MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 26 October 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540706

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 15

13 arti u kultura IL-ĦADD 26 TA' OTTUBRU 2025 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Żejt iż-Żejtun: Festa li tgħaqqad storja, kultura u identità Qalb żgħira, ġest kbir — Il-lemonade ta' Rhyson għal Puttinu Iż-Żejtun jilbes il-libsa folkloristika tiegħu għal Żejt iż-Żejtun, il-festa ta' tradizzjoni, kultura u identità li tgħaqqad il-komunità u tfakkar l-għeruq storiċi tal-belt fil-produzzjoni taż-żejt u ż-żebbuġ JAELLE BORG Il-belt storika taż-Żejtun qed terġa' tilbes il-libsa folkloristika tagħha hekk kif nhar is-Sibt 25 ta' Ottubru, mis-7 ta' filgħaxija 'l quddiem, u l-Ħadd filgħodu, se ssir il-festa maħbuba Żejt iż-Żejtun — ġabra vibranti ta' tradizzjoni, kultura u għaqda komunitarja li tfakkar l-għeruq tal-belt fil-produzzjoni taż- żejt u ż-żebbuġ. Matul tmiem il-ġimgħa, toroq sħaħ taż-Żejtun se jimtlew b'wirjiet, kant, għana, arti, ikel tradizzjonali u attività għal kull età. Din mhix biss festa folkloristika; hija ċelebrazzjoni tal-identità taż-Żejtun u tal-wirt Malti kollu, li tqajjem memorji u toħloq rabta bejn il-passat u l-preżent. Meta tkellimna mas-Sindku taż- Żejtun, Joan Agius, spjegat kif kollox beda b'idea sempliċi li matul is-snin kibret f 'avveniment ta' fama nazzjonali. "Madwar 21 sena ilu rċevejna ittra fil- Kunsill fejn staqsew jekk għandniex xi attivitajiet kulturali li nistgħu nagħmlu għal-lokalità," tiakar is-sindku. "Dak iż-żmien is-Sindku kien Joe Attard, u kien ħawwel ħafna siġar taż-żebbuġ, u hekk beda kollox." Mill-ewwel edizzjoni, li saret 19-il sena ilu, Żejt iż-Żejtun laħaq suċċess immedjat. Minn attività żgħira, il- festa kibret gradwalment u llum tospita wirjiet li jinkludu anke gruppi barranin — din is-sena se jieħdu sehem 14-il grupp minn barra li se joffru wirjiet u attivitajiet mużikali. Żejtun hija kelma ta' oriġini Għarbija li tfisser iż-żebbuġ — il- frotta u s-siġra li għal sekli kienu l-qalb tal-ekonomija u tal-ħajja Maltija. Minkejja li l-produzzjoni taż- żejt mhijiex daqshekk estensiva bħal qabel, is-siġra tibqa' simbolu storiku, kulturali u emozzjonali importanti għal-lokalità. "Kull lokalità għandha l-identità tagħha, u tagħna tinsab fil- kelma nnifisha," tispjega Agius. Il-festa tagħti wkoll spazju speċjali lit-tfal u ż-żgħażagħ. Permezz tal-Kids Club, it-tfal jitgħallmu dwar iż-żfin, logħob tradizzjonali u cras Maltin. Din is-sena, se jieħdu sehem ukoll tfal mill-Primarja B taż-Żejtun biex jiġbru fondi għal Fondazzjoni Nazareth. Fost l-istejjer li jmissu l-qalb hemm ukoll tifel ta' disa' snin, Rhysin li se jkun qed ibigħ il-lemonade flimkien ma' ommu, bil-flus kollha jmorru għal Puttinu Cares, u student ta' 16-il sena, Aiden Glanville, li kiteb ktieb u se jbigħu waqt il-festa. Il-wirt kulturali jkompli fl-arti u l-mużika, b'esebizzjonijiet fil-Knisja taż-Żejtun — magħrufa bħala l-"Katidral tal-Lvant" — kif ukoll fil- kunsilli tal-każini, li joffru wirjiet u arti tradizzjonali. Parteċipanti oħra jinkludu l-Istitut Ġesù Nazzarenu, fejn jilqa' familji li qed jaffaċċjaw sfidi soċjali. Il-Ħadd filgħodu se jerġa' jsir ukoll it-tberik tal-annimali fil-ġnien ta' San Girgor, flimkien ma' kompetizzjoni tal-mogħoż Maltin u tan-nagħag, kif ukoll dimostrazzjoni tal-proċess kif tinħaleb il-moghża, kollha akkumpanjati b'ikel tradizzjonali, mużika u kant. Il-festa se tinkludi anke reenactment storiku taż-żmien tal-blokok bejn l-1798 u l-1802, meta Ġużè Abela kien kaptan ta' reġiment ta' 375 raġel. Żgħażagħ libsin tal-epoka se jkunu qegħdin isajru u jirrakkontaw l-istorja ta' dak iż-żmien. "Żejt iż-Żejtun mhix biss festa," tgħid Joan Agius. "Hi ġabra ta' dak kollu li jagħmilna Żwieten: kultura, għaqda, rispett u memorja — kollha miġbura f 'żewġt ijiem ta' ferħ u tradizzjoni." Il- festa tkompli tkun mument ta' kburija għall-komunità u ċelebrazzjoni ta' wirt li jħalli impressjoni dejjiema f 'kull min iżur iż-Żejtun. Fil-qalba taż-Żejtun, tifel ta' disa' snin b'qalb kbira qed jagħmel differenza kbira b'tazza lemonade. Rhyson, student ċkejken imma b'ruħ kbira, waqqaf lemonade stand biex jiġbor fondi għal Puttinu Cares, il-fondazzjoni li tgħin tfal morda u l-familji tagħhom. L-idea, kif jgħid hu, ġiet b'mod sempliċi imma sinċier: "Il-mama kull sena kienet tagħti donazzjoni lil Puttinu u jien xtaqt nagħmel l-istess," qalilna Rhyson. Il-lemonade hi magħmula kollha bi mħabba u b'għajnuna minn ommu. "Il-mamà dejjem tgħinni nipprepara l-lemonade," spjega Rhyson. Iżda għalih, il-ħaġa importanti mhijiex kemm ibigħ, imma għal min qed jagħmel dan kollu. "Inħossni ferħan ħafna għax naf li Puttinu Cares se jkollhom il-flus biex ifiqu u jkomplu jieħdu gost magħna," żied jgħid, b'sens ta' empatija li jmur lil hinn mill-età tiegħu. Kull ċenteżmu li jiġbor ma jmurx fil-but tiegħu — iżda direttament għand it-tfal ta' Puttinu. "Immur niltaqa' ma' Angele u Renny u ntihom lit-tfal ta' Puttinu," jgħid b'ċerta kburija. "Nitgħallem li rridu ngħinu lil kulħadd." Tradizzjoni ta' ġenerożità fil-familja Meta tkellimna ma' ommu, kienet ċara li din il-ħaġa ma ġietx mill- vojt. Hija stess ilha snin tagħmel ġabriet għal Puttinu — u issa qed tara lit-tifel isegwi l-passi tagħha. "It-tifel ried jagħmel il-lemonade stand għall-birthday tiegħu għax kien ra xi video ta' tfal minn barra minn Malta," tiakar hi. "Għedtlu li hawn Malta, ma ssirx għax qisni bdejt niddejjaq min-nies, imma baqa' jgħidli u biex naqtagħlu xewqtu, u armajna mejda quddiem id- dar. Bgħatt xi ħbieb biex jiġu jixtru, u meta staqsejtu x'se jagħmel bil- flus, qal li jridhom bħala pocket money. Għedtlu li kieku jagħtihom lil ħaddieħor kien se jieħu gost ikbar — u hekk għamel." Dakinhar, Rhyson ġabar €1,200. Dak kien il-bidu ta' xi ħaġa ikbar. Is-sindku taż-Żejtun, li semgħet bil-ġest tiegħu, stiednet lit-tifel jagħmel il-lemonade stand waqt Żejt iż-Żejtun, l-attività li ssir kull sena fil-lokalità. "Ħassejtni kuntenta ħafna," tgħid ommu. "Jien ilni ħdax-il sena niġbor fondi għal Puttinu, u issa qed nara lit-tifel miexi fuq il-passi tiegħi." Komunità li tgħaqqad Il-proġett ta' Rhyson ma ġiex mingħajr għajnuna. Għadd ta' nies fiż-Żejtun taw sehemhom b'mod spontanju — min ġab il-lumi, min it-tazzi, u ħafna aktar. "Għentu ħafna, imma issa anke hu tgħallem jagħmel il-lemonade waħdu," tgħid hi. "Dan l-avveniment kien sfida kbira, imma l-komunità tassew qamet fuq saqajha biex tgħinna." Għall-omm, din l-esperjenza tat lezzjoni importanti lil binha: "Naħseb li tgħallem ikun qalbu tajba u jgħin lil min għandu bżonn. Għax fl-aħħar mill-aħħar, xi darba nistgħu nsibu ruħna fil-bżonn aħna wkoll." U fuq kollox, hi tħoss kburija kbira b'dak kollu li rnexxielu jagħmel. "Inħossni kburija bih. Hu motivat ħafna u għandu ġenn kbir biex tasal il-ġurnata tal-event. Jekk naraw ħafna nies jiġu jixtru mingħandu, ifisser li aktar tfal se jingħataw tama." Bl-għajnuna tal-familja u ta' ħafna nies ta' rieda tajba, Rhyson qed jirnexxilu jiġbor fondi għal Puttinu Cares — imma fuq kollox, wera li anke l-iktar pass żgħir jista' jġib bidla kbira. s-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 26 October 2025