Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049
20 illum | Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 MHUX żgur hawn ħajt pubbliku wieħed, sakemm mhux parti minn xi bini importanti ħafna u allura jkun mgħasses sewwa, li m'għandux xi tip ta' grif, tinqix jew taħżiż fuqu. Minn Jane love Peter, sa Willy was here jew Andrew ABZ; jew disinji ta' parti partikolari mill- anatomija maskili (interessanti li l-parti pariġġ femminili ma tidher qatt) jew messaġġi politiċi favur u kontra partit jew ieħor, il-ħitan huma għad-dispożizzjoni tagħna lkoll biex inħallu messaġġi li qajla jinteressaw lil min jinzerta jaqrahom imma jsiru xorta waħda. Xi darba anki l-bankijiet tal-iskola kienu jkunu mimlijin b'dan it-taħżiż, saħansitra dawk fil-klassijiet tal- Iniversità, imma llum donnhom naqsu xi ftit, aktarx għaliex l-istudenti jkunu medhija jibagħtu l-messaġġi elettroniċi minn taħt jew jinnavigaw fil-beraħ tad-dinja virtwali. Ġeneralment dawn il-messaġġi, speċjalment dawk li jiddikkjaraw l-imħabba ta' min qed inaqqax lil xi mara jew raġel skont il-każ, u dawk li jiddikkjaraw li t-tali kien f 'dak il-post, ikunu akkumpanjati minn data. Ma neħodhiex bi kbira li minkejja li fid-deher din l-attività tista' titqies bħala xi waħda frivola, hemm teoriji differenti għala, hekk, mingħajr ħtieġa ovvja, bniedem jagħtih li jħażżeż messaġġ fuq ħajt jew fuq bank, jew fejn ikun. Forsi l-ħtieġa li nikkomunikaw iġġegħelna nagħmlu dan. Meta wieħed iqis kemm messaġġi ngħaddu, prattikament il-ħin kollu tal-ġurnata, bilfors li tgħaddilu minn moħħu li t-taħżiż fuq il-ħitan huwa xhieda oħra li turi biċ-ċar li l-komunikazzjoni hija bżonn aktar milli kappriċċ. M'hemmx post li spiċċa taħt il-ħakma tal-bniedem li mhuwiex invażat b'messaġġi li għandhom livelli differenti ta' siwi u valur u li għandhom forom differenti: riklami, billboards, avviżi u ruxxmata oħrajn. Il-bniedem għandu bżonn jikkomunika anki meta m'hemmx bżonn. Ħalli ngħiduha kif inhi, li Jane tħobb lil Peter qajla jimpurtana, l-istess li Willy kien fl-istess post fejn qegħdin bħalissa naqraw it- tinqixa li ħalla warajh; aktar u aktar jekk ma nafux min huma Jane, Peter u Willy. Imma Jane, Peter u Willy, fit-taħżiża li għamlu mal-ħajt jew ma' fejn, issodisfaw dan il-bżonn uman tagħhom tal-komunikazzjoni. Hemm bżonn ieħor li qegħdin jissodisfaw bil-kitba fuq il-ħajt: l-immortalità. Imqar fuq livell subkonxju l-immortalità hija xewqa tal-bniedem li jaf li qatt ma tista' ssirlu realtà. Filwaqt li Jane, Peter u Willy jafu li xi darba se jispiċċaw, isimhom u d-data li kitbu taħtu se jibqgħu jinqraw minn kull min jinzerta jixħet għajnejh fuqu. X'imkien fuq is-sur tal-Imdina hemm tinqixa li tmur lura għall-1901. Nistgħu faċilment nikkonkludu li min naqqaxha m'għadux jgħaddi lejn l-Imdina, imma kull darba li nilmħu l-graffit tiegħu nkunu tajnieh ftit ħajja mill-ġdid. L-istess bħall-artisti li jikkonvinċu rwieħhom li x-xogħol li se jħallu warajhom se jħallihom ħajjin, se jibqgħu jgħixu permezz tiegħu anki wara mewthom. Imbagħad hemm l-identità – ħtieġa oħra umana. Il-biża' li nkunu anonimi, li ma jkun jafna ħadd, li m'għandna ebda valur fid-dinja, jaf ukoll iġġegħelna nigirfu fuq il- ħajt. Jane, Peter u Willy huma tliet ismijiet, tliet persuni differenti li anki jekk ma nafuhomx nafu li kien jisimhom Jane, Peter u Willy; nafu li kienu jeżistu xi darba, li kienu f 'dak il-post, li kitbu dwarhom. U anki jekk aħna ma nafuhomx, daqstant ieħor huma ma jafux lilna, imma kkomunikaw magħna xorta waħda. Li ma ħażżux dak il-messaġġ abbli ma kien ikun jafhom ħadd; kienu jintilfu aktar minn Eleonor Rigby. Jane, għax għandha isem u kitbitu fuq il-ħajt, għandha storja li sirna nafuha warajha. Pereżempju nafu li kienet mara, u nafu li kienet tħobb lil wieħed raġel Peter. U nafu li Willy, xi darba, kien hawn. Tliet ismijiet, tliet persuni, bl-istorja tagħhom ikkomunikata lilna. L-isem jagħtik identità. Din hija r-raġuni għala l-isem huwa meqjus bħala dritt fundamentali tal-bniedem: appuntu għaliex jagħti identità. Bħal dawk it-trabi li jinstabu abbandunati: jingħatalhom isem u, għallinqas f 'ċerti pajjiżi kunjom min sabhom. B'dan kollu fl-isfond, l-avviż ippubblikat din il-ġimgħa fuq numru ta' gazzetti nazzjonali, maħruġ minn Save the Children, li fih jidhru 373 isem, jieħu sinifikat kbir. F'dan l-avviż, Save the Children, l-organizzazzjoni nongovernattiva mwaqqfa fl-1919 bl-għan ewlieni li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u li tipprovdi għajnuna lil dawk it-tfal speċjalment f 'pajjiżi fejn hemm kunflitt u diżastri oħrajn, xandret l-ismijiet ta' kważi erba' mitt tifel u tifla li nqatlu fl-attakki fuq Gaża bejn it-8 ta' Lulju u t-3 ta' Awwissu. Save the Children ma ħarġitx aħbar, għaliex kull min qiegħed isegwi dak li qiegħed jiġri fl-Istrixxa ta' Gaża jaf li qegħdin jinqatlu ħafna tfal, imma tat dinjità lil dawn il-maqtulin billi xandret isimhom. Ix-xandir ta' dawn l-ismijiet, u l-età tagħhom, jimmarka tentattiv biex dawn it-tfal jinqalgħu mill-anonimat li setgħu faċilment jaqgħu fih. Jiġri, ħafna drabi, li meta wieħed ikun espost għal ħafna aħbarijiet traġiċi, forsi anki mingħajr ma jrid, itarrax is-sensittività tiegħu għal dak li jkun qiegħed jiġri. L-ismijiet fuq dan l-avviż ifakkru li dawn il-mijiet kienu persuni, kellhom ħajja li ntemmitilhom f 'salt u ntemmet mingħajr ebda ħtija tagħhom. L-ismijiet għandhom ifakkru wkoll li ħajjet dawn it-tfal ma ntemmitx b'aċċident imma li kien hemm intenzjoni li jinqatlu n-nies, u fost dawn in-nies li nqatlu kien hemm huma, 373 innoċenti, 373 storja mitmuma ħesrem. 373 huwa 'biss' numru; 373 isem huma ħafna aktar minn numru. X'sar minn Jane, Peter u Willy minn dakinhar li naqqxu isimhom ma nistgħux ngħidu. Aktar mhux li jimpurtana wisq għalkemm il-ħsieb ta' 'min jaf x'sar minnhom illum?' jaf jitfaċċalna qabel ma nkomplu mixjin u ninsewhom għal kollox. Il- ħasra hi li dawn it-373 isem nafu sew x'sar minnhom. Nafu li qatt m'aħna se niltaqgħu magħhom. Nafu li mhumiex se jnaqqxu messaġġi ta' mħabba fuq il-ħajt, u lanqas m'huma se jħabbru li kienu hawn. Nafu li l-istorja tagħhom ma laħqux spiċċawha, uħud minnhom bilkemm kienu bdewha. Nafu li kienu tfal u ma kibru qatt. Post scriptum Karl Schembri, uffiċjal ta' Save the Children, ikkomunikali li l-UNICEF ħabbret li attwalment in-numru ta' tfal li mietu jlaħħaq 419. In-numru jista' jikber jekk tfal midruba jitilfu ħajjithom. IMMANUEL MIFSUD 373 ISEM here jew Andrew ABZ; (interessanti li l-parti messaġġi politiċi favur jaqrahom imma jsiru xi mara jew raġel skont nafuha warajha. Pereżempju nafu li faċilment jaqgħu fih. Jiġri, ħafna drabi, li meta wieħed ikun espost għal ħafna aħbarijiet traġiċi, forsi anki mingħajr ma jrid, itarrax is-sensittività tiegħu għal dak li jkun qiegħed jiġri. L-ismijiet fuq dan l-avviż ifakkru li dawn il-mijiet kienu persuni, kellhom ħajja li ntemmitilhom f 'salt u ntemmet mingħajr ebda ħtija tagħhom. L-ismijiet għandhom ifakkru wkoll li ħajjet dawn it-tfal ma ntemmitx b'aċċident imma li kien hemm intenzjoni li jinqatlu n-nies, u fost dawn in-nies li nqatlu kien hemm huma, 373 innoċenti, 373 storja mitmuma ħesrem. 373 huwa 'biss' numru; 373 isem huma ħafna aktar minn numru. X'sar minn Jane, Peter u Willy minn dakinhar li naqqxu isimhom ma nistgħux ngħidu. Aktar mhux li jimpurtana wisq għalkemm il-ħsieb ta' 'min jaf x'sar minnhom illum?' jaf jitfaċċalna qabel ma nkomplu mixjin u ninsewhom għal kollox. Il- ħasra hi li dawn it-373 isem nafu sew x'sar minnhom. Nafu li qatt m'aħna se niltaqgħu magħhom. Nafu li mhumiex se jnaqqxu Save the Children xandret l-ismijiet ta' kważi erba' mitt tifel u tifla li nqatlu fl-attakki fuq Gaża bejn it-8 ta' Lulju u t-3 ta' Awwissu