MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 5 October 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540093

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 15

aħbarijiet illum • IL-ĦADD 5 TA' OTTUBRU 2025 05 Bidla storika fil-Kulleġġ San Alwiġi: L-ewwel ġenerazzjoni ta' bniet u l-ewwel rettur lajk Il-Kulleġġ San Alwiġi jiftaħ kapitlu ġdid u storiku billi jintroduċi l-edukazzjoni koedukattiva fil-livell tas-Sekondarja u jaħtar għall-ewwel darba mara lajka bħala Rettur "Nixtieq li jħossuhom siguri, rispettati, u mħeġġa biex jagħtu l-aqwa tagħhom. Il-preżenza tagħhom mhux biss se tarrikkixxi l-esperjenza tagħhom stess, iżda wkoll lis-subien, għax meta tfal jikbru flimkien f 'ambjent ta' kollaborazzjoni, rispett, u solidarjetà, jitwaqqfu relazzjonijiet aktar sodi u bbilanċjati." JAELLE BORG Il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti, San Alwiġi, din is-sena fetaħ kapitlu ġdid u storiku: wara 118-il sena ta' tradizzjoni, issa l-bibien tiegħu nfetħu wkoll għall- bniet fil-livell tas-Sekondarja. Din id-deċiżjoni, li għal ħafna ġiet meqjusa bħala pass kuraġġuż, tagħti sinjal ċar ta' kif l-edukazzjoni Ġiżwita qed timxi mal-ħin u tibqa' fidila għall-valuri tagħha filwaqt li tadatta għall-ħtiġijiet ta' soċjetà moderna. Fi kliem ir-rettur, il-Kulleġġ San Alwiġi dejjem kellu r-reputazzjoni tiegħu bħala istituzzjoni li tipprepara mhux biss studenti akkademikament iżda wkoll bħala "irġiel għall- oħrajn", kif jispiraw il-Ġiżwiti. Iżda llum, il-mistoqsija nbidlet: għaliex mhux ukoll bniet u nisa għall-oħrajn? Din il-bidla ma kinitx waħda f 'daqqa. Sa mill-2017-2018, il-Primarja kienet diġà saret koedukattiva, u s-Sixth Form sa mill-bidu tagħha kienet mibnija fuq il-prinċipju ta' inklużjoni. Illum, permezz ta' dan il-pass fis-Sekondarja, l-esperjenza edukattiva tal-Kulleġġ tingħaqad fi ħsieb wieħed u ssaħħaħ il- vokazzjoni tiegħu li jkun spazju fejn kull student — subien u bniet — jista' jikber b'mod sħiħ. F'dan il-mument storiku, il-gazzetta ILLUM kellha l-opportunità titkellem mal- ewwel Rettur mara u lajka tal-Kulleġġ San Alwiġi, Dr Maria Montebello. F'intervista esklussiva, hija qasmet il-ħsibijiet, il-viżjoni u l-ambizzjonijiet tagħha għall-bidla li għaddejja minnha l-istituzzjoni. Il-viżjoni għall-ewwel ġenerazzjoni ta' bniet L-ewwel ġenerazzjoni ta' bniet għandha valur storiku u simboliku. Huma l-pijunieri li se jħallu l-marka tagħhom fuq il-ħajja tal-Kulleġġ u fuq storja ġdida li issa bdiet tikteb paġni differenti. Ir-Rettur il-ġdid saħqet li dawn il-bniet għandhom jidhru, mhux bħala mistednin jew parteċipanti ġodda, iżda bħala membri sħaħ tal-komunità edukattiva: "Nixtieq li jħossuhom siguri, rispettati, u mħeġġa biex jagħtu l-aqwa tagħhom. Il- preżenza tagħhom mhux biss se tarrikkixxi l-esperjenza tagħhom stess, iżda wkoll lis-subien, għax meta tfal jikbru flimkien f 'ambjent ta' kollaborazzjoni, rispett, u solidarjetà, jitwaqqfu relazzjonijiet aktar sodi u bbilanċjati." L-ewwel Rettur lajka u mara Din il-bidla ma kinitx biss fil-kompożizzjoni tal-istudenti, iżda wkoll fil-mexxejja. Għall- ewwel darba fl-istorja tal- Kulleġġ, ġiet maħtura mara lajka bħala Rettur. Huwa pass li qed jitqies bħala wieħed mill- aktar sinifikanti, mhux biss għal San Alwiġi iżda wkoll għall- edukazzjoni Kattolika f 'Malta. Il-messaġġ tagħha hu ċar: "Inħossni onorata u umli ħafna li qiegħda f 'din il-kariga. Mhux biss għax qed nieħu f 'idejja istituzzjoni ta' 118-il sena ta' tradizzjoni, iżda wkoll għax bħala l-ewwel mara u l-ewwel lajka qed inġorr piż simboliku ta' bidla. Dan hu sinjal ta' fiduċja mill-Ġiżwiti li għandhom il- kuraġġ jiftħu kapitlu ġdid u jafdaw din ir-responsabbiltà lil persuna minn barra l-Ordni." Għaliha, din mhijiex biss ħatra personali, iżda wkoll ġest ta' tama: li f 'istituzzjonijiet tradizzjonali bħal dawn, il- lajċi u n-nisa jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom b'mod sinifikanti. Bidla u kontinwità Fl-aħħar messaġġ tagħha, Dr Montebello enfasizzat l-importanza li nibqgħu sereni u kburin bil-Kulleġġ tagħna, u li l-bidla hi parti naturali mill-ħajja ta' kull istituzzjoni b'saħħitha. Qalet li l-bidla mhix se sseħħ fil-valuri, iżda fil-mod kif jitħaddmu, u ppreżentat messaġġ ta' fiduċja u tama li juri li l-Kulleġġ San Alwigi se jibqa' l-istess familja edukattiva li dejjem kienet — fejn l-istudenti jitgħallmu, mhux biss biex jgħaddu mill-eżamijiet, imma biex jgħixu ħajja isħeħ. Fl-istess ħin, qalet li llum għandna l-kuraġġ ngħidu li dik il-ħajja sħiħa hi għal kulħadd, subien u bniet, u li l-inklużjoni hi parti mill-identità tagħna. Lill-familji spjegat li kull deċiżjoni hi mmexxija mill- prinċipju tal-cura personalis, jiġifieri l-ħsieb sħiħ tal-persuna kollha, mhux biss tal-moħħ, imma wkoll tal-qalb u l-ispirtu. U lill-istudenti rrimarkat li għandu jinkoraġġixxi l-għejxien tal-valuri Injazjani ta' kompetenza, kuxjenza, kompassjoni, u impenn. Hekk biss jista' jinbena futur tassew għall-ġid ta' kulħadd. Lejn futur aktar inklużiv Illum, il-Kulleġġ San Alwiġi mhux biss fetaħ il-bibien tiegħu għall-bniet, iżda fetaħ ukoll kapitlu ġdid fil-mod kif il-komunità edukattiva kollha tħares lejn il-valuri Ġiżwiti. F'soċjetà li dejjem aktar qed tagħraf l-importanza ta' ugwaljanza u inklużjoni, din id-deċiżjoni timxi id f 'id mal- ħtieġa li n-nuqqas ta' barriera bejn is-subien u l-bniet ikun parti mill-formazzjoni personali u spiritwali tagħhom. Il-bidliet fil-Kulleġġ jistgħu jitqiesu bħala sfida, iżda huma wkoll opportunità: opportunità li tikkonferma li l-edukazzjoni Ġiżwita hi verament għal kulħadd, u li tkompli tibni ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ — subien u bniet — li jħarsu lejn il-futur b'kuraġġ, responsabbiltà u impenn lejn il-ġid komuni. L-ewwel Rettur mara u lajka tal-Kulleġġ San Alwiġi, Dr Maria Montebello

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 5 October 2025