Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544497
13 arti u kultura IL-ĦADD 19 T'APRIL 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Għidli naqra: Skald F'din is-sensiela, il-gazzetta titkellem ma' bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f'Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha "Skald" f 'ilsna Skandinavi tirreferi għal persuna li jiddetta poeżiji li jonoraw eroj u l-għemil tiegħu ILENIA DEBONO Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? Bdejna fl-2017 meta l-Kumitat Festi Nazzjonali avviċinawna biex jingħaqad grupp ta' mużiċisti bl-iskop li jimmużikaw xi poeżiji waqt serata f 'gieħ il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. Kellha tkun xi ħaga ta' darba imma komplejna nibnu xogħol ta' folk kontemporanju bil-Malti, u bis-saħħa ta' proġetti oħrajn, komplejna. Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien? Kien hemm min fostna kibru fl-istess raħal jew anke daqqew fi gruppi mużikali preċedenti. Kif għażiltu l-isem tal-band? Iltqajna l-ewwel darba ġewwa garaxx fejn kienu qed jinżammu għodda u materjal differenti tal-injam. Kellna bżonn insibu isem, u għażilna "Skald" li kien il- plural ta' "skalda". B'kumbinazzjoni, skoprejna li l-kelma "skald" f 'ilsna Skandinavi tirreferi għal persuna li jiddetta poeżiji li jonoraw eroj u l-għemil tiegħu. Din l-interpretazzjoni ddeskriviet perfettament il-mod ta' kif konna ltqajna. Liema hu l-iżjed proġett għal qalbkom? M'għandnix favoriti bejn il-proġetti tagħna. Kull proġett nipprovaw niħduh bis-serjetà u b'impenn. X'inhu l-pass li jmiss? Qed naħdmu fuq serje ta' tliet kunċerti intimi li fihom naqsmu xogħol ġdid tat- tielet album tagħna ppjanat għas-sena d-dieħla. Il-kuncerti li jmiss huma s-Sibt, 16 ta' Mejju, ġewwa l-Imdina u s-Sibt, 28 ta' Novembru, f 'lokalità sigrieta. Min jixtieq jattendi jista' jsegwi fuq il-paġni soċjali tagħna għal iktar dettalji. Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom? Kull wieħed minna għandu preferenzi differenti u ġejna influwenzati minn stili varjati immens. Barra minn hekk, insibu ispirazzjoni f 'diversi artisti lokali li jaħdmu fl-istess xena mużikali bħalna. Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lil dawk l-artisti li għadhom jibdew? Ċerti li llum il-ġurnata hawn ħafna iżjed mezzi biex wieħed jitħarreġ fil-mużika. Hawn bżonn iktar spazji affordabbli fejn wieħed ikun jista' jesponi xogħlu u jesperimenta b'ideat ġodda. Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix-xena mużikali Maltija, xi tkun? Nixtiequ li stazzjonijiet lokali tar-radju jkunu iżjed avventurużi bl-għażliet tal- mużika. Mhux biss li jagħtu iżjed importanza lill-mużika miktuba bil-Malti, iżda mużika li ma tpaxxix ir- regoli riġidi tal-istili kummerċjali ta' żmienna.

