MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 22 June 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1536637

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

opinjoni IL-ĦADD 22 TA' ĠUNJU 2025 • illum 08 Kważi 800 sewwieq jinqabdu jsuqu vettura mhux assigurata fl-2024 23 każ ta' omiċidju volontarju mhux solvut mill-2003 'l hawn SEAN FENECH Jidher illi fl-2024, kien hemm total ta' 788 persuna li nqabdu jsuqu vetturi li ma kinux koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Dan in-numru jirrappreżenta żieda min-numru ta' nies li nqabdu fis-sena preċedenti, jiġifieri mill-2023. Dil-informazzjoni hi meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru għall- Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall- Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo. Fil-mistoqsija tiegħu, Bartolo staqsa lill-Ministru biex "jgħid kemm inqabdu sewwieqa jsuqu mingħajr polza tal-assikurazzjoni minn uffiċjali tal-Pulizija, tal- LESA jew minn Transport Malta". Il-Ministru wieġeb billi pprovda tabella bil-figuri mitluba. Iżda huwa interessanti li wieħed jinnota li minkejja t-taħrikiet inħarġu minn uffiċjali ta' tliet entitajiet, jiġifieri l-pulizija, il- LESA, u Transport Malta, iċ-ċifri ġew mis-sistema tal-LESA. Dan jimplika li l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' taħrikiet tat-traffiku jinġabru fis-sistemi tal-LESA, hu min hu l-uffiċjal li ħareġ it-taħrika. Għalkemm l-2024 tirrappreżenta tnaqqis mis-sena rekord tal-2021, xorta waħda n-numri jirrappreżentaw żidiet gradwali sena b'sena. Miċ-ċifri mogħtija, fl-2020 kien hemm 227 taħrika lil sewwieqa li nqabdu jsuqu vettura mhux assigurata. Din iċ-ċifra splodiet fis-sena ta' wara, jiġifieri fl-2021, is-sena rekord miċ-ċifri pprovduti, fejn b'kollox ħarġu 939 taħrika. Dan in-numru naqas ġmielu fis-sena ta' wara, jiġifieri fl-2022, fejn b'kollox inħarġu 481 taħrika. Dan in-numru reġa' żdied sew fl-2023, fejn b'kollox ingħataw 763 taħrika, sakemm fl-aħħar, fl-2024, in-numru ta' taħrikiet laħaq is-788, li hija żieda minima mis-sena ta' qabel. Barra min-numru ta' persuni li nqabdu jsuqu vettura mhux assigurata bejn l-2020 u l-2024, il-Ministru ta wkoll in-numru ta' nies li ġew immultati għax ħallew lil xi ħaddieħor isuqilhom il-vettura mingħajr ma jkunu koperti minn polza ta' assigurazzjoni. Iċ-ċifri pprovduti wkoll juru stampa interessanti fejn in- numru ta' taħrikiet qed jiżdied sena b'sena. Fil-fatt fil-bidu tal- informazzjoni pprovduta, jiġifieri fis-sena 2020, kien hemm b'kollox 35 taħrika ta' din in- natura. Din żdiedet f 'salt fis- sena ta' wara, jiġifieri fl-2021, fejn b'kollox ġew irreġistrati 191 taħrika. Dan-numru naqas għal 104 taħrikiet fis-sena ta' wara, jiġifieri fl-2022, sakemm reġa' żdied sinifikament fl-2023 għal 187 taħrika. Fl-aħħar, fis-sena 2024, in- numru ta' taħrikiet laħaq il-256 taħrika, li tagħmilha s-sena rekord fl-informazzjoni mogħtija mill-Ministru. Jidher illi mill-2003 s'issa kien hemm 23 każ ta' omiċidju volontarju li baqa' mhux solvut. B'kollox kien hemm total ta' 106 każijiet ta' omiċidju volontarju fis-snin li qed nirrappurtaw dwarhom, jiġifieri mill-2003 sas-6 ta' Mejju tal-2025. Dan ifisser li l-każijiet mhux solvuti jirrappreżentaw 22% tal-każijiet kollha ta' omiċidju volontarju. Tajjeb ngħidu wkoll illi, skont l-informazzjoni mogħtija, ma kien hemm l-ebda każ ta' omiċidju volontarju fis-snin 2003 u 2006. Sfortunatament, però, l-informazzjoni pprovduta ma tagħtix idea ta' kemm kien hemm vittmi b'kollox, iżda n-numru ta' każijiet biss. Dil-informazzjoni hija meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula mill- Membru Parlementari Davina Sammut Hili lill-Ministru Byron Camilleri. X'inhu l-omiċidju volontarju? Għall-fini taċ-ċarezza, dil-gazzetta tixtieq tispjega eżattament xi jfisser omiċidju volontarju. Skont il-Kodiċi Kriminali, l-omiċidju volontarju huwa meta xi ħadd intenzjonalment jikkaġuna l-mewt ta' persuna. Dan jista' jsir jew "bil-ħsieb li joqtol persuna jew li jqiegħed il-ħajja tagħha f 'periklu ċar". Iżda l-liġi għandha wkoll klawsoli ta' meta omiċidju volontarju jista' jiġi skużat. Eżempji ta' dawn il-każijiet huma meta l-qtil ikun ipprovokat minn offiża gravi fuq il-persuna jew meta xi ħadd ikun qed jaġixxi "taħt l-influwenza immedjata ta' passjoni istantanja jew aġitazzjoni tal- moħħ". 83 każ ta' omiċidju volontarju solvut Iżda biex ma nagħlqux dan l-artikolett b'togħma morra, tajjeb ngħidu wkoll li l-maġġoranza assoluta tal-każijiet ta' omiċidju volontarju huma solvuti. Fil-fatt, minn 106 każijiet ta' omiċidju volontarju, 83 minnhom huma solvuti. F'termini ta' persentaġġ. dan ifisser li 78 fil- mija tal-każijiet kollha huma solvuti. Fl-aħħar, nixtiequ nagħlqu billi ngħaddu l-osservazzjoni li kull każ ta' omiċidju volontarju mis-sena 2018 sal-aħħar data fl- informazzjoni mogħtija ġie solvut. Għalkemm l-2024 tirrappreżenta tnaqqis mis-sena rekord tal-2021, xorta waħda n-numri jirrappreżentaw żidiet gradwali sena b'sena Minn 106 każijiet ta' omiċidju volontarju, il-maġġoranza assoluta huma solvuti — iżda għad hemm 23 każ mhux solvut

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 22 June 2025