Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544605
04 analiżi IL-ĦADD 26 T'APRIL 2026 • illum Il-kaċċa fir-rebbiegħa, is-saga li ma tintemm qatt Erġajna f 'nofs staġun ieħor ta' kaċċa fir-rebbiegħa. Dis-sena l-istaġun fetaħ fit-13 ta' April u jagħlaq fit-3 ta' Mejju. Il-kaċċa fir-rebbiegħa hija illegali mal- Unjoni Ewropea (UE) kollha sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjonijiet ċari. Hemm min jaħseb li derogi mil-liġijiet tal-UE 'jingħataw' mill-Kummissjoni Ewropea (KE) jew xi istituzzjoni oħra tal-UE. Fil-fatt huwa l-istat membru li jiddikjara deroga, li jrid jiġġustia u juri li tagħmel sens. Il-gvern Malti juża l-mekkaniżmu tad-derogi biex ikompli jtawwal kemm jista' jkun il-ħajja tal- prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Ngħiduha kif inhi, tant jieħdu tul il-proċeduri fl-UE, li din it- tattika hija faċli u effettiva. Fil-fatt, minkejja sentenza tal- Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-10 ta' Settembru tal-2009, il-gvern Malti, wieħed wara l-ieħor, xorta waħda kull sena japplika deroga billi jivvinta raġunijiet differenti kull darba biex iħalli kollox għaddej kif inhu. X'kien il-każ u x'qalet is- sentenza tal-Qorti? Il-KE ħadet lill-gvern ta' Malta l-Qorti għax il- gvern jippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa fuq għasafar migratorji. L-għasafar migratorji huma meqjusa bħala wirt komuni naturali Ewropew. Il-KE sostniet li deroga mid- Direttiva 2009/147/EC fuq il-konservazzjoni tal-għasafar suppost hija biss eċċezzjoni legali li tippermetti kaċċa f 'ċirkostanzi speċjali. Skont il- KE dawn iċ-ċirkostanzi speċjali ma kinux jeżistu u r-raġunijiet li ta l-gvern Malti għall- applikazzjoni tad-deroga ma kinux aċċettabbli. Il-Qorti ddeċidiet li Malta kisret il-liġi għax kien hemm alternattiva għall-kaċċa fir- rebbiegħa, jiġifieri l-kaċċa fil- ħarifa. Sostniet li r-rebbiegħa hija żmien sensittiv għar- riproduzzjoni tal-għasafar. Għalhekk mhix permessa mid-direttiva dwar l-għasafar. Il-gvern Malti kellu jwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa fil-forma prattikata qabel is-sentenza. Il-Qorti saħqet ukoll li d-derogi jridu jkunu limitati ħafna, mhux jintużaw bħala paraventu biex jiksru l-ispirtu tad-direttivi, f 'dal- każ il-konservazzjoni tal-għasafar tal-passa. Wara s-sentenza Wara din is-sentenza, il-gvern biddel il-liġijiet biex jipprova juri li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija limitata u l-monitoraġġ huwa aktar strett. Fl-2010 l-gvern applika deroga li kienet tinkludi staġun iqsar, introduċa l-kwoti, jiġifieri limitu fuq in-numru ta' għasafar li jistgħu jinqatlu, flimkien ma' sistema ta' rappurtaġġ tal-qabda. Kien attentat biex il-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa' għaddejja. Fl-2012 l-ispeċi li setgħu jiġu kkaċċjati ġew limitati għas- summien u l-gamiem. Fl-2015 sar referendum biex tinqata' l-kaċċa fir-rebbiegħa li ntrebaħ bi żbrixx mill-kaċċaturi. Il-Prim Ministru Joseph Muscat prattikament ordna lill-partitarji tiegħu stess jivvutaw favur il- kaċċaturi. Jibqa' l-fatt iżda li Malta xorta għandha l-obbligu li ssegwi d-direttivi Ewropej. Għalkemm il-KE baqgħet issegwi s-sitwazzjoni f 'Malta, s'issa għadha ma eskalatx il-kwistjoni quddiem il-Qorti Ewropea. Sadattant il-gvern jiġġustifika l-prattika permezz ta' studji xjentifiċi bbażati fuq ir- rappurtaġġ tal-kaċċaturi stess, u raġunijiet imġebbda aktar mil- lasktu. Paraventu għall-kaċċa fuq kulma jtir Din is-sena il-Kumitat Ornis, li jiddeċiedi dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, reġa' ddeċieda li jiaħ l-istaġun. Il- maġġoranza tal-kumitat huwa magħmul minn persuni impjegati mill-gvern jew minn aġenziji tal-gvern. Il-membri l-oħra ġejjin milll-FKNK u l-Birdlife. Ħarsa lejn kif jittieħdu d-deċiżjonijiet huwa ċar li hemm pressjoni jew istruzzjonijiet biex jiġu aġevolati l-kaċċaturi. Birdlife tenniet li l-maġġoranza tal-kumitat għal darb'oħra għażel li jimxi mar-rieda politika minflok ma jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq evidenza xjentifika u l-ħtiġijiet tal-konservazzjoni. Data xjentifika turi b'mod ċar tnaqqis kontinwu fil- popolazzjoni tal-gamiema. Din is-sena l-proposta biex jerġa' jiddaħħal moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiema ġiet miċħuda, b'erba' voti kontra, vot wieħed favur (BirdLife Malta), filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) astjeniet. L-aġenzija tal-gvern li suppost tħares il-fawna għażlet li toqgħod gallarija. Minn osservazzjonijiet ta' voluntiera jidher ukoll li bħal snin oħra l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jintuża bħala paraventu biex jiġu kkaċċjati illegalment għasafar tal-passa, ikunu xi jkunu. Fost oħrajn, f 'April qatgħa rari ta' erba' grawwiet li niżlu f 'Delimara sfaw fil-mira tal-kaċċaturi. F'każ ieħor żewġ ċikonji suwed sfaw fil-mira tal-kaċċaturi fiż-żona bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. Bagħdan aħmar u Spanjulett – it-tnejn feruti – inġabru minn Wied is-Sewda bejn Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard, u Spanjulett li nġabar mill-pulizija. Ġew irrappurtati wkoll każi ta' tiri sparati fuq astuni suwed fin-Nadur. Dawn huma biss xi każijiet osservati minn voluntiera. L-infurzar jibqa' żgur problema enormi. Il-pulizija tal-protezzjoni tal-ambjent hija limitata ħafna, u żgur impossibbli jlaħħqu mal-madwar 10,000 kaċċatur mifruxin fil-kampanja, biex ma nsemmix l-insib. Malta suppost hija obbligata bil-liġi tagħha stess li tħaddem seba' uffiċjali tal-infurzar għal kull 1,000 liċenzja attiva matul il-perjodu tad-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Nisimgħu ħafna kliem sabiħ dwar x'jagħmilna Maltin u dwar il-wirt tagħna bħala Maltin. Imma milli jidher l-ambjent naturali, l-isbuħija tan-natura u l-flora u l-fawna li jżejnu lil dan il-pajjiż żgħir f 'nofs ta' baħar ma jitqisux bħala parti integrali mill-wirt tagħna. Kaċċatur b'wiċċu mgħammad jitfa' l-arma 'il bogħod u jipprova jaħrab minn uffiċjali tal-EPU fix- Xghajra fit-18 t'April 2026 (Rotratt: BirdLife Malta) Gamiema feruta u salvata ħdejn Ġebel Ciantar fis-17 t'April 2026 (Ritratt: Nicholas Barbara/BirdLife Malta)

