Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1546490
08 aħbarijiet IL-ĦADD 6 TA' SETTEMBRU 2026 • illum aħbarijiet Meta l-maħfra presidenzjali ma twassalx għal kundanna Il-verdett li ħareġ din il-ġimgħa fil-każ ta' Yorgen Fenech reġa' fetaħ il-kontroversja dwar l-użu ta' xhieda ta' persuni involuti f 'reati, speċjalment meta dawn jingħataw maħfra presidenzjali biex jixhdu kontra oħrajn. Fenech ġie ddikjarat mhux ħati miż-żewġ akkużi li kien qed jaffaċċja — kompliċità fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u as- soċjazzjoni ma' persuni oħra bil- għan li jitwettaq reat. Il-ġurija ta' disa' persuni waslet għal verdett ta' 8 voti kontra 1 wara madwar tmien sigħat ta' deliberazzjoni. Il-każ, għalhekk, spiċċa mingħajr kundanna għall-alle- gat mandant tal-qtil, minkejja l-volum enormi ta' provi u xhieda li nstemgħu f 'ġuri ta' madwar xahrejn. Iżda l-istorja legali Maltija għandha mill-in- qas żewġ eżempji importanti oħra fejn xhud kruċjali ngħata maħfra presidenzjali biex jgħin lill-prosekuzzjoni, iżda l-per- suni li kienu akkużati spiċċaw meħlusa. Wieħed mill-aktar eżempji emblematiċi huwa dak ta' Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi, fil-każ ta' Meinrad Calle- ja. L-ieħor huwa aktar riċenti: George Farrugia u l-ħames ħutu, fil-każ tal-iskandlu taż-żejt tal-Enemalta. Żeppi l-Ħafi u l-każ ta' Meinrad Calleja Fl-1996, Joseph Fenech ingħata maħfra presidenzja- li mill-President Ugo Mifsud Bonnici, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Il-maħfra kienet mar- buta mal-kundizzjoni li Fenech jikkoopera mal-investigaturi, jgħin lill-Pulizija u jagħti x-xhie- da tiegħu fil-qorti. Fenech kien figura par- tikolarment sensittiva għaliex kien eks bodyguard ta' Fenech Adami u kien involut personal- ment fl-attentat fuq Richard Cachia Caruana, dak iż-żmien l-assistent personali tal-Prim Ministru. Cachia Caruana kien ġie aggredit u ngħata daqqiet b'sikkina barra d-dar tiegħu fl-Imdina fit-18 ta' Diċembru 1994. Skont Fenech, kien Mein- rad Calleja li kkummissjonah biex joqtol lil Cachia Caruana. Huwa qal li Calleja offrielu jew Lm15,000 jew kilo kokaina, u li mbagħad hu stess qabbad lil Carmel Attard, magħruf bħala "iz-Zambi", u lil Ian Farrugia biex iwettqu l-attakk. Il-maħfra kienet għalhekk strument kruċjali biex il-prose- kuzzjoni setgħet tibni l-każ tagħha. Iżda meta wasal il-ġuri ta' Calleja fl-2004, il-problema kienet waħda fundamentali: kemm setgħet tkun affidabbli x-xhieda ta' raġel li kien hu stess involut fil-każ u li kien kiseb il-libertà tiegħu permezz ta' maħfra? Il-ġuri dam erba' ġimgħat u sema' madwar 35 xhud. Fost l-aktar żviluppi problematiċi għall-prosekuzzjoni kien hemm ix-xhieda ta' Ian Farrugia u ta' Nicholas Jensen Testaferrata, li qajmu dubji dwar min fil-fatt kien preżenti fuq il-post tal-at- takk. It-tnejn indikaw li setgħu raw lil Fenech innifsu jwettaq l-aggressjoni. Cachia Caruana, min-naħa tiegħu, kien dejjem qal li ma għarafx lil Fenech bħala wieħed mill-aggressuri. Il-Qorti kienet enfasizzat ukoll il-prinċipju li meta xhud ewlieni jkun kompliċi fil-każ, ix-xhieda tiegħu trid tkun sostnuta minn provi jew ċirkostanzi oħra. Fl-aħħar, il-ġurija sabet lil Calleja mhux ħati b'sitt voti kontra tlieta. Kien verdett li kellu konseg- wenzi politiċi enormi. Il-gvern kien iddefenda l-maħfra ta' Fenech billi argumenta li dan kien ta lill-Pulizija informazz- joni li ma kellhiex qabel. Iżda l-fatt baqa' li x-xhud li kellu jsaħħaħ il-każ kontra Calleja ma kienx wassal għall-kundan- na tiegħu. U kien hemm aktar. Fenech kien ukoll ix-xhud ewlieni f 'każijiet oħra relatati mal-at- tentat fuq Cachia Caruana. Ian Farrugia ġie meħlus, filwaqt li Carmel Attard, li kien ammetta l-akkużi, ġie kkundannat. George Farrugia u l-iskandlu taż-żejt Kważi żewġ deċennji wara, l-istess dilemma reġgħet dehret, din id-darba fl-iskandlu tal-kuntratti taż-żejt tal-Ene- malta. Fi Frar 2013, George Farrugia ngħata maħfra presidenzjali kondizzjonata biex isir xhud tal-Istat u jikxef dak kollu li kien jaf dwar allegati tixħim u kickbacks relatati max-xiri taż-żejt. Il-kundizzjonijiet kienu stretti: kellu jgħid il-verità koll- ha, jikkoopera mal-investigaturi u mal-qrati, u jirritorna l-flus, proprjetà u profitti miksuba mill-attivitajiet illegali. Huwa kellu inizjalment jirritorna €250,000 lill-gvern. Farrugia ta informazzjoni li wasslet lill-investigaturi sa diversi persuni, inklużi uffiċjali u nies fin-negozju. L-Eks Kum- missarju tal-Pulizija John Rizzo kien qal li Farrugia kien "stru- mentali" għall-investigazzjoni u li l-informazzjoni tiegħu wasslet biex diversi persuni jitressqu l-qorti taħt akkuża. Imma l-każ kontra ħutu Raymond, Antonio "Twanny", Salvu, Emanuel u Gaetano Far- rugia spiċċa b'mod drammatiku f 'Lulju 2026. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ħelset lill-ħames aħwa mill-akkużi ta' kompliċità fil-korruzzjoni. F'sentenza ta' 76 paġna, il-Qorti qalet li l-prose- kuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha u, aktar minn hekk, iddeskriviet lix-xhud ewlieni George Farrugia bħala evażiv u x-xhieda tiegħu bħala mhux sostnuta. Wieħed mill-aktar punti qawwija tas-sentenza kien li Farrugia ma pproduċiex l-istatements tal-kont bankarju tiegħu fl-Iżvizzera, li setgħu juru fejn kienu għaddew il-flus. Dan minkejja li l-maħfra tiegħu kienet tobbligah jikkoopera bis-sħiħ. Il-Qorti nnutat ukoll li ma kien hemm l-ebda prova li l-ħames aħwa kellhom kuntatt mal-uffiċjali li George qal li kien qed ixaħħamhom. Il-Qorti aċċettat li kien hemm kultura ta' "complete sibling trust" fil-kumpanija tal-famil- ja, iżda saħqet li negliġenza korporattiva jew il-fatt li wieħed jiffirma ċekkijiet vojta ma jfiss- rux awtomatikament intenzjoni kriminali. Fl-aħħar, il-Qorti kkonkludiet li l-ħames aħwa kienu aktar vittmi tal-operazz- joni sigrieta ta' George milli kompliċi tagħha. X'jgħallmuna dawn it-tliet każijiet? Il-każijiet ta' Joseph Fenech, Farrugia u issa Yorgen Fenech juru differenza kruċjali bejn xhud li jitqies importanti mill-investigaturi u xhud li l-evidenza tiegħu tkun biżżejjed biex twassal għal kundanna. Maħfra presidenzjali tista' tagħti lill-Istat l-opportunità li jikseb informazzjoni min- għand persuna li kienet parti mill-kriminalità. Iżda ma tistax tagħti lil dik ix-xhieda piż akbar minn dak li l-liġi tippermetti. Fil-każ ta' Calleja, il-kliem ta' Żeppi l-Ħafi ma kienx biżżejj- ed. Fil-każ tal-aħwa Farru- gia, ix-xhieda ta' George ġiet meqjusa bħala mhux sostnuta. U fil-każ ta' Yorgen Fenech, minkejja l-ammont enormi ta' evidenza li nġabret tul is-snin, il-ġurija xorta ma sabitx il-provi meħtieġa biex tikkundanna lill-akkużat. Il-lezzjoni hija waħda sem- pliċi iżda fundamentali: il-maħ- fra tista' tagħti libertà lix-xhud, iżda ma tistax tagħti kundanna lill-akkużat. Għal dik, fl-aħħar mill-aħħar, dejjem trid tkun il-prova li tgħaddi mit-test tal-Qorti. Mix-xellug: Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi, George Farrugia u Melvin Theuma ingħataw maħfra presidenzjali

