MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 26 October 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540706

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 26 TA' OTTUBRU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea taqra Il-Qabar tal-Kaj, ktejjeb ġdid ta' Trevor Żahra li jittratta ċ-ċiklu inevitabbli tal-ħajja bil-kariżma tipika u s-sempliċità qarrieqa tal-awtur. Kafè u ktejjeb: il-kariżma kumpatta ta' Trevor Żahra Din il-ġimgħa kelli l-pjaċir naqra Il- Qabar tal-Kaj ta' Trevor Żahra. Dan hu parti minn kullana ġdida mingħand Merlin Publishers, magħmula minn kotba qosra disponibbli biss bħala ebook u bi prezz baxx. Chris Gruppetta tal-Merlin jispjega li l-intenzjoni ta' din il-kullana hi proprju li jkunu bħal "espresso", qari għal pawsa kafè li appuntu jiswa biss daqs kafè (jew tnejn). Jidhirli li din hi idea tajba kif tintegra l-letteratura fiż-żminijiet mgħaġġla li qed ngħixu fihom, fejn il-kotba qed jispiċċaw jikkompetu mal-ħeffa u l-istorbju tal-mezzi soċjali. Il-Qabar tal-Kaj hu magħmul minn erba' stejjer qosra, u hu maħsub bħala preludju għall-ktieb itwal ta' Trevor Żahra li ħiereġ aktar tard din is-sena, bit- titlu ta' 'Pinzellati'. Dawn l-istejjer huma fil-fatt parti minn sensiela ta' stejjer li l-awtur kiteb, waħda kuljum, għal sena sħiħa, tant li nsibu d-data mmarkata fit-tmiem tagħhom. Il-fatt li l-awtur kien qed jikteb storja kuljum tagħtihom kwalità konċiża u ħafifa, jaqbdu storja f 'erba' pinzellati. Trevor Żahra ilu għomru sħiħ ipaxxina bil-kitba tiegħu, u forsi mhux kumbinazzjoni li dawn l-istejjer jittrattaw iċ-ċiklu inevitabbli tal-ħajja sa ma l-protagonisti jaslu fi tmiem għomorhom. Niltaqgħu ma' sajjied prim li fi xjuħitu jiddeċiedi li jitlaq il-baħar u minflok iterraq l-art, buffu taċ-ċirku li biż- żmien ma jibqax idaħħaq, raġel li jibqa' jixxennaq għall-mara li jħobb mill- bogħod tul ħajtu kollha. Fl-istejjer insibu l-kariżma tipika ta' Żahra. Is-sempliċità tal-awtur għandha mnejn tidher ħafifa u bla sforz, iżda fil-fatt hi waħda mill-aktar affarijiet diffiċli li tinkiseb minn kittieb. L-awtur jeħtieġ li jagħżel l-essenzjali u b'hekk jolqot lill-qarrej b'dak li hu l-iktar rilevanti u effettiv. F'dawn l-istejjer Żahra jħaddem din il-ħila, għax kellu jiġbor f 'qasir żmien l-essenza ta' storja sħiħa. Fost l-oħrajn dan jagħmlu billi jsemmi elementi lokali li jankrawna mal- familjari u jqanqlu fina ċerta nostalġija. Fl-ewwel storja jiddeskrivi "s-siġar taż- żnuber u ċ-ċipress", "ir-riħa ta' żahar tal- larinġ", u "l-fjuri nexfin ġol-vażetti tal- ġamm" fiċ-ċimiterju. Fl-istejjer insibu wkoll taħlita ħelwa ta' melankonija u umoriżmu. Żahra jirrakkonta l-kors ta' ħajjet il- protagonisti b'mod mexxej u ħafif, iżda li jaqbad ukoll id-diqa taż-żmien li jgħaddi għal kulħadd. It-traġikummiedja fit-tieni storja dwar buffu li ma jibqax idaħħaq hi niffieda. Il-buffu jirnexxilu finalment idaħħaq il-folla meta tiġrilu traġedja tassew, u joħroġ fuq il-palk jolfoq għall-mewt tal- kelba tiegħu. L-aħħar storja, 'Enduring Love', hi ġawhra ċkejkna li ġabitli d-dmugħ f 'għajnejja. Hi miktuba b'tant sensittività kif ukoll immaġinazzjoni. Il-mod kif il-protagonist ipinġi cartoons fuq il-kotba skont it-titlu tagħhom hu divertenti, u jurina l-kwalità perfomattiva tal-kitba ta' Żahra. Hemm dik iċ-ċerta imqarbezza fit-ton ta' Żahra li bih jinvolvi lill-qarrej fil-logħba miegħu, anki meta jittratta suġġetti ta' diqa. Iżda Żahra daqstant ieħor jaqbad il- kundizzjoni umana — ix-xwejjaħ li, fi tmiem ħajtu, jingħaqad fl-aħħar ma' mħabbtu wara tant snin ta' tixniq, hu mument ta' tenerezza u għerf. L-awtur jirnexxilu jpinġilna s-sbuħija anki f 'sitwazzjonijiet ta' diqa jew dgħufija, fin-niket, fl-imħabba mhux reċiprokata, fix-xjuħija u t-tmiem inevitabbli tal- ħajja, u dan jagħmlu kittieb romantiku. Insibu ċerta rassenjazzjoni konċiljatorja fil-mod mexxej kif l-awtur jiddeskrivi ħajja sħiħa fi ftit paragrafi, bħal donnu biex nifhmu li kull ħajja inevitabbilment tgħaddi, u inutli nħabblu wisq rasna għax mhux f 'idejna d-destin. It-tmiem tal-ewwel żewġ stejjer inħass kemxejn sfurzat, bħallikieku l-awtur kien mgħaġġel biex jagħti għeluq ċar lill-istorja. Inħoss li dan ma kienx hemm bżonnu u l-istorja kienet diġà qed taħdem anki mingħajr tmiem inqas spjegat. Trevor Żahra għadu attiv u prolifiku wara karriera ta' kittieb ta' ħila u kariżma. Ħerqana wisq naqra l-ktieb tiegħu li jmiss. "Is-sempliċità tal-awtur għandha mnejn tidher ħafifa u bla sforz, iżda fil-fatt hi waħda mill- aktar affarijiet diffiċli li tinkiseb minn kittieb."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 26 October 2025