Illum previous editions

illum 19 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/904003

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 19 ta' Novembru 2017 | illum 19 Opinjoni 19 I l-politika mhijiex dik li jpenġuha l-ġurnali jew il-mezzi tax-xandir. Il-politika mhijiex dik li naraw fl- aħbarijiet tat-tmienja jew fuq il-portals. Il-politika hija r-relazzjoni li n-nies ikollhom mal- awtoritajiet fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Għal komunità partikolari, persuna li tagħmel differenza f 'ħajjithom hi aqwa u iktar importanti mill- aqwa President tal-Istati Uniti li jidher kuljum fuq l-istazzjonijiet kollha tad- dinja. Joe Attard kien mexxej. Kien mexxej ta' komunità kburija ħafna – dik taż-Żejtun – bi storja b'saħħitha u li għaddiet minn episodji u mumenti ta' diffikultà u li fihom rawh protagonist ta' dak li hu sewwa. F'dawn il-mumenti ta' diffikultà, Joe Attard kien dak il-bniedem li l-komunità taż-Żejtun taha tmexxija, taha rotta u b'ħidmietu, fil-kwiet imma b'impenn, dawwar mhux biss il-perċezzjoni tan- nies fuq iż-Żejtun imma anke r-realtà taż-Żwieten infushom għall-aħjar u bil-bosta. Jien lil Joe Attard kont nafu ħafna, ħdimt miegħu ħafna u nemmen li bnejna matul is-snin rapport mhux biss ta' rispett imma ta' iktar minn rispett. Naf il-bidu tal-ħajja politika tiegħi lilu. Meta kont għadni student l-Università – kelli forsi 18- il sena, kont mort proprju għandu biex nibda rapport mad-dinja politika. Fil- familja ma kelli ħadd li kien involut politikament. Kont nisma' lil missieri jgħid li aħna mħalltin mas-Sur Attard għaliex huwa kien minn familja magħrufa bħala tad-Dawra u aħna mħalltin ma' dik il-familja. Allura kont għamilt il-kuraġġ u mort inkellmu. Meta għidtlu li rrid nidħol fil-politika, is-Sur Attard kien baqa' jħares lejja. Ma kienx jafni, imma kien jaf il-familja tiegħi. Baqa' jiflini (probabbli beda jgħid – dan minn fejn waqa'!) u wara ftit beda jkellimni. Meta ra li kont irrid nisma', il-konversazzjoni spiċċat waħda ta' xi tliet si għat. Hu jgħid, u jien nassorbi. U dik id-diskursata baqgħet stampata f 'moħħi. Għadni niftakar eżatt x'kien liebes u fuq liema siġġu kien poġġa bilqiegħda. "Dejjem inċana favur il- vina, qatt kontra l-vina," kien qalli. Iss'isbaħ kont għidt bejni u bejn ruħi! "Mhux nifhem, Sur Attard," kont għidtlu. "Mastrudaxxa tajjeb, Owen, jinċana favur il-vina u mhux kontriha. Jekk tinċana kontra l-vina tqallagħha. Jekk tinċana favur il-vina tagħmilha sabiħa". Fi ftit kliem, il-messaġġ tas-Sur Attard kien li politiku tajjeb kellu jkun dejjem fuq in-naħa tan-nies, jaħdem għan-nies u man-nies. L-ewwel endorsement biex niġi approvat għal kandidat tal-Partit Laburista kien għamiluli hu. Ma kienx endorsement li jsir f 'sekonda biex wieħed jeħles minn dak li jkun imma kienet kitba studjata u li tagħmel sens. Kien anke tani l-homework – kien qalli biex naqra ktieb fuq l-istorja taż-Żejtun (li tahuli u għadu għandi) għax qalli li inutli taspira li tkun rappreżentant ta' poplu jekk inti ma tafx l-istorja ta' dak il-poplu. Eventwalment kont sirt Viċi President tal-Banda Żejtun, li tagħha s-Sur Attard kien għal ħafna snin President u baqa' sa mewtu. Il-banda kienet tfisser ħafna għas- Sur Attard – kienet iktar minn miġemgħa ta' persuni li jiltaqgħu għal għanijiet kulturali. Kellha rwol ħafna u ħafna usa'. Niftakar darba wara laqgħa tal-kumitat kien talabni ngħidu kelma. Dħalna fil- karozza tiegħu u beda jgħidli x'jaħseb hu fuq il-banda u l-futur tagħha. Għalih ma kinitx sempliċi banda. Kien post fejn wieħed jista' jagħmel ħidma favur in-nies, fejn jista' jeduka n-nies u jmexxihom 'il quddiem. "Irrid nuri x'inhu l-veru Żejtun lil Malta," kien jgħidli. Joe Attard, sintendi kien iben minn kien. Missieru u missier Joe u Godfrey Grima kienu flimkien jagħmlu forza politika straordinarja. Kienet epoka differenti imma dik il-forza kienet waħda li ħalliet impatt mhux biss fuq il-futur politiku taż-Żejtun imma fuq il-futur politiku ta' pajjiżna. Darba biss rajtu jibki lis-Sur Attard – meta miet missieru. Bħala banda konna għamilna servizz speċjali dakinhar u f 'mument minnhom, waqt li s-Sur Attard rringrazzja lill-bandisti u l-kumitat kollu, beka. Mhux se nkun jien nikteb fuq il-ħidma ta' missier Joe Attard u missier Joe u Godfrey Grima fiż-Żejtun. Biss ngħid kelma waħda – li f 'ħidmiethom dawn iż-żewġ mexxejja kienu jfittxu li jikkonvinċu bil-persważjoni u billi jagħmlu l-ġid. Nemmen li ma kien hemm xejn li weġġa' lil Joe Attard iktar milli jara isem iż-Żejtun jittebba' bl-inċidenti tat- tmeninijiet. Jien kont għadni tifel fit-tmeninijiet u għad li ma għextx il-kruha ta' dawn l-inċidenti, għext il- konsewgenzi tagħhom. Jien mort l-iskola Primarja taż- Żejtun u kont nħoss it-toqol ta' dak li kien għaddej. Diffiċli nispjegaha imma t-tensjoni kont inħossha – il-famuż tieġ, l-inċidenti tal-Barrani. Ta' għaxar snin fl-1990 dħalt is-Seminarju u hemm ħadt doċċa kiesħa. "Minn fejn inti?" kienu jsaqsuni. Kont inwieġeb: miż-Żejtun. U t-tfal l-oħra f 'kor wieħed- ajma hej. Min jgħidli cowboy u min jgħidli repubblika u titli bħal dawn. Kont fhimt x'iġifieri li tieħu timbru. Kont fhimt kemm hi kerha l-inġustizzja. Li inutilment tiġi mħares b'mod differenti għaliex inti ġej minn pajjiż u mhux ieħor. Is-Sur Attard ra fil-Kunsilli Lokali li kienu għadhom qed jitwieldu proprju dak iż-żmien opportunità biex liż- Żejtun inaddfu mill-ħmieġ li kien tweħħel miegħu. Meta ħareġ għall-ewwel darba, kien ġab l-ikbar ammont ta' voti imma ma kienx sar Sindku għaliex dak iż-żmien ma kontx issir Sindku b'mod awtomatiku b'min iġib l-ikbar numru ta' voti. Eventwalment Joe Attard ħa t-tmun tal- Kunsill f 'idejh u elezzjoni wara l-oħra baqa' jkabbar l-appoġġ tiegħu. U bir-raġun. Kif inħobb ngħid lil kulħadd – Joe Attard liż-Żejtun ġabu ġenna. Naddaf isem iż-Żejtun darba għal dejjem u wera lill-poplu Malti u Għawdxi ż-Żejtun x'inhu fil-verità: is- sbuħija ta' raħal kburi ħafna b'dak li għandu. Sintendi hemm nies oħra li bid-deċiżjonijiet li ħadu saħħew dan il-proċess ta' restawr t'isem iż-Żejtun – ma rridx insemmi lil dak u l-ieħor għax nibża' li nħalli lil xi ħadd barra. Biss nemmen li kulħadd jaqbel li Joe Attard kien mutur fantastiku biex il-poplu Malti jara b'għajnejh x'kapaċi jagħmlu ż-Żwieten b'pajjiżhom stess. U hu u jagħmel dan ħalla Kunsill b'saħħtu finanzjarjament u fuq pedamenti sodi. Niftakar li darba minnhom il-ġurnal Independent kien ġab editorjal fejn essenzjalment qal dan li għadni kif għidt. Li ż-Żejtun, bis-saħħa tas-Sur Attard u l-ħidma tiegħu permezz tal- Kunsill Lokali trasforma ruħu kompletament. U niftakru jgħidli: Ow, se ndendlu fl- uffiċju dan l-editorjali. U ta' raġel li hu, dendlu proprju fl-uffiċju tiegħu tal-Kunsill u jekk m'iniex sejjer żball għadu hemm sal-lum. Ma kellu għalfejn idendel l-ebda editorjal għax in- nies għandhom għajnejhom f 'wiċċhom u jafu eżatt dak li wettaq u għamel għaż-Żejtun biex isem dan ir-raħal jerġa' jitla' 'l fuq. Il-viżjoni kulturali tas-Sur Attard kienet eċċezzjonali. Nafu x'wettaq fis-sebgħinijiet u baqa' jaħdem f 'dan is-settur sa din il-ġimgħa stess. Hu u jien konna npoġġu bilqiegħda u naraw kif nistgħu nsaħħu l-kultura fl-irħula tagħna. Iċ-ċavetta kien dejjem Albert Marshall li ta' bniedem ta' esperjenza li hu, kien kapaċi jitkellem sew miegħi u sew mas-Sur Attard b'mod li jressaq l-affarijiet lejn kif ikunu l-aħjar li jsiru. Il-proġett tat-Teatru Pandora li TeatruMalta u l-Għaqda Banda Żejtun kienu qed jaħdmu flimkien kien għal qalbu wisq. Ħasra li ma rnexxilux jara b'għajnejh it-twettiq ta' din il-ħolma li kellna flimkien hu u jien però nwegħdu li minkejja li m'għadux magħna se nkomplu għaddejjin b'iktar enerġija biex din il-viżjoni tirrealizza ruħha. Imxejna ħafna u se nkomplu nimxu. Diġà kien hemm min ċempilli u ħeġġiġni biex nibdew norganizzaw irwieħna sabiex insellmu lis-Sur Attard bl-iktar mod li jixraqlu. Żgur li s-Sur Attard ħaqqu monument sabiħ f 'post promminenti fiż-Żejtun biex mhux biss aħna imma anke wliedna u wlied uliedna jibqgħu jiftakru f 'dan il-personaġġ ġgant u mexxej onest li tant għamel ġid liż-Żejtun. Fil-każ tiegħi, bi kburija nista' ngħid li kien ħabib ġenwin tiegħi li sibtu anke fl-iktar mumenti ta' sfida. Nagħti l-kondoljanzi tiegħi lil martu Jessie, liż-żewġ uliedu u l-familji tagħhom u lill-qraba u ħbieb tas-Sur Attard. Iż-Żejtun midjun ħafna lejn is-Sur Attard. Strieħ fis-sliem, u grazzi ta' kollox. OWEN BONNICI Meta jmut mexxej Joe Attard liż-Żejtun ġabu ġenna. Naddaf isem iż-Żejtun darba għal dejjem u wera lill-poplu Malti u Għawdxi ż-Żejtun x'inhu fil-verità: is-sbuħija ta' raħal kburi ħafna b'dak li għandu Il-Ministru Owen Bonnici flimkien mas-Sindku taż-Żejtun Joe Attard

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 November 2017