Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1541178
illum • IL-ĦADD 9 TA' NOVEMBRU 2025 Il-Pont tal-Imsida miftuħ imma ħafna nies frustrati xorta waħda JAELLE BORG Mhux faċli tikkuntenta nies. Minn meta l-pont il-ġdid fl- Imsida nfetaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd 2 ta' Novembru, wara perjodu twil ta' xogħlijiet ta' tiswija u infrastruttura, ħafna kienu jittamaw li t-traffiku fl- inħawi jonqos. Madankollu, jidher li l-effett kien eżattament bil-maqlub, hekk kif diversi residenti u sewwieqa rrappurtaw traffiku, saħansitra agħar minn qabel. F'kummenti li ta lil din il- gazzetta, is-Sindku Nazzjonalista tal-Imsida, Charles Selvaggi, qal li, minkejja li x-xogħlijiet qed jimxu skont l-iskeda, il-problema ewlenija qed toħroġ minħabba stop sign li qed iżżomm lura t-traffiku, partikolarment min- naħa ta' Ta Xbiex. "Minn dak li qed nara jien, ix-xogħol miexi kif ippjanat, imma l-problema tal-konġestjoni hija minħabba din l-istop sign li qed iżżomm il-moviment tal-karozzi. Barra minn hekk, min irid jaqsam minn naħa għall-oħra tal-Imsida issa qed ikollu jitla' sal-Pietà u jerġa' jinżel lura — ħaġa li qed iżżid it-traffiku u toħloq frustrazzjoni kbira," qal is-Sindku. Huwa żied jgħid li anke personalment, biex jasal mid-dar sal-Kunsill, "issa qed teħodli 20 minuta aktar mis-soltu". Laqgħa mal-Ministeru tat- Trasport Il-Kunsill Lokali, skont is- Sindku, diġà kellu laqgħa mal-Ministeru tat-Trasport dwar dawn il-problemi. "Għednielu bil-problema u anke ppreżentajna xi proposti. Il-Ministeru ma qalx le, imma lanqas ma weġibna b'mod ċar. Qal biss li se jkunu qed iħarsu lejn is-sitwazzjoni." Is-Sindku enfasizza li, minkejja dan, il-Kunsill jibqa' lest li jikkollabora mal-Gvern, iżda b'kundizzjoni waħda ċara: "L-enfasi tagħna trid tkun fuq is- sigurtà tan-nies. Aħna qegħdin hemm biex inħarsu lis-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tagħna." Tħassib dwar is-sigurtà u n-nuqqas ta' komunikazzjoni Il-Kunsill Lokali esprima wkoll tħassib serju dwar il- kwistjonijiet ta' sigurtà fiż-żona. "Bħalissa m'hemmx ambjent sigur — la għal min isuq u wisq inqas għal min ikun għaddej bil- mixi. Dak li rridu hu ambjent sigur," tenna Charles. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-Kunsill qed iżid il-frustrazzjoni. "Ħafna drabi nsiru nafu dwar xi żviluppi, jew mir-residenti, jew minn xi avviżi pubbliċi. Pereżempju, it-triq tal- Knisja ngħalqet mingħajr ma kellna avviż minn qabel. Irridu nimu li l-Kunsill Lokali huwa l-gvern lokali — u jekk aħna ma nkunux infurmati, kif ħa nispjegaw lir-residenti meta jiġu jitolbuna tweġibiet?" Is-Sindku temm jgħid li dak li l-Kunsill qed jitlob hu sempliċi: "Aħna rridu komunikazzjoni aħjar, u ambjent aktar sigur. Aħna lesti naħdmu mal-Gvern, imma rridu li jimxi magħna wkoll." Wara xhur ta' xogħlijiet infrastrutturali, il-pont tal-Imsida reġa' nfetaħ bl-għan li jnaqqas it-traffiku — iżda r-realtà tidher li hija waħda differenti

