jittratta l-infrastruttura, il-popolazzjoni, u t-traffiku, fost suġġetti oħrajn. L-impressjoni li ħadt mid-dokument kienet li l-viżjoni hija ispirata minn interessi kummerċjali. Pereżempju hemm referenza għan-numru ta' turisti li suppost irridu nippjanaw għalihom sal-2035: 4.5 miljun. Din il-figura żgur ittieħdet mir- rapport ta' Deloitte "Carrying Capacity Study for Tourism in the Maltese Islands" (2024) fejn ikkwotaw il-bedstock li diġà nafu li se jkun hawn (inkluż il-permessi li għadhom ma ħarġux) u mhux għax Malta tiflaħ għalihom! Mhux se nsolvu l-problemi tat-traffiku, tad-dranaġġ, tal-carrying capacity tat-turiżmu, tal- iskart, tal-enerġija, tal-ilma, jew tal- kostruzzjoni billi nirreklamaw l-art mill- baħar. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha bżonn direzzjoni u saħħa politika biex tħares l-interessi ta' kulħadd. 'L-Awtorità tal-Ippjanar għandha bżonn direzzjoni u saħħa politika biex tħares l-interessi ta' kulħadd' Aħna l-Maltin, għandna tendenza nipproġettaw lil Malta bħala ċ-ċentru tad-dinja; qisna m'għandniex limiti jew fruntieri. Irridu naċċettaw li hemm limitu kemm nistgħu nespandu anke f 'termini ta' popolazzjoni. Irridu nippjanaw sew u bis-serjetà għal din l-eventwalità.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 22 June 2025