Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049
10 illum | Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 Battibekki fuq il-monti tar-Rabat ILPROĠETT propost ta' tisbiħ fiċ-ċentru tar-Rabat qajjem diversi reazzjonijiet fost il-komunità Rabtija bil-Kunsill Lokali jgħid li l-proġett huwa essenzjali għar-riġenerazzjoni tal-lokal. Fil-maġġoranza, ir-residenti Rabtin dan jirrikonoxxuh għalkemm kien hemm ukoll xi dubji mqanqla dwar kemm effettivament se jiżdiedu l-parkeġġi u t-tneħħija ta' arbuxelli. Iżda l-akbar għagħa qam meta ġie deċiż li l-monti li jintrema kull nhar ta' Ħadd jinżel għal Triq it-Tiġrija, taħt is-Saqqajja. Huwa maħsub li dan jibqa' hemm għal mill-inqas sitt xhur sakemm jitlesta x-xogħol kollu, għalkemm din l-istima hija konservattiva. Il-monti tar-Rabat huwa tradizzjonali ħafna u għall-ewwel kien jintrama madwar il-Pjazza ta' fuq San Katald, fis-snin sebgħin kien mexa fi Triq Santa Rita. Il-monti baqa' jikber u llum il-ġurnata jieħu parti sewwa minn din it-triq ewlenija fiċ-ċentru tal-lokalità fejn propju se jsir il-proġett ta' tisbiħ. ILLUM tkellem ma' numru ta' Rabtin li tawna dawn il-kummenti. Chris Farrugia Kienet il-fehma ta' ħafna mir- residenti li l-għażla ta' taħt is- Saqqajja mhix l-aħjar għażla. Anzjani se jsibuha diffiċli sabiex ikunu jistgħu jitilgħu bix-xirja tagħhom speċjalment fi żmien sħun li baqa'. Persuni b'diżabbiltà jafu wkoll ikunu żvantaġġati. Il-bejjiegħa tal-monti wissew li n-nies mhux se jinżlu taħt is-Saqqajja għax se jkun 'il bogħod miċ-ċentru. U barra minn hekk l-effett multiplikatorju fuq in-negozji se jkun ristrett immens għax m'hemmx ħwienet oħra fi Triq it-Tiġrija. Minbarra dan, jekk tagħmel ix-xita, l-ilma jibqa' nieżel għal ħafna ħin minn dik it-triq, li jiskoraġixxi lill- bejjiegħa milli jarmaw u lin-nies milli jinżlu. Kienu diversi s-suġġerimenti li offrew diversi residenti permezz tas-sit tar-Rabat, 'People Who Like or Live in Rabat', u minn dawn kien hemm minnhom li setgħu kienu vijabbli tassew (Pjazza Anton Agius, Pjazza Forok, Vjal il-Ħaddiem, Sant' Agata, It-Tomba). Minkejja li l-Kunsill Lokali qal li se jagħmel shuttle service li jista' jtaffi l-problema, ħafna residenti ma tantx dehru entużjasti mill-inizjattiva. Karistu Abela Il-problema kollha nqalgħet wara li fl-1 t'April 2014 ġiet ippreżentata mozzjoni sabiex tinbidel deċiżjoni li ttieħdet f 'Awwissu tas-sena l-oħra mill-Kunsill Lokali stess. Infatti ħadd ma qiegħed jitkellem kontra l-proġett iżda kontra l-għażla tal-post fejn sejjer jiġi allokat il-monti tul iż- żmien meħtieġ biex Triq Santa Rita u l-madwar jiġu msebbħa. Biex wieħed ikollu stampa tal-post magħżul, biżżejjed jifhem li Triq it-Tiġrija tinsab l-isfel mit-Telgħa tas-Saqqajja. F'din it-triq il-monti ġie mifrux fuq medda twila 800 metru, qisek qed tgħid mill-knisja ta' San Franġisk hekk kif tibda Triq ir-Repubblika l-Belt sa Sant' Iermu, fi triq b'telgħa aktar wieqfa mill-parti t'isfel ta' Triq ir-Repubblika. Immaġina persuna li għandha problemi fiżiċi jew mimlija bl-età taqdef tul din it-triq b'xirja f 'idha fix-xemx tiżreġ jew fix-xita. Wara din il-mixja jkun hemm vann provdut mill-kunsill biex iwassal lix-xerrej fiċ- ċentru tar-Rabat. Fundamentalment wieħed jista' jgħid li l-monti tar-Rabat mhuwiex biss post fejn in-nies tmur biex tixtri iżda huwa wkoll attività li tiġbed in-nies lejn il-lokalità tar-Rabat il-Ħdud filgħodu barra minn dan wieħed jista' jqisu estensjoni tal-misraħ tradizzjonali Malti fejn in-nies tiltaqa' u titkellem. Infatti l-monti huwa ffrekwentat mhux biss minn nies li huma mimlija saħħa iżda wkoll minn dawk li għandhom problemi fiżiċi u anzjani. Nista' ngħid ċar u tond li dawn iż- żewġ kategoriji ta' nies huma l-aktar li se jgħotru taħt il-piż ta' din id- deċiżjoni. Mary Fisher Jien kont waħda minn dawk li esprimejt l-opinjoni tiegħi pubblikament li ma naqbilx mad- deċiżjoni li l-monti jmur taħt is- Saqqajja. Din hi inġustizzja mal-poplu Rabti. Napprezza li x-xogħlijiet iridu jsiru imma nemmen li kien hemm alternattivi oħra fejn seta' kien trasferit il-monti, kif saħansitra ssuġġerew diversi nies oħra. Is-Sindku pero ma riedx jisma' u baqa' miexi bid-deċiżjoni tiegħu u ġab lill-Kunsilliera kollha miegħu fuq din il-biċċa. Billi jipprovdu trasport, jien, u ħafna oħra, żgur li xorta mhux se ninżlu hemm isfel sakemm jerġa' lura lejn Triq Santa Rita. Ian Mario Vassallo (Hagi) - Kunsillier Minħabba proġett ta' tisbiħ fi Triq Santa Rita, għal żmien temporanju li ma jaqbiżx Marzu 2015, se jkollu jiġi rilokat il-monti. L-ewwel pjanijiet u deċiżjonijiet meħuda fi żmien leġislatura differenti kienet li l-monti jintrama iktar 'l isfel fi Triq Santa Rita u jkompli fit-toroq li jmissu ma' Triq Santa Rita, Triq Pawlu Inguanez u Triq Pierre Muscat. Wara diversi lmenti minn residenti, rigward nuqqas ta' aċċess għar- residenzi u parkeġġ, u wara li saret laqgħa pubblika, jien flimkien ma' sħabi Kunsilliera Rudolf Grima u Stephen Borg, ressaqna mozzjoni bi tliet alternattivi. Dawn l-alternattivi ġew diskussa flimkien ma' ammont ta' toroq oħra li kienu jinkludu Triq it- Tiġrija, Triq Tgħabija, Misraħ Anton Agius, il-grawnds tal-iskejjel, taċ- Ċagħki u Tal-Virtù. Wara diskussjonijiet, ġejna mgħarrfa li minħabba li l-monti tar-Rabat jikkonsisti minn kważi 100 bejjiegħ, u kull bejjiegħ ikollu allokat spazju għal tilar u l-vettura, il-postijiet imsemmija kienu żgħar wisq ħlief għal Triq it- Tiġrija. Din dehret li kienet ukoll l-aħjar għażla għaliex il-monti seta' jintrama fuq naħa waħda tat-triq u b'hekk nerħu aċċess lir-residenti. F'dan il-post seta' wkoll jiġi organizzat ukoll parkeġġ għal min juża l-vettura tiegħu u minħabba li l-post kien ftit imbiegħed, proponejna li anke jsir shuttle service. Sfortunatament kien hemm min ħaseb li dan il-monti se jiċċaqlaq għal dejjem iżda dan mhux minnu. Kien hemm min ilmenta li hemm telgħa wieqfa, iżda f 'din il-parti mhux se jintramaw tilari, iżda sar parkeġġ għal vetturi, kien hemm min ilmenta li hemm il-bogħod iżda ma ndunawx li għamilna shuttle service b'xejn! Silvio Abela L-ewwel nett, kulħadd qabel li l-proġett ta' Triq Santa Rita hemm bżonn li jsir u dan jixhdu l-fatt li l-Kunsill kellu qbil unanimu inkluża wkoll fit-tmexxija temporanja tal- monti. Personalment nista' nifhem ir-riservi li ċerta persuni jista' jkollhom minħabba l-għażla tal-post temporanju, forsi minħabba t-telgħa li hemm fi Triq it-Tiġrija jew affarijiet oħra. Il-Kunsill wiegħed li se jipprovdi trasport b'xejn miċ-ċentru tar-Rabat lejn u minn dan il-post temporanju. Jiddispjacini ngħid li xi nies iffurmaw opinjoni fuq dak li ntqal fil- paġna segwita immens fuq Facebook, mingħajr ma offrew xi soluzzjoni. Sinċerament naħseb li kien ikun aħjar kieku saru aktar laqgħat jew forsi anke l-poplu jiġi mitlub jagħti l-opinjoni f 'laqgħat apposta. Nemmen ukoll li l-kunsilliera kollha evalwaw sew il-postijiet alternattivi li ssemmew kemm-il darba u kien għalhekk li d-deċiżjoni ttieħdet kif ittieħdet. Wieħed għandu jistenna sabiex naraw kif se jaħdmu l-affarijiet u wara nirranġaw skont il-bżonn għaliex f 'affarijiet bħal dawn ma tistax tippjana għal kull eventwalità mingħajr ma tħalli xi ħaġa barra li toqros lil xi ħadd, żgur. U l-anqas tista' taqbad u tgħid li kulħadd se jagħmel it-telf! Ġie deċiż li l-monti tar-Rabat se jiċċaqlaq għal taħt is-Saqqajja għal perjodu ta' sitt xhur Frederick Attard fattard@mediatoday.com.mt