Illum previous editions

ILLUM 30 MARCH 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 39

jiġi f 'sensih u jagħraf dak li lkoll konna qegħdin nirriskjaw. Madankollu, ma nistgħux ngħidu li ma kellniex evoluzzjoni fir-rwol ta' president f 'dawn l-aħħar erbgħin sena. Matul is-snin, il-presidenza żdidulha xi ftit rwoli ġodda bħall-presidenza tal-Kunsill tal- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-organu li jipprova jżomm kontroll fuq il-ġudikatura u l-professjoni legali. Imma l-akbar evoluzzjoni kienet fil- ħidma filantropika li presidenti suċċessivi wettqu. Dan l-iżvilupp kien beda taħt l-ewwel Gvernatur Ġenerali ta' Malta, Sir Maurice Dorman u llum kważi sar parti integrali mill- funzjonijiet presidenzjali. Ilkoll nirrikonoxxu l-ħidma filantropika tal-President Abela li t-terminu tiegħu ser jiskadi nhar il-Ġimgħa. Ħoloq inizjattivi ġodda sabiex il- Community Chest Fund (CCF) jkollha sorsi ġodda ta' fondi u tifrex il-ħidma tiegħu. Waħda minn dawn l-inizjattivi kienet il- ftuħ ta' sptar speċjalizzat sabiex jindirizza l-problemi ta' min isofri b'mard konness mal-ikel. Dan l-isptar sewa lis-CCF €2.5 miljuni u ser jitmexxa minn fondazzjoni li twaqqfet bejn is- CCF u l-Ministeru tas-Saħħa. Tħabbar ukoll li l-president il- ġdid ser tieħu taħt idejha numru ta' aġenziji li sal-lum kienu jiffurmaw parti mid-dikasteru tagħha ta' Ministru tas- Solidarjetà Soċjali. Din il-mossa anomala tfisser li l-president qiegħed jerġa' jassumi responsabbilitajiet li kien iddelega lill-eżekuttiv li tiegħu hu l-kap. B'hekk, qed titreġġa l-evoluzzjoni storika li semmejt qabel li mill-Magna Carta 'l hawn neżżet lill-monarka minn kwalunkwe poter reali eżekuttiv. Wieħed għandu jistaqsi jekk dan hux pożittiv u jekk il-president għandux ikollu responsabbiltajiet li normalment jaqgħu taħt xi ministeru. Wieħed ikollu jistqarr ukoll li dawn l-iżviluppi ma jikkonvinċux. Bħalma l-ġudikatura hija mistennija li toqgħod 'l bogħod minn kwalunkwe sitwazzjoni li tista' potenzjalment tpoġġiha f 'sitwazzjoni ta' konflitt t'interess, wieħed wisq jibża' li jekk il-presidenza tibda mal-milja taż-żmien tassumi aktar irwoli tal-eżekuttiv, it-twettiq tar-rwol fundamentali tagħha bħala l-gwida morali tan-nazzjon jiġi mminat. F'ċena li saret din il-ġimgħa, il-president Abela reġa' appella illi tinbidel il-Kostituzzjoni sabiex ir-rwol tal-President isir kompletament awtonomu. Dan hu diskors li jeħtieġ aktar spjegazzjoni li sfortunatament ma ngħatax għaliex il-President żgur li għandu jħoss li huwa f 'pożizzjoni li jwettaq id-doveri kostituzzjonali u istituzzjonali tiegħu mingħajr indħil ta' ħadd. Probabbilment kien qed jirreferi għall-fatt li l-uffiċċju tal-Presidenza, bħal kwalunkwe dikasteru jew aġenzija oħra, jiddependi fuq l-allokazzjoni finanzjarja li jingħata mill- Ministeru tal-Finanzi li mbagħad jiġi approvat mill- Parlament meta jgħaddi l-baġit. Jekk dan hu l-każ u jekk il-Presidenza ser tassumi aktar rwoli tal-eżekuttiv, ser ikollna naffaċjaw bosta problemi f 'materji bħall-ingaġġar ta' uffiċjali, id-dixxiplina tagħhom u l-finanzjament u l-iskrutinju parlamentari tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-President. Wieħed mill-ewwel jinduna kemm l-aħbar li l-Presidenza ser tassumi r-responsabbiltà għal bosta aġenziji governattivi hija kwistjoni ferm aktar kumplessa milli tidher ma' l-ewwel daqqa t'għajn. Ċertament, ma jistax ikollna stat fi stat bi Presidenza li twettaq bosta rwoli eżekuttivi mingħajr kontrolli. Għalhekk, wieħed irid ikun kawt kif ser jinbidel ir-rwol tal-President. Kemm ilna repubblika, il-ħatra tal-kap tal-istat dejjem saret mill-Prim Ministru tal-epoka. Minkejja r-reżistenza ta' bosta ministri li rreżistew din in-nomina għax kienu jafu li din tfisser it-tramont tal-ħajja politika tagħhom, dejjem tal-Prim Ministru. It-tibdil kostituzzjonali li jrid isir irid jibda mill-mod kif jinħatar il-President. M'huwiex sew li l-ħatra tal-ogħla kariga tal-pajjiż issir minn persuna waħda li tiġi ppreżentata lill-Kabinett u lill-Parlament bħala fatt komplut. Soluzzjoni possibbli tkun li l-ħatra tibda ssir b'maġġoranza ta' żewġ terzi fl-ewwel erba' votazzjonijiet u b'maġġoranza sempliċi fil-votazzjonijiet ta' wara f 'assemblea ta' parlamentari u ta' sindki. Dan hu mudell ispirat minn dak li jiġri fl-Italja u l-Ġermanja. Jekk mill-banda l-oħra, il-president ser jassumi rwol eżekuttiv bħalma hu l-każ ta' dak Amerikan jew Franċiż, allura għandu jiġi elett direttament mill-poplu. Altrimenti wieħed ma jarax għala l-president għandu jkollu aktar responsabbiltà eżekuttiva. Dan qed jingħad anke fid-dawl tal- esperjenza riċenti. Din il-ġimgħa sar magħruf dak li ilu jingħad fil- kurituri tal-poter li l-President Abela ma kienx komdu li jagħti l-assens tiegħu għal-liġi dwar l-unjoni ċivili u peress li tali rifjut imur direttament kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni, forsi anke hedded li jirriżenja jekk tali abbozz jiġi ppreżentat għall-firma tiegħu. Minkejja din it-turija ta' awtonomija, wieħed iħoss li l-President Abela messu wera tali spirtu fir-rigward tal- avviżi legali dwar iċ-ċittadinanza li ħariġhom direttament hu. Huwa minnu li l-manwal tal- President li kien ħejja l-president emeritu Ugo Mifsud Bonnici jgħid li meta l-president irid jippromulga avviż legali, irid jikkonsulta l-kabinett. Imma l-president m'huwiex parti mill-kabinett u m'huwiex marbut bir-responsabbiltà kollettiva tal-ministri u għalhekk il-president Abela messu wera aktar awtonomija fil-kontroversja riċenti dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza u mhux sempliċiment iffirma dak li għaddhielu l-eżekuttiv. Wieħed verament jiskanta kif il-President Abela ffirma avviż legali li jippermetti lill-ministru jagħti ċ-ċittadinanza lill-familji poligami meta l-poligamija hija reat kriminali anke jekk titwettaq barra minn Malta. Madankollu, ċertament ikun utli li l-President jingħata l-poter li jista' jitlob lill-Parlament jikkunsidra mill-ġdid abbozz ta' liġi. Irwol possibbli ieħor ikun li meta l-Qorti Kostituzzjonali jew il-Qorti Ewropea jiddikjaraw li liġi tikser il-Kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-President jabbroga l-liġi in kwistjoni permezz ta' digriet. Is-sitwazzjoni preżenti li tali liġi tibqa' fil-limbu għal snin sħaħ sakemm il-Parlament jidhirlu li jemendaha hija skandaluża u inaċċettabbli għall-aħħar u kwalunkwe riforma kostituzzjonali teħtieġ tindirizzaha. M'hemm xejn ħażin li r-rwol tal-President jevolvi maż- żmien imma tali evoluzzjoni għandha tkun ir-riżultat ta' bidla studjata fil-Kostituzzjoni u mhux ir-rispons għall-esiġenzi partikolari tal-mument. Il-ħajja demokratika tal-pajjiż teħtieġ presidenza serena u vibranti speċjalment jekk il-pajjiż ikun għaddej minn kriżi u kwalunkwe tibdil fir-rwol tal- president għandu jsir b'kawtela kbira u wara konsiderazzjoni xierqa tax-xenarji possibbli kollha. Il-Presidenza li għandna bżonn Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 | illum 21 Inħobbu wisq lil pajjiżna! Aktar ma mexxej jipprova jagħlaq ħalq in-nies aktar tonqos is-saħħa politika tiegħu. Jista' jagħmel użu massimu mill-magna ta' ripressjoni li joffrulu l-istituzzjonijiet tal-Istat iżda xorta jkollu d-destin tiegħu miktub. Erdogan, jekk ma jiġix f 'sensih qiegħed iħaffer il-qabar politiku tiegħu u tal-Partit tiegħu. Id-demokrazija hija fraġli ħafna. L-eżami ta' kull demokrazija huwa kemm jirnexxielha telgħeb il-kriżijiet li tgħaddi minnhom bl- inqas uġigħ possibbli. Illum li qegħdin niċċelebraw il-35 sena minn Jum il-Ħelsien u dalwaqt il-ħamsin sena mill-Indipendenza, meta nħarsu lura nirrealizzaw li anke d-demokrazija żgħira tagħna kellha l-mumenti ta' kriżi tagħna. Għalkemm kien hemm mumenti meta bħal donnu konna qegħdin nitilfu rasna, kellna l-ħila u s-saħħa li negħlbu dawn il-mumenti diffiċli. Kellna diversi vantaġġi li t-Turkija ma għandhiex. Ibda biex aħna gżira żgħira, għalkemm kien hemm gżejjer żgħar, bħal dawk fil-Karibew, li ma rnexxielhomx jegħlbu dawn il-kriżijiet. Għandna soċjetà pjuttost omoġenja f 'dik li hi razza u reliġjon, għalkemm kien hemm pajjiżi żgħar li kellhom dan u xorta spiċċaw fl-inkwiet bħall-Irlanda ta' Fuq. Iżda kellna waħda importanti. Minkejja l-piki ġieli infantili li jinħolqu bejn il-partiti maġġuri, is-sens komun dejjem rebaħ fl-aħħar mill-aħħar. Kellna żewġ kriżijiet kbar mill-Indipendenza 'l hawn. Prinċipalment dik tal-1987, magħrufa bħala tal-maġġoranza u dik ta' wara l-1987, sakemm xi wħud mill-Ministri li kien hemm qabel bdew joqogħdu għall-idea li ma kinux għadhom fil-poter. Grazzi għas-sens komun ta' politiċi li kienu jafu sal-limitu li għandhom jaslu, kull meta l-kitla politika kienet ser tisplodi, dejjem għarfu kif inaqqsulha mill-fwar żejjed tagħha. Wara l-mewt ta' Raymond Caruana li kif esprima Eddie Fenech Adami dan l-aħħar x'aktarx kienet aċċidentali, dawk li jiena nsejjaħ il-messaġġiera tal-kompromess, bdew jaħdmu biex tinstab soluzzjoni. U hekk ġara. L-istess kienet is-sitwazzjoni fl-1989. Dakinhar jiena kont involut fil-kwistjonijiet kollha li kien hemm. L-affarijiet setgħu ggravaw. Fir-regatta tal-31 ta' Marzu tal-1989 tal-SAG kienu tefgħu l-gass tad-dmugħ u weġġa' xi tifel. L-għada kien hemm sfrattu sħiħ ħdejn il-monument tal-Ħelsien, bil- Brigadier Spiteri tinqasamlu rasu b'daqqa ta' xabla u flok ordna li jinfetaħ in-nar, qabeż il-baħar biex jevita disgrazzja akbar. Ftit qabel kien hemm protesti l-Belt fejn tkissru wħud mill-Awli tal-Qorti. Kien jidher ċar li l-affarijiet bdew jiddeġeneraw. Iżda dejjem kien jiġri li l-politiċi, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom, fl-aħħar kienu jħallu l-parti t-tajba tagħhom tirbaħ fuq dik li ma kinitx tant tajba. Kienu jafu sa fejn għandek tasal u li hemm linja li ma għandek taqsamha qatt. Kontra kull impressjoni storika, Duminku Mintoff dejjem kien ikun favur soluzzjoni paċifika. Għalkemm kellu karattru kważi awtoritarju, dejjem kien jemmen li meta tibda tgħolli rasha l-esaġerazzjoni, is-sens komun għandu dejjem jirbaħ akkost li dak li jkun iċedi l-poter. Nies bħal Gwido Demarco u Ġużè Cassar, flimkien ma' oħrajn, kienu jservu ta' pontijiet sottoterranji, biex isiru laqgħat 'il bogħod mill-għajn pubblika u jinstabu s-soluzzjonijiet għal dawn il-mumenti ta' kriżi. Forsi l-mod kif kienu jinstabu dawn is-soluzzjonijiet ma kienx daqstant demokratiku u trasparenti. Iżda kultant aħjar tirrikorri għal metodi mhux daqstant konformi mal- prinċipji tad-demokrazija biex issalva lid-demokrazija. F'dan il-kuntest kull Presidenza kellha rwol importanti x'tilgħab. Tnejn li ħadmu ħafna bħala Presidenti f 'dawn il-mumenti ta' kriżi kienu Agatha Barbara u dak li baqa' Aġent President sal- aħħar, Pawlu Xuereb. Agatha dejjem kienet disponibbli biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi tal-maġġoranza. Niftakar qisu lbieraħ meta kienet talbitni nwassal messaġġ lil Gwido Demarco, li Ġużè Cassar u Dom Mintoff għandhom x'jgħidulu dwar il-kriżi. Niftakar ukoll kif jiena u Wenzu Mintoff konna morna minn wara dahar il-Partit Laburista l-Palazz ta' San Anton tard billejl biex nikkovinċu lil Pawlu Xuereb sabiex ilaqqa' lil Eddie Fenech Adami flimkien mar-rappreżentanti tal-Unjins u tat-Tarzna biex tkun żblukkata s-sitwazzjoni dwar żieda li kellhom jingħataw il-ħaddiema tat-Tarzna u li Gvern ma kienx lest li jħallas akkost li jitkissru l-banek, kif kienet id-diċerija dak iż-żmien. Kriżi li wkoll irnexxielna negħlbu. Għalhekk meta llum inħares lura lejn dawn l-aħħar ħamsin sena mill-Indipendenza u ħamsa u tletin sena minn Jum il-Ħelsien, bid-difetti kollha tagħha ngħid, li f 'Malta l-esperiment demokratiku rnexxa. Bil-problemi li kien hemm u li għad ikun hemm irnexxa u ser jibqa' jirnexxi. Aħna poplu li nħobbu wisq lil pajjiżna u lil xulxin biex inħallu jiġri dak li ġara f 'pajjiżi oħra.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 MARCH 2014