Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544605
05 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 26 T'APRIL 2026 Reazzjonijiet qawwija u diverġenti wara s-sentenza ta' ħabs għal Jimmy Magro Sentenza ta' ħabs u interdizzjoni perpetwa kontra Jimmy Magro tqajjem reazzjonijiet kuntrastanti, u għalhekk din il-gazzetta tkellmet ma' Evarist Bartolo, Peppi Azzopardi, Clyde Puli u Matthew Caruana Galizia JAELLE BORG Is-sentenza ta' erba' snin u tmien xhur ħabs kontra l-Eks Segretarju Ġenerali tal- Partit Laburista Jimmy Magro kompliet tqajjem diskussjoni wiesgħa fil-pajjiż, b'reazzjonijiet li jvarjaw minn sodisfazzjon għall-ħidma tal-ġustizzja sa kritika qawwija dwar in-natura u l-għan tal-piena. Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill- Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat mhux biss il-ħtija ta' Magro fuq akkużi serji ta' korruzzjoni passiva, trading in influence u dikjarazzjonijiet foloz, iżda wkoll imponiet il-piena ta' interdizzjoni ġenerali perpetwa — miżura li effettivament teskludih għal dejjem mill-ħajja pubblika u minn ċerti drittijiet ċivili. Din id-deċiżjoni qed titqies minn xi wħud bħala sinjal ċar li l-istituzzjonijiet qed jibagħtu messaġġ qawwi kontra l-abbuż tal-poter, filwaqt li oħrajn qed jarawha bħala każ li jqajjem mistoqsijiet diffiċli dwar il- ġustizzja, il-proporzjonalità u l-konsistenza fl-infurzar tal-liġi. "Il-korruzzjoni trid iġġib kastig" – Clyde Puli L-eks segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli kien ċar fil- pożizzjoni tiegħu li, ladarba l-Qorti sabet lil xi ħadd ħati, il-każ ma jibqax wieħed ta' allegazzjoni iżda ta' fatti ppruvati. "Il-korruzzjoni dejjem għandha ġġib kastig magħha," sostna Puli, waqt li rrikonoxxa li jista' jkun hemm lok għal dibattitu dwar jekk il-piena hijiex twila wisq jew le. Madankollu, huwa wissa kontra ġeneralizzazzjonijiet faċli. "Ma nistgħux, minħabba każ wieħed, nitfgħu lill-politiċi kollha f 'basket wieħed," qal, filwaqt li ammetta li jista' jkun hemm każijiet oħra li qatt ma ġew żvelati jew investigati. Riflessjoni morali u kritika indiretta – Evarist Bartolo L-Eks Ministru Evarist Bartolo ħa ton aktar kontemplattiv, u qal li fuq livell uman iħoss dispjaċir. Huwa rrefera għall-prinċipju bibliku "Min hu bla dnub jitfa' l-ewwel ġebla", u sostna li r-realtà hija li hemm min jinqabad u jħallas il-prezz, filwaqt li oħrajn li jistgħu jkunu involuti f 'aktar ħażen jibqgħu ma jinqabdux jew igawdu minn protezzjoni. Il-kumment tiegħu jidher li jmur lil hinn mill-każ individwali, u jmiss il-perċezzjoni usa' ta' inugwaljanza fl-applikazzjoni tal- ġustizzja. "Il-ħabs mhux soluzzjoni" – Peppi Azzopardi Il-preżentatur Peppi Azzopardi esprima oppożizzjoni ċara għas-sentenza ta' ħabs imposta fuq Jimmy Magro, u sostna li ma jaqbilx li dan għandu jiskonta piena effettiva. "Assolutament ma naqbilx li Jimmy Magro għandu jkun il-ħabs. Il-ħabs innifsu huwa faċilità vendikattiva, u f 'dan il-każ jidher li qed jintuża biex jintbagħat messaġġ — li iva, politiku jista' jeħel ħabs effettiv," qal. Skont Azzopardi, Magro "spiċċa fuq l-artal tas-sagrifiċċju", b'sentenza li hu jiddeskrivi bħala sproporzjonata u li fiha "element qawwi ta' show". Huwa rrimarka wkoll li Magro għandu kundizzjoni medika u sostna li "postu mhux il-ħabs", filwaqt li insista li dan "mhuwiex bniedem perikoluż għas-soċjetà". B'referenza għar-raġunament tal-Qorti li s-sentenza għandha sservi ta' deterrent, Azzopardi qal li dan "jidher bħala argument dgħajjef ", u sostna li minkejja dan, il-perċezzjoni hi li l-każijiet ta' korruzzjoni ma naqsux. Huwa żied li, għalkemm kien hemm tentattiv biex jintalbu flus illegali, il-Qorti stess sabet li Magro ma rċieva l-ebda somma. "U xorta jeħel erba' snin u nofs ħabs effettiv, minkejja li kellu kondotta nadifa għal snin twal," osserva. Azzopardi sostna li l-każ iqajjem mistoqsijiet usa' dwar il-konsistenza fl- infurzar tal-liġi. "Kieku kull min ħarab it mit-taxxa spiċċa l-ħabs, illum ikollna bżonn nibdlu kull spazju miuħ f 'ħabs," qal. Huwa kien partikolarment kritiku tal- interdizzjoni perpetwa, u staqsa jekk din tfissirx li persuna għandhiex "it-tieni ċans" anke wara li tiskonta s-sentenza tagħha. Skontu, dan imur kontra l-prinċipju tar- riabilitazzjoni. Minflok, huwa ssuġġerixxa li miżuri alternattivi, bħax-xogħol fil-komunità, kienu jkunu aktar xierqa, speċjalment meta wieħed iqis li Magro "jista' jkompli jagħti kontribut lis-soċjetà, kif għamel tul is-snin tiegħu fis-servizz pubbliku". Azzopardi fetaħ ukoll kritika diretta lejn il-Partit Laburista, u qal li jidher ċar li "ħasel idejh minnu". Huwa staqsa fejn jinsab il-partit f 'dan il-mument, fid-dawl tal-fatt li Magro serva għal snin twal bħala segretarju ġenerali. Dwar il-possibbiltà ta' maħfra, Azzopardi rrefera għal każ ieħor fejn il-Prim Ministru qal li kien lest imur fil- Kabinett biex jiddiskuti maħfra għal mara li ngħatat sentenza sospiża relatata ma' abort. Skontu, jekk jeżisti dan il-prinċipju f 'każijiet oħra, għandu jkun hemm konsistenza u l-istess mekkaniżmu jista' jiġi kkunsidrat ukoll fil-każ ta' Magro. Fl-aħħar nett, Azzopardi għamel punt dwar is-sistema tal-ħabs b'mod aktar ġenerali, fejn qal li hemm bżonn aktar enfasi fuq riabilitazzjoni. Huwa rrimarka li ħafna mill-priġunieri huma persuni bi problemi ta' dipendenza li għandhom bżonn għajnuna aktar milli piena, u sostna li politika soċjali aktar effettiva għandha tiffoka fuq dawn l-isfidi. "Basta jmorru jieħdu s-selfies mal- qagħaq tal-Appostli," temm jgħid, b'ton kritiku. "Messaġġ ċar lill-konsulenti tal-gvern" – Matthew Caruana Galizia Matthew Caruana Galizia laqa' s-sentenza bħala pass importanti lejn aktar akkontabbiltà, b'mod partikolari għax il-Qorti ċaħdet b'mod deċiż l-argument li Magro ma kienx uffiċjal pubbliku. Huwa sostna li din id-deċiżjoni għandha implikazzjonijiet usa', speċjalment għal dawk li jservu bħala konsulenti jew persons of trust fi ħdan il-gvern. "Dan għandu jkollu effett ta' deterrent," qal, waqt li wissa li l-gvern ma jistax jevita r-regoli billi jaħtar persuni barra mill-istrutturi formali. Caruana Galizia faħħar ukoll il- kuraġġ tal-whistleblower li kixef il-każ, u enfasizza li fi żmien meta l-protezzjoni għal dawn il-persuni kienet limitata, azzjonijiet bħal dawn huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-korruzzjoni tiġi esposta. Il-każ ta' Jimmy Magro qed jitqies minn ħafna bħala mument sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f 'Malta

